L-HSBC jieħu lura d-deċiżjoni dwar id-depożitu biex tixtri l-ewwel proprjetà

Iktar kmieni llum il-bank indika li d-depożitu li jrid jingħata meta persuna tixtri l-ewwel dar tagħha huwa ta' 20%, minflok l-10% li kienet qabel 

Minkejja aħbar li ġriet mal-midja li l-HSBC, skont is-sit tal-bank stess, għolla d-depożitu mħallas fuq proprjetà għal 20% tal-valur tal-proprjetà minn 10%, bħalma qed jitlobu l-bqija tal-banek lokali bħalissa, din id-deċiżjoni treġgħet lura llejla b'korrezzjoni fuq is-sit stess li issa qed tgħid li l-Bank lest iħallas 90% tas-self għal first time buyers. 

Kien il-Prim Ministru Robert Abela wkoll li kkritika din id-deċiżjoni aktar kmieni llum. 

Apparti minn hekk, il-Bank se jkun qed jgħolli l-interessi annwali minn 2.7% għal 3.1%. Dawn l-interessi normalment jitħallsu mill-persuni li jieħdu s-self, kull sena, sakemm jitħallas is-self kollu.

Minkejja li dan qiegħed jiġi irraportat minn diversi kmamar tal-aħbarjiet, il-bank għadu ma ħabbarx din iż-żieda b'mod uffiċjali. Madankollu, din l-informazzjoni tinstab għad-dispożizzjoni tan-nies fuq is-sit tagħhom, inkluż fuq l-online loan calculator. Tajjeb li nfakkru li fl-aħħar xhur, diversi banek ewropew ukoll żiedu r-rati ta' interessi. 

Intant illum il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar l-assistenza li kienet imwegħda fl-aħħar elezzjoni mill-Partit Laburista lil First Time Buyers. Permezz ta' din l-iskema min jixtri proprjetà għall-ewwel darba se jingħata għotja ta' €1,000 fis-sena għall-ewwel 10 snin bħala assistenza. Huwa appella lill-iżviluppaturi biex ma jisparawx f'saqajhom billi jżidu b'mod artifiċjali l-prezzijiet tal-proprjetà. 

More in Socjali