Malta fost l-aktar pajjiżi siguri fid-dinja
Il-Ministru Byron Camilleri qal li dawn ir-riżultati jsaħħu l-fiduċja fil-korpi dixxiplinati u ħabbar investimenti kbar fis-settur tas-sigurtà għall-2026
More in Socjali
Il-Ministru Byron Camilleri qal li dawn ir-riżultati jsaħħu l-fiduċja fil-korpi dixxiplinati u ħabbar investimenti kbar fis-settur tas-sigurtà għall-2026
Malta kklassifikat fit-12-il post globali għall-livell ta’ sigurtà skont l-aħħar World Justice Project Rule of Law Index. Ir-rapport jindika li r-rata tal-kriminalità fil-pajjiż naqset b’mod sostanzjali, minn 46 każ għal kull elf persuna fl-2004 għal 30 każ bħalissa, b’żieda pożittiva wkoll fl-2024.
“Malta sigura. Malta li tagħtik il-paċi tal-moħħ. Dawn mhumiex kliem, iżda garanziji li qed nagħtu lill-familji tagħna,” qal il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri waqt konferenza tal-aħbarijiet. Huwa żied li s-sigurtà mhix biss kwistjoni ta’ liġi u ordni, iżda wkoll ta’ fiduċja bejn iċ-ċittadini u l-korpi dixxiplinati li jaqduhom.
L-istess rapport poġġa lil Malta fit-31 post fil-klassifika ġenerali dwar is-saltna tad-dritt.
Il-Ministru Camilleri ħabbar li fil-Baġit tal-2026 se jkun hemm żieda rekord fl-investiment fis-settur tas-sigurtà, bil-finanzjament rikorrenti jogħla minn €100 miljun fl-2012 għal €280 miljun.
Hu tenna li l-investiment fir-riżorsi għandu jakkumpanja investiment fil-ħaddiema: “X’jiswa li ninvestu fl-għodod, fl-uniformijiet jew fil-binjiet jekk ma ninvestux fl-aqwa riżorsa li għandna – il-ħaddiema tagħna?”
Il-Baġit tal-2026 jinkludi diversi proġetti ewlenin għal kull korp tal-infurzar tal-liġi. Il-Korp tal-Pulizija se jirċievi €6 miljun biex jimmodernizza s-sistema tal-informazzjoni tiegħu, bil-għan li tissaħħaħ l-effiċjenza u l-analiżi tad-dejta.
Se jinbnew ukoll stazzjonijiet ġodda tal-pulizija f’Ħal Tarxien, Mosta, Tas-Sliema, Ħal Qormi u r-Rabat (Għawdex), b’€9 miljun allokati għall-proprjetajiet u l-infrastruttura. Il-flotta tal-vetturi se tiġġedded u se jiġu installati aktar kameras tas-sigurtà f’żoni strateġiċi bħall-Buġibba, il-Marsa u Ħal Tarxien, biex jikkumplimentaw is-sistemi eżistenti f’Paceville.
Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili se jingħata vetturi ġodda kontra n-nar adattati għal karozzi elettriċi, tagħmir ta’ tfittxija bl-ajru, u titjib fl-istazzjonijiet tal-Floriana u Għawdex.
Il-Gvern wiegħed ukoll kundizzjonijiet aħjar għall-membri tal-korpi dixxiplinati permezz ta’ ftehim settorjali ġodda, inkluż wieħed ġdid għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li mistenni jitħabbar din is-sena, wara l-ftehim riċenti għall-pulizija, is-suldati u l-ħaddiema tas-servizzi korrettivi.
Il-Ministru Camilleri temm jgħid li l-prestazzjoni ekonomika b’saħħitha tal-pajjiż qed tippermetti lill-gvern jinvesti fil-familji u fil-ġejjieni: “Nistgħu nitkellmu dwar il-futur għax il-politika tagħna hi li nittrasformaw ekonomija b’saħħitha f’appoġġ dirett lill-familji u lit-tfal tagħna.”