L-Uffiċċju Meteoroloġiku: Jannar kien 1.2°C aktar sħun min-norma

L-Uffiċċju Meteoroloġiku qed ibassar temp b’ħalbiet tax-xita, ragħad u riħ qawwi għal nhar il-Ħadd

L-Uffiċċju Meteoroloġiku (MET) qal li Jannar kien 1.2 °C aktar sħun min-norma ta’ kull xahar, u rreġistra temperatura medja ta' 14.1 °C.

Fit-18 ta’ Jannar, l-ogħla temperatura għax-xahar telgħet għal 24.5°C. Madankollu, ir-rekord tal-ogħla temperatura rreġistrata mill-Uffiċċju Meteoroloġiku fl-ewwel xahar tas-sena jibqa’ dak ta’ 25.8°C, milħuq f’Jannar tal-2021.

It-23 ta’ Jannar sar l-iktar jum kiesaħ tax-xahar meta t-temperatura tal-arja niżlet għal 6.7°C. Filwaqt li din it-temperatura hija ferm aktar friska min-norma, Jannar 1981 għadu jżomm ir-rekord għall-inqas temperatura li qatt tkejlet matul ix-xahar, hekk kif il-merkurju niżel għal 1.4°C.

Ix-xahar li għadda kien ukoll xemxi mis-soltu, tant li matul ix-xahar tkejlu 181 siegħa xemxija, jiġifieri 11.5 sigħat xemxin aktar min-norma klimatika. Għall-kuntrarju ta’ ġranet li esperjenzaw medja ta’ 5.8 sigħat xemxin, il-11 ta’ Jannar  kien l-aktar jum imdallam, hekk kif ra inqas minn siegħa waħda xemija (0.9).

Il-qawwa medja tar-riħ kienet ta’ 9.0 knots; jiġifieri kważi fl-istess livell tan-norma klimatikata’ 8.9 knots. Is-sitt u s-seba’ jum ta’ Jannar kienu l-aktar mirjieħa, fejn kienet imkejla buffura li laħqet is-47 knot.

Matul ix-xahar li għadda, tkejlu biss 37.3mm ta’ preċipitazzjoni, li waqgħet 42.1mm inqas min-norma klimatika. L-istess xahar irrapporta maltempati bir-ragħad madwar il-gżejjer Maltin f’jumejn f’Jannar, u okkorrenza waħda biss ta’ preċipitazzjoni bis-silġ.

Tbassir għat-temp tal-Karnival 2024

Temp sabiħ u relattivament sħun mistenni jilqa’ l-Karnival 2024 nhar il-Ġimgħa. Madankollu, it-temp mistenni jsir instabbli fil-jiem ta’ wara, b’ħalbiet tax-xita u ragħad mbassra għall-Ħadd.

Ir-riħ mistenni jiżdied bejn il-Ġimgħa u s-Sibt u jibqa’ pjuttost qawwi għal qawwi, li jvarja bejn Forza 5 u 6, għall-bqija tal-jiem.

Nhar il-Ħadd, it-temp mistenni li jkun imsaħħab, b’ħalbiet tax-xita li jistgħu jkunu bir-rgħad u bil-buffuri tar-riħ. Dan se jwassal biex it-temperatura tinżel xi ftit, bl-ogħla titla sa 17°C u tinżel għal 11°C matul il-lejl.

It-Tnejn u t-Tlieta huma mbassra wkoll temp bir-riħ u ħalbiet iżolati tax-xita għall-aħħar jumejn tal-Karnival.

More in Socjali