Il-Gvern ħabbar żewġ inizjattivi soċjali b'għan ambjentali, voucher ta’ €100 għall-familji l-aktar vulnerabbli u proġett pilota f’20 lokalità ta’ mobile reverse vending machines (RVMs) għal persuni t’aktar minn 60 sena. Dawn l-inizjattivi se jitniedu fl-1 ta' Lulju.
L-inizjattivi jkompliu fuq l-investiment riċenti sabiex jittejbet il-kwalità tal-ilma tal-vit u l-iskema tar-REWS fejn dak li jkun jista’ jixtri active carbon filter u titlob rifużjoni.
L-ewwel inizjattiva tinkludi voucher ta' €100 jintbagħtu bil-posta lil familji l-aktar vulnerabbli sabiex jixtru l-filter tal-ilma. Madwar 13,000-il familja vulnerabbli, li diġa' jgawdu minn benefiċċju tal-enerġija, ħa tirċievi dan il-voucher.
It-tieni inizjattiva se tara il-bidu proġett pilota ta’ mobile RVMs, RVMs huma vetturi mgħammra b’magna li tieħu kontenituri tax-xorb permezz ta’ reżervazzjoni. Dan is-servizz, li se jibda f’20 lokalità u ħa jkun immirat għal persuni li għandhom ’il fuq minn 60 sena, kif ukoll għal dawk li għandhom il-Blue Badge.
Il-lokalitajiet intgħażlu abbażi ta’ numru ta’ kunsiderazzjonijiet id-demografiċi tal-lokalità. Il-lokalitajiet li jiffurmaw parti mill-proġett pilota huma: il-Marsa, il-Kalkara, Ħal Għaxaq, il-Gudja, l-Imqabba, il-Qrendi, Birżebbuġa, l-Isla, il-Birgu, il-Belt Valletta, Bormla, Raħal Ġdid, il-Ħamrun, Ħal Lija, Ħal Balzan, Santa Luċija, Ħal Luqa, il-Furjana, Tal-Pietà u Gwardamanġa.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u s-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Glenn Bedingfield f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Birgu.
“L-għan taż-żewġ inizjattivi huwa biex inkomplu nħeġġu l-pubbliku fl-azzjonijiet tiegħu favur l-ambjent, u b’hekk nagħmluha aktar faċli għal min irid jagħmel il-parti tiegħu. Iż-żewġ inizjattivi li qed inħabbru llum huma parti minn viżjoni usa’ biex naraw li kulħadd ikun parti minn viżjoni ta’ ekonomija ċirkolari fejn l-iskart, jew ma nipproduċuhx, jew nibdluh f’riżorsa,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni se jkunu preżenti fi 11-il sit madwar Malta kollha, fejn hemm domanda għolja għal użu tal-magni tal-BCRS, biex jassistu bil-manutenzjoni ta’ dawn is-siti.