Il-problema tal-użu tad-droga fost l-irġiel hija ħafna ikbar milli fost in-nisa - Rapport

Il-kokaina u l-kannabis jintużaw l-aktar minn etajiet żagħżugħa filwaqt li l-eroina tintuża l-aktar fost dawk li li għandhom fuq l-40 sena

Fl-2021, il-problema tad-droga fost l-irġiel kienet ħafna ikbar milli fin-nisa. Dan jirriżulta mir-Rapport Nazzjonali dwar id-Droga li ġie ippubblikat illum u li juri wkoll kif fl-2021 ukoll 1,990 persuna fittxet l-għajnuna. 

Dan ir-rapport analizza l-karatteristiċi ta' dawk li kienu jagħmlu użu mill-kokaina, mill-eroina u mill-kannabis u li fittxew trattament. Fil-każ ta' dawk li kienu jagħmlu użu mill-kokaina u li fittxew l-għajnuna 81% minnhom kienu irġiel. Simili għal dan, kienu 80% tal-irġiel li għamlu użu mill-eroina. Dan filwaqt li 86% tal-irġiel kienu jagħmlu użu mill-kannabis, kuntrarju ta' 14% biss li kienu nisa.

Intant minn dan ir-rapport jirriżulta li l-kokaina u l-kannabis jintużaw aktar minn persuni ta' etajiet żagħżugħa, hekk kif l-età medja kienet ta' 36 sena u 28 sena rispettivament. Dan b'kuntrast għal dawk li kienu jagħmlu użu mill-eroina, hekk kif l-età medja tal-utenti kienet ta' 41 sena.  

Minn naħa l-oħra, il-medja ta' snin biex persuni jfittxu l-għajnuna kienet l-ogħla fost dawk li għamlu użu mill-kokaina, b'medja ta' 11-il sena, kważi d-doppju ta' dawk li kienu jagħmlu użu mill-eroina, li jdumu medja ta' sitt snin. Dan jista' jindika, fost oħrajn, li dawk li jużaw il-kokaina jħossu li għandhom inqas problema jew inkella li l-imġieba tagħhom hija ħafna aktar soċjalment aċċettabbli minn dawk li jużaw l-eroina. Dawk li jużaw il-kannabis damu medja ta' disa' snin biex fittxew l-għajnuna.

Punt interessanti li ħareġ minn dan ir-rapport huwa illi dawk li kienu jagħmlu użu mill-kokaina u fittxew trattament, huma l-aktar li għandhom livell għoli ta' edukazzjoni. Fil-fatt 17% tal-utenti għandhom livell għoli ta' edukazzjoni. Dan il-persentaġġ huwa ferm ogħla minn dawk li kienu jagħmlu użu mill-eroina, li  minnhom 7% biss għandhom livell ta' edukazzjoni għolja. Fir-rigward ta' dawk li kienu jagħmlu użu mill-kannabis, 15% kellhom livell għoli ta' edukazzjoni. 

More in Socjali