Blokka residenzjali ta’ disa’ sulari li tinkludi 24 appartament qed tiġi proposta minflok il-fergħa tal-Bank of Valletta fil-Pietà, faċatta il-ġnien tal-Imsida Creek.
Il-proġett jinkludi post għall-parkegġ għall-13-il karozza u ħanut, flimkien ma' seba’ sulari t'appartamenti u sular ieħor fejn qed jiġu ppjanati tliet penthouses.
Fl-applikazzjoni, l-iżviluppatur Michael Bugeja, direttur u sid tal-Bilom Group, iddikjara li s-sit kollu huwa tiegħu. Is-sit bħalissa jinkludi l-fergħa tal-Bank of Valletta li fiha żewġ sulari u tinsab bejn żewġ blokok ta’ sitt sulari kull waħda.
Il-pjanti juru li l-binja l-ġdida se tkun għolja bejn sular u tnejn aktar mill-binjiet biswit.
Il-pjan lokali għal din iż-żona tal-Imsida u l-Pietà jippermetti għoli massimu ta’ sitt sulari u semi-basement, li jikkorrispondi għal faċċata ta’ 25.6 metru, eskluż il-penthouses. L-applikazzjoni ma tipproponiex tħaffir taħt l-art, peress li ż-żona hija vulnerabbli għal għargħar.