'Wegħedna li ser nagħtu lill-poplu l-akbar Karnival li qatt ġie organizzat u jidher li rnexxilna'

Din is-sena il-Karnival ta’ Malta ra attendenza numeruża iktar minn tas-soltu, b’eluf ta’ nies li żaru l-Belt Valletta b’entużjażmu biex igawdu l-attivitajiet brijjużi tal-Karnival

Ritratt ta' Festivals Malta
Ritratt ta' Festivals Malta

Il-Karnival ta’ Malta jirritorna b’suċċess, hekk kif din l-edizzjoni intlaqgħet tajjeb ħafna minn bosta Maltin, Għawdxin u anke turisti li attendew bi ħġarhom għall-attivitajiet karnivaleski fil-Belt Valletta. Festivals Malta, l-organizzatur tal-Karnival ta’ Malta rnexxielu jissupera kull aspettattiva f’termini ta’ produzzjoni, kif ukoll fil-livell għoli ta’ kreazzjonijiet artistiċi esebiti.

Din is-sena il-Karnival ta’ Malta ra attendenza numeruża iktar minn tas-soltu, b’eluf ta’ nies li żaru l-Belt Valletta b’entużjażmu biex igawdu l-attivitajiet brijjużi tal-Karnival. Din is-sena, Festivals Malta ppreżenta programm ta’ attiviatjiet estensiv, li nkluda aktar attivitajiet mis-soltu. Illejla, il-Karnival ta’ Malta jiġi fi tmiemu bil-Gran Finale li ser ikun organizzat tul Triq Sant Anna, fil-Furjana, permezz ta’ wirja bil-parteċipazzjoni tal-karrijiet kollha.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li huwa kburi li jara n-nies tattendi bi ħġara għall-attivitajiet tal-Karnival fil-Belt Valletta. “Huwa ta’ unur għalija li nara kemm tfal u adulti jgawdu dawn iż-żminijiet tal-karnival li tant jagħmlu parti importanti mill-kultura Maltija. Ma nieqaf qatt nirringrazzja lill-parteċipanti u lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor ikkontribwew għall-carnival ta’ din is-sena. Nixtieq ukoll nirringrazzja lit-tim ta’ Festivals Malta għax-xogħol kollu tagħhom biex jittella’ b’suċċess dan il-festival tant impenjattiv.”

Ritratt ta' Festivals Malta
Ritratt ta' Festivals Malta

Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra qal li għal darb’oħra Festivals Malta rnexxielu jissupera kull aspettativa permezz ta’ Karnival ieħor ta’ suċċess. "Wegħedna li ser nagħtu lill-poplu l-akbar Karnival li qatt ġie organizzat wara nuqqas ta’ sentejn, u nemmen li bir-rispons pożittiv tan-nies u mill-attendenza numeruża fl-attivitajiet kollha jidher biċ-ċar li rnexxilna nagħmlu dan. Sodisfatt li permezz tal-investiment li Festivals Malta għamel b’risq dan il-festival, qegħdin dejjem intejbu l-kwalità tal-Karnival, u aħna ser inkomplu naħdmu biex il-Karnival ta’ Malta dejjem ikompli jikber u jgħolli l-livell tiegħu f’termini ta’ organizzazzjoni, sostenibbiltà u sigurtà. Inħares ’l quddiem b’tant ottimiżmu biex fiż-żmien li ġej inkomplu naħdmu sabiex inġibu aktar investiment lejn dan il-patrimonju li tant għandna għalfejn nibżgħu għalih. B’mod immedjat tibda l-ħidma għall-Karnival tas-sena d-dieħla, kif ukoll għall-edizzjoni tas-sajf ta’ din is-sena. Kruċjali li dak li sar tajjeb matul il-Karnival ta’ din is-sena jinżamm, filwaqt li noħolqu inizjattivi ġodda għall-edizzjonijiet futuri.”

Annabelle Stivala, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, qalet li l-Karnival ta’ Malta huwa festival importanti ferm fil-portafoll tal-aġenzija, mhux biss għall-wirt storiku u kulturali tiegħu, iżda wkoll għax jiċċelebra t-talent li deher biċ-ċar tul il-ijiem li għaddew. “Kuntenta bl-iżvilupp u bis-suċċess li l-Karnival irnexxilu jikseb matul dawn l-aħħar snin, iżda din is-sena nħossni kburija bir-riżultat li ksibna, għax dan il-karnival kien tassew wieħed grandjuż, frott ix-xogħol li ilna nwettqu f’dawn l-aħħar snin. Nirringrazzja lil kull min ħadem qatiegħ u kull min b’xi mod jew ieħor ikkontribwixxa biex dan il-festival jilħaq orizzonti ġodda. Festivals Malta ser ikompli jaħdem biex l-attivitajiet kulturali tal-aġenzija, jiġu mħarsa u żviluppati biex dejjem jitjiebu u jimxu maż-żminijiet.”

Id-Direttur Artistiku tal-Karnival, Jason Busuttil, qal li din is-sena l-Karnival ta’ Malta ra qabża kbira fil-livell u minn qalbu rringrazzja lill-parteċipanti tad-dedikazzjoni u x-xogħol artistiku tagħhom. “Il-parteċipanti il-qalb tal-Karnival ta’ Malta, u ħafna mis-suċċess miksub huwa bis-saħħa tagħhom għaliex ta’ kull sena jaħdmu b’passjoni u artistrija kbira fi ħdan dan il-festival. Din is-sena rajna biċ-ċar kemm il-Karnival Malti huwa għal qalb il-poplu u nirringrazzja lil kulħadd talli attenda bi ħġaru biex igawdi dan iż-żmien mill-isbaħ.”

Festivals Malta intant ħabbar li wara s-suċċess tal-karnival ta’ Frar, ser jerġa’ jirritorna wkoll il-Karnival tas-Sajf, li ser isir bejn it-18 u l-20 ta’ Awwissu 2023.

Aktar dettalji dwar dan il-festival jiġu mħabbra aktar ’l quddiem. Il-Karnival ta’ Malta huwa organizzat minn Festivals Malta bis-sapport tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali. Għal aktar informazzjoni dwar il-festivals ta’ Festivals Malta żur www.festivals.mt/karnival.

Ritratt ta' Festivals Malta
Ritratt ta' Festivals Malta

More in Socjali