Il-PN jerġa' jsejjaħ għar-riżenji politiċi wara s-sejbiet tal-inkjesta pubblika ta' Sofia

Il-PN dalwaqt se jippreżenta mozzjoni ta’ sfiduċja fuq il-ministri Stefan Zrinzo Azzopardi, Miriam Dalli u Silvio Schembri, wara s-sejbiet tal-inkjesta pubblika ta’ Jean Paul Sofia

Il-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jappella biex tintrefa’ r-responsabbiltà politika  wara l-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika ta’ Jean Paul Sofia.

Shadow Minister għall-ippjanar, Stanley Zammit ikkwota intervista tal-2020 ta’ Miriam Dalli, hekk kif meta kienet għadha MEP, tkellmet dwar l-importanza tat-trasparenza u l-governanza tajba. Zammit fakkar lil dawk preżenti li Dalli u l-kumplament tal-kollegi tagħha vvutaw kontra inkjesta pubblika, li ddeskrivieha bħala eżerċizzju ta’ trasparenza.

Saħaq li l-frammentazzjoni bejn il-gvern u l-entitajiet li jaqgħu taħtu tagħti lok għall-korruzzjoni. Meta kkummenta dwar l-infurzar laxk imsemmi fl-inkjesta pubblika, Zammit sejjaħ ir-rapport bħala ċertifikat ta’ sistemi disfunzjonali li wasslu għall-fallimenti fatali.

Huwa u jikkonkludi reġa’ rrefera għal dak li qalet Miriam Dalli.

Intant, il-kelliem tal-oppożizzjoni għall-enerġija Ryan Callus qal li l-gvern qed jipprova jissodisfa l-għadab tal-pubbliku permezz ta’ riżenji amministrattivi.

Callus innota li ħafna min-nies li rriżenjaw il-ġimgħa li għaddiet kienu persuni ta' fiduċja maħtura mill-eżekuttiv.

Id-Deputat tal-PN sostna li jekk wieħed jaqra bejn il-linji tar-rapport, isib li r-responsabbiltà m’għandhiex tinġarr biss mill-ħaddiema amministrattivi imma wkol mill-politku. 

Fakkar li l-PN dalwaqt se jippreżenta mozzjoni ta’ sfiduċja fuq il-ministri Stefan Zrinzo Azzopardi, Miriam Dalli u Silvio Schembri, wara s-sejbiet tal-inkjesta pubblika ta’ Sofia.

More in Socjali