'Tisparawx għal saqajkom' jgħid Abela lill-iżviluppaturi hekk kif iniedi Skema ġdida għall-First Time Buyers

L-applikazzjonijiet għal din l-iskema se jkunu qed jiftħu nhar it-Tnejn li ġej u se japplikaw retroattivament għal dawk kollha li xtraw l-ewwel proprjetà tagħhom mill-1 ta' Jannar 2022

Il-PM Robert Abela appella lill-iżviluppaturi biex ma jisparawx f'saqajhom billi jżidu b'mod artifiċjali l-prezzijiet tal-proprjetà fid-dawl tal-fatt illi llum il-Gvern ħabbar l-assistenza li kienet imwegħda fl-aħħar elezzjoni mill-Partit Laburista lil First Time Buyers. Permezz ta' din l-iskema min jixtri proprjetà għall-ewwel darba se jingħata għotja ta' €1,000 fis-sena għall-ewwel 10 snin bħala assistenza. 

Meta mistoqsi jekk skema bħal din tistax twassal għal impatti inflazzjonarji Abela sostna li dan it-tħassib ma għandux iwassal biex titwaqqaf l-assistenza. "Jekk nirraġunaw b'dan il-mod ma nintroduċu ebda skemi. Minkejja dan, jiena nappella lill-iżviluppaturi biex ma jgħollux il-prezzijiet minħabba dawn l-iskemi għax ikunu qed jisparaw għal saqajhom," qal il-PM Abela. 

F'dan il-punt il-Prim Ministru Robert Abela ippunta s-swaba' lejn il-bank HSBC li għadu kemm issikka l-aċċessibilità għas-self ta' djar billi għolla d-depożitu biex xi ħadd jixtri post għal 20% minflok l-10%. 

L-applikazzjonijiet għal din l-iskema se jkunu qed jiftħu nhar it-Tnejn li ġej u se japplikaw retroattivament għal dawk kollha li xtraw l-ewwel proprjetà tagħhom mill-1 ta' Jannar 2022. L-applikazzjonijiet l-ewwel se jiftħu għal dawk li xtraw proprjetà fl-2022 u imbagħad għal dawk li xtraw proprjetà fis-snin sussegwenti. 

F'każ fejn parti waħda mill-koppja ma tkunx First Time Buyer, l-għotja tinżel għal €500 fis-sena. 

Huwa kkalkulat li fl-ewwel sena madwar 3,000 persuna se tgawdi minn din l-għotja, skema li se tiswa' €3 miljuni. 

"Il-Gvern huwa ffukat fuq l-indirizz tal-isfidi tan-nies li qed jiffaċċjaw kuljum u din l-iskema tingħaqad ma' oħrajn fis-settur li introduċejna fl-aħħar snin sabiex aktar nies isiru sidien ta' darhom," kompla jispjega l-PM Robert Abela. Huwa insista li l-Gvern identifika il-problemi, li qed jimpattaw gruppi partikolari u jolqot lil dawn in-nies. "L-akkomodazzjoni, mhijiex biss l-akkomodazzjoni soċjali imma wkoll housing affordabbli, billi l-Gvern jgħin first-time buyers u kategoriji ta' nies jsiru sidien ta' darhom."

Il-Ministru għall-Housing Roderick Galdes qal li din l-iskema hija indikattiva ta' Gvern li qed ikompli jindirizza l-problema ta' akkomodazzjoni affordabbli. 

Il-PM Abela waqt il-konferenza li fiha ħabbar l-iskema
Il-PM Abela waqt il-konferenza li fiha ħabbar l-iskema

More in Politika