Studenti tal-MCAST jitħallew fid-dlam minħabba diżgwid fuq il-ftehim kollettiv bejn l-MCAST u l-MUT

Bosta studenti tal-MCAST jinsabu ffrustrati minħabba direttivi imposti mill-MUT li qed isikktu lill-għalliema tal-MCAST milli jippubblikaw riżultati tal-istudenti 

“Attwalment hu x’inhu d-diżgwid, l-istudent qed ibati, minkejja li mhux it-tort tiegħu”. 

Dan kien kliem student tal-MCAST li qasam magħna l-frustrazzjoni ta’ bosta studenti tal-MCAST li jinsabu urtati mid-direttivi li ġew imposti fuq l-għalliema. L-għalliema, li qed isegwu d-direttivi, intalbu jżommu lura milli jaqsmu informazzjoni rigward kif sejrin fil-kors l-istudenti, kif ukoll il-pubblikazzjoni tal-marki.  

Id-direttivi ġew imposti mill-Malta Union of Teachers (MUT) is-sena l-oħra wara li kienu ħabbru d-direttivi minħabba nuqqas ta’ ftehim u dewmien fuq il-ftehim kollettiv ġdid tal-għalliema tal-MCAST. 

Tmiem l-ewwel semestru jinsab wara l-kantuniera. Bejn it-29 ta’ Jannar u t-2 ta’ Frar, l-għalliema jibdew bil-korrezzjonijiet ta’ xogħol l-istudenti. Però, jekk l-għalliema jimxu mad-direttivi, hemm iċ-ċans li student jitħalla lampa stampa fuq kif mar f’xogħlu, u mingħajr idea jekk għandux jerġa’ jagħti l-istess suġġett fl-aħħar tas-sena.  

Fi stqarrija separata nhar il-Ħamis, l-MUT ħabbret li reġgħu bdew in-negozjati dwar ftehim settorjali ġdid, b’żewġ laqgħat li saru u sessjonijiet addizzjonali skedati għal dan ix-xahar. Il-fokus tad-diskussjonijiet idur fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u kwistjonijiet finanzjarji, u l-MUT qed tippjana li taġġorna l-membri wara dan ir-rawnd ta’ negozjati. Filwaqt li l-aġġornamenti tan-negozjati tal-Union f’Diċembru indikaw progress fi kwistjonijiet finanzjarji u ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol, il-ftehim komprensiv għadu elużiv. 

Minkejja xi progress, dettalji speċifiċi tal-offerta tal-Gvern għadhom mhux żvelati. Il-gazzetta bagħtet numru ta’ mistoqsijiet lill-MUT sabiex tifhem aħjar il-tilwim li hemm preżenti fil-ftehim kollettiv u l-effett li din id-direttiva qed tħalli fuq l-istudenti, kif ukoll fuq l-għalliema, iżda l-MUT qalet biss hekk:   

“L-MUT iddikjarat tilwima kummerċjali mal-MCAST fil-31 ta’ Ottubru 2023. It-tilwima kienet tikkonċerna dewmien fin-negozjati għal ftehim ġdid. Il-ftehim attwali skada f’Diċembru 2021. In-negozjati ilhom għaddejjin minn Jannar 2022. Il-Union ħarġet azzjoni industrijali lill-gradi tal-lecturing fl-MCAST biex toqgħod lura milli tippubblika r-riżultati. Dawn id-direttivi ilhom fis-seħħ minn Novembru 2023 u nħarġu dak iż-żmien biex jagħtu avviż xieraq lill-management tal-MCAST dwar is-sitwazzjoni. Madankollu, wara aktar minn xahrejn wara l-bidu tad-direttivi, għad m’hemm l-ebda progress sinifikanti fin-negozjati. L-MUT tevalwa kontinwament l-effett tad-direttivi u tikkonsulta regolarment mal-membri affettwati. Issa f’idejn l-MCAST li jfittex soluzzjonijiet biex isolvi dan l-impass, b’risq l-edukaturi u l-istudenti.” 

More in Socjali