Żieda ta' 16% f'nisa tqal li użaw pilloli abortivi fl-2023

Fi stqarrija minn Doctors for Choice, l-għaqda mhux governattiva sostniet li l-liġi dwar l-abort mhijiex tajba u li “mhix se tgħin lin-nisa li jesperjenzaw kumplikazzjonijiet waqt it-tqala"

Fl-2023, total ta’ 491 nisa tqal ħadu l-pillola abortiva sabiex itemmu t-tqala. 

Skont l-istatistika mogħtija mill-għaqda mhux governattiva Doctors for Choice, mill-2022 għall-2023 kien hemm żieda ta’ 16% ta' nisa li għamlu użu minn din il-pillola. 

Fi stqarrija minn Doctors for Choice, l-għaqda mhux governattiva qalet li l-liġi dwar l-abort mhijiex tajba u li “mhix se tgħin lin-nisa li jesperjenzaw kumplikazzjonijiet waqt it-tqala... u ma tqisx il-qagħda ta’ dawk li huma vittmi ta’ reati sesswali jew li jirċievu dijanjosi ta’ anomalija severa tal-fetu.”

L-abbozz 28 qajjem diskussjoni jekk għandux jidħol l-abort f’Malta, “il-fatt li madwar 500 mara rċeviet l-mezzi biex ittemm it-tqala juri kemm hu skorrett u maqtugħ mir-realtá,” qalet l-għaqda.  

 “L-abort diġà qiegħed Malta, u aktar nies qed jagħżlu li jtemmu t-tqala tagħhom fi djarhom. It-tmiem ta’ tqala bl-użu ta’ pilloli tal-abort id-dar huwa meqjus bħala sigur sa 12-il ġimgħa ta’ tqala minn organizzazzjonijiet mediċi awtorevoli, inkluża l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).”

L-istqarrija tkompli tgħid li “in-nisa f’Malta m’għandhomx jitqiesu bħala kriminali talli jaċċessaw servizzi ta’ kura tal-abort li huma legali fl-istati l-oħra kollha tal-UE, u madankollu nkomplu naraw każijiet f’Malta ta’ nisa vulnerabbli mressqa quddiem il-qrati talli temmew it-tqala tagħhom stess.”

Prof Isabel Stabile u Dr Natalie Psaila qed joffru Abortion Doula Support Service b’xejn – numru tat-telefon 20341683 – li kulħadd jista’ jċempel għal parir dwar l-abort b’xejn.

L-organizzazzjoni ta’ Doctors for Choice reċentement nediet ukoll Contraception Helpline – 20341685 – li toffri pariri b’xejn dwar il-kontraċezzjoni lil kulħadd, u għandha l-għan li żżomm ir-rati ta’ tqala mhux mixtieqa baxxi.

More in Socjali