Gabriel Grixti, student u ċ-champion nazzjonali tat-table tennis, fuq il-pjattaforma soċjali Facebook esprima d-dispjaċir li qed iħoss hekk kif il-Kumitat Olimpiku Malti m’għażlux sabiex ikun parti mid-delegazzjoni Maltija fil-logħob tal-GSSE f’Andorra, minkejja li huwa ċ-champion renjanti lokali bħalissa u minkejja wkoll li dejjem iddedika ruħu sabiex jirrappreżenta lil Malta.
Hu qal li minkejja li bħalissa qiegħed fil-ħames sena tal-kors tal-mediċina, xorta waħda jqatta’ minn tal-inqas 18-il siegħa fil-ġimgħa jipprattika u jitħarreġ għall-isport tiegħu. Dan is-sagrifiċċju sarraf f’ġid hekk kif f’dawn l-aħħar erba’ snin, huwa rnexxielu jirbaħ tliet kampjonati.
Fid-delegazzjoni Maltija tat-table tennis għal-logħob tal-GSSE f’Andorra hemm Maria-Carmelia Iacob, Viktoria Lucenkova, Dmitrij Prokopcov, Renata Strbikova, Felix Wetzel, u Daniel Bajada.
Grixti kkummenta fuq kif minn dawn is-sitta, wieħed biss huwa Malti. Hu għamel referenza għal-logħob tal-GSSE tal-2023 fejn il-gvern Malti ta erba’ passaporti lil atleti mhux Maltin sabiex jirrappreżentaw lil pajjiżna ħalli Malta “jkollha iżjed ċans tirbaħ.”
Hu qal kif hu ma qabilx ma’ dan imma baqa’ fit-tim xorta waħda, avolja ma kellux ċans jilgħab. Skontu, dawn l-atleti sparixxew mill-2023 ’l hawn u issa reġgħu tfaċċaw sabiex jilagħbu.
“Lill-Kumitat Olimpiku Malti, jien nistaqsi: għaliex ir-rebbieħ nazzjonali li għamel minn kollox qed jiġi eskluż? L-istess kriterja ntużat fuq kulħadd? Għaliex il-Kumitat Olimpiku Malti mhux qed ikun trasparenti fuq min u kif qed jittieħdu d-deċiżjonijiet?”
L-atleta jgħid li din mhux kwistjoni personali imma tirrelata mal-ġustizzja u r-responsabbiltà. Hu għalaq billi qal li hu dejjem kien kburi jilbes il-kuluri ta’ Malta imma llum qed iħossu abbandunat “mill-istituzzjonijiet li suppost qegħdin jipproteġu lill-atleti u lill-isport.”