36% tal-istudenti jesperjenzaw ġlied fl-iskejjel

The Malta Foundation for the Wellbeing of Society (MFWS) wettqet riċerka u esplorat il-benesseri tat-tfal ta' bejn il-11 u 15-il sena li rriżulta li t-tfal mhumiex f’qagħda tajba

Minn riċerka li seħħet qalb studenti bejn il-11 u 15-il sena, rriżulta li t-tfal mhumiex f’qagħda tajba meta mistqosija dwar il-benesseri tagħhom.

The Malta Foundation for the Wellbeing of Society (MFWS) wettqet riċerka u esplorat il-benesseri tat-tfal. Mir-riċerka ġie żvelat li 36% tal-istudenti intervistati qalu li l-ġlied fl-iskejjel huwa okkorrenza ta’ kuljum. 

Ħarsa eqreb lejn is-sejbiet juru li mhux it-tfal kollha jinsabu tajbin – 9% tal-adoloxxenti jsibu serħan f’li jweġġgħu lilhom infushom; filwaqt li 17.3% tat-tfal ta’ bejn sebgħa u tmien snin esperjenzaw bullying u rrappurtaw li ġew imsawtin darbtejn jew aktar matul ix-xahar li għadda, 21.7% ġew mgħajra, u 23.1%ġew esklużi minn sħabhom.

L-istudju sar fost 364 tfal u żagħżugħ permezz ta’ tliet kwestjonarji separati għal tfal ta’ bejn seba’ sa tmien snin, ta’ tmien sa 11-il sena, u ta’ ħdax sa 15-il sena.

Din ir-riċerka nġabret mill-akkademiċi universitarji Carmel Cefai, Rachel Spiteri, Natalie Galea u Marie Briguglio. 

Ir-rapport – ippreżentat lill-Parlament illum fil-Jum Dinji tal-Kuntentizza – jifforma parti mill-proġett ‘Malta Wellbeing INDEX’ (Indicators, Networking, Data, Exploration, eXchange). 

Dan huwa sforz kollaborattiv bejn il-Malta Foundation for the Wellbeing of Society u l-Università ta’ Malta, u jservi bħala repożitorju ta’ informazzjoni biex jiggwida lil dawk li jfasslu l-politika u stakeholders fil-kejl tal-benesseri ta’ gżiritna, lil hinn mill-metriċi tal-GDP.

Waqt konferenza stampa, Marie-Louise Coleiro Preca, chairperson tal-MFWS, qalet li “Id-deċiżjoni li jiġi żviluppat indiċi tal-benesseri, ittieħdet mill-Bord tal-Amministraturi tal-Fondazzjoni u hija riżultat ta’ erba’ snin ta’ proġetti ta’ riċerka, li jkomplu jenfasizzaw kif il-benesseri fl-aspett multi-dimensjonali tiegħu huwa essenzjali u fundamentali għall- progress sostenibbli.”

Ir-rapport, ir-raba' studju minn meta ġie mniedi l-proġett ‘Malta Wellbeing INDEX’ fl-2020, jidħol fil-fond biex jistaqsi lit-tfal u ż-żgħażagħ infushom kif iħossuhom, minflok ma joqgħod fuq indikaturi oħra.

Jirrevela differenzi interessanti fl-età u l-ġeneru, bil-parteċipanti iħossuhom inqas sodisfatti b’diversi aspetti ta’ ħajjithom hekk kif jikbru, is-subien jesperjenzaw aktar bullying, u l-bniet adolexxenti jesperjenzaw aktar sentimenti u burdati negattivi. 

Hekk kif it-tfal jidħlu fl-adolexxenza, jidhru wkoll li jqattgħu inqas ħin involuti fl-eżerċizzju fiżiku u fl-isports, u aktar ħin fuq it-televiżjoni u l-midja soċjali. 

Gruppi partikolari ta’ tfal u żgħażagħ — l-aktar dawk minn status soċjoekonomiku aktar baxx, sfond ta’ migrazzjoni, jew dawk b’diżabilità — irrappurtaw livell aktar baxx ta’ benesseri u inqas sodisfazzjon b’aspetti varji ta’ ħajjithom meta mqabbla ma’ sħabhom

Coleiro Preca qalet li dan l-aħħar indiċi tal-benesseri ma kienx se jkun l-aħħar kontribut lil Malta u li fix-xhur li ġejjin se jittieħdu inizjattivi oħra. 

More in Socjali