Inawgurata l-pjazza u x-xatt tal-Kalkara wara proġett ta’ riġenerazzjoni

Il-proġett sar mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir

Il-Prim Ministru Robert Abela nnawgura l-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-pjazza u x-xatt tal-Kalkara, li jinkludi spazju miftuħ ta’ 16,500 metru kwadru u żona pedonali ta’ 3,000 metru kwadru.

Dan il-proġett sar mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC).

Il-proġett jinkludi wkoll xatt imsebbaħ b’għamara ta’ barra u sistema ġdida ta’ servizzi fosthom tal-elettriku, bandli ġodda u siġar imħawla fil-qalba tal-Kalkara.

F’indirizz li għamel il-Prim Ministru innota kif din il-parti ta’ Malta qed tiġbed lejha investiment bi proġetti ta’ kwalità li jpoġġu lill-familji fil-qalba.

Qal li f’dan il-kuntest qed jinħoloq bilanċ fejn xogħol ta’ riġenerazzjoni ma jfissirx li jinħatt dak tal-imgħoddi iżda li jiġu ppreservati l-karatteristiċi.

Il-Ministru għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli qalet li dan hu proġett ewlieni li permezz tiegħu il-Kalkara sbieħet”. Żiedet li dan il-proġett huwa “simbolu li bl-attivitajiet ekonomiċi u kulturali, jiġu offruti mumenti ta’ serħan għar-residenti u anke lil min iżur il-gżejjer Maltin.

Is-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina rringrazzja lil kull min kien hemm b’xi mod jew ieħor biex din il-ħolma għall-Kalkariżi saret realtà.

Il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC Gino Cauchi qal li l-GHRC tinsab impenjata biex tkompli twettaq aktar proġetti ta’ riġenerazzjoni fil-Port il-Kbir.

More in Socjali