‘Ma nħallux marka tal-eżami tittimbra lil uliedna’ - Kap ta’ Skola

L-iskola għandha tkun post ta’ dixxiplina u edukazzjoni akkademika biss?L-eżamijiet għadhom essenzjali għat-tagħlim tal-ġenerazzjonijiet tal-futur? L-ILLUM tiltaqa’ ma’ Lelio Spiteri, il-Kap tal-Kulleġ ta’ Għawdex magħrufa bħala l-Happy School, li tħaddan il-ferħ, il-briju u l-mentalità pożittiva  

Lelio Spiteri
Lelio Spiteri

Pitazzi bl-addoċċ, il-qanpiena tal-iskola u xi uniformi pulita… kollha iqanqlu memorji li esperjenzajna fi ħdan l-erba’ ħitan tal-iskola primarja. Fil-fatt ħafna jassoċċjaw l-iskola mad-dixxiplina, mal-edukazzjoni jew ma’ xi ħarġa kulturali. Madankollu l-iskola tmur lil hinn minn hekk u għall-Kap tal-Iskola Lelio Spiteri din għandha tkun post ta’ briju, ferħ u edukazzjoni ħolistika.  

Fil-fatt hekk għamel, f’dawn is-16-il sena li ilu fil-Kulleġġ ta’ Għawdex. Minn tpinġijiet ta’ tfal fuq il-ħitan, għal kliem ta’ motivazzjoni għall-istudenti ċkejknin, Spiteri irnexxielu jdawwar il-perċezzjoni tal-iskola bħala post mimli bankijiet, homeworks u regoli stretti għal skola li fiha jinbnew familji, ferħ bla waqfien u tagħlim li ma jintesa’ qatt. Tant li malli tirfes l-għatba tal-iskola, iġiegħelek toħlom li treġġa’ lura l-ħin biex terġa’ tmur l-iskola.  

L-ILLUM għal din il-ġimgħa qabdet il-vapur ta’ Għawdex, marret ir-Rabat u ltaqgħet ma’ Spiteri u bejn daħqa jew tnejn qalilna dwar il-viżjoni tiegħu għall-iskola, il-prinċipji li għandhom ikunu msejsa fl-istudenti u fuq kif hu, bħala Kap ta’ Skola u eks għalliem, ma’ jaqbilx mal-eżamijiet.  

‘Waqt il-Covid-19 l-eżamijiet waqfu. X’ġara? Xejn!’  

Spiteri huwa kritiku ħafna fejn jidħlu l-eżamijiet għaliex jemmen li dawn ma jkejjlux l-intelliġenza tat-tfal iżda l-memorja. “Is-sistema tagħna kif inhi qed tbeżżgħani għax ħafna mit-tagħlim qed isir għall-eżamijiet,” qal Spiteri.  

Jisħaq li min-naħa l-oħra l-assessjar kontinwu se jkejjel b’mod aktar preċiż, il-veru progress tal-istudenti. Dan b’kuntrast mal-eżamijiet li anke t-tfal iħossuhom iffrustrati bihom, tant li meta jasal żmienhom it-tfal imorru l-iskola, “qishom sejrin għall-qatla u din jiena ma niflaħiex.” 

Huwa rrimarka li issa li kien hemm il-kuraġġ li jitneħħew l-eżamijiet ta’ nofs is-sena, wasal biex ikun hemm it-tieni pass; li jitneħħew l-eżamijiet għal kollox, li fl-istadju ta’ skola primarja huwa ddeskrivihom bħala “kattiverija”. Fakkar li waqt il-perjodu tal-pandemija, l-eżamijiet kienu twaqqfu. “X’ġara? Xejn. It-tfal baqgħu tilgħin u komplejna mixjin ‘il quddiem,” kompla jgħid Spiteri.  

Hawn huwa żied jgħid li meta jqajjem din il-kwistjoni ħafna jfakkruh fis-snin 70, meta f’pajjiżna kienu tneħħew l-eżamijiet. Qal li wieħed irid jara l-kuntest ta’ dak iż-żmien x’kien. “L-eżamijiet tneħħew mil-lum għal għada, bla ebda konsultazzjoni,” fakkar. Qal li jekk wieħed iħares lejn is-sistemi edukattivi barranin “li tant niftaħru bihom”, l-eżamijiet fl-iskejjel jibdew ħafna aktar tard. Fil-fatt stqarr mal-ILLUM li l-eżamijiet għandhom jibdew, minn tal-inqas, fis-sekondarja. Madankollu huwa jgħid li lanqas f’dak l-istadju ma għandu jkun hemm l-eżamijiet għax skontu persuna titgħallem ħafna aktar minn xi riċerka jew proġett edukattiv.  

Spiteri saħaq li jkun hemm tfal li jmorru tajjeb u jiġu ittimbrati bravi filwaqt li jkun hemm tfal oħra li jsibuha aktar diffiċli. Jgħid li dawk it-tfal jgħaddu minn trawma, tant hu hekk li fix-xhur ta’ Mejju u Ġunju, lanqas isemmi l-kelma “eżami” waqt l-assemblies tant famużi tiegħu.  

Mistoqsi jekk qatt ġie espost għal kritika fuq il-pożizzjoni tiegħi huwa saħaq li hemm kapijiet ta’ skejjel oħra li huma kontra għax jemmnu fl-eżamijiet, “kif għandhom id-dritt li jagħmlu” iżda jgħid li huwa persuna li ma jaqtax qalbu, tant hu hekk li ġieli tkellem ma’ persuni oħra fl-awtorità edukattiva li qablu miegħu.  

“Ċertu attivitajiet ma kinux daqstant faċli biex jidħlu fis-sistema lanqas, iżda daħlu wkoll,” saħaq Spiteri.  

‘Qatt immaġinajtu li t-tfal kienu se jmorru l-iskola bil-piġama?’ 

Il-Kulleġġ tar-Rabat Għawdex imlaqqma bħala l-‘Happy School’ hija famuża għall-attivitajiet kreattivi u brijużi li tagħmel għat-tfal, tant li issa dawn l-istess attivitajiet qed jittellgħu fi skejjel oħra.  

Tant hu hekk li Spiteri xi kultant sforz il-kreattività tiegħu biex joħloq xi attività ġdida li tgħolli l-moral, jaqbad jippjana u jħarbex xi ideat tul il-lejl, bħal awtur meta jkollu xi idea tajba għal xi ktieb.  

Waħda minn dawn l-attivitajiet hija l-jum iddedikata għall-piġama. “Qatt immaġinajtu li t-tfal kienu se jmorru l-iskola bil-piġama?” staqsa Spiteri. Huwa saħaq li din l-idea aktar tard evolviet bħala attività biex tiġbor il-flus għall-Puttinu. “Meta kellna tifel mill-iskola tagħna li kellu bżonn l-għajnuna ta’ Puttinu, b’din l-attività rnexxielna niġbru eluf ta’ flus għalih ukoll.”  

Marċ, karti u statwi tal-qaddisin… Il-festa waslet l-iskola wkoll! 

“Bandalori kollha lwien, karti żgħar ma’ kullimkien u bajd, imqaret, paljijiet, sparar bħal tagħna ma hawn imkien!” Min qatt basar li dawn il-kliem ta’ Mary Rose Mallia kienu se jkunu relevanti wkoll għaċ-ċkejknin tal-kulleġġ Għawdxi?  

Spiteri għal dawn l-aħħar snin irnexxielu jdaħħal il-festa, tradizzjoni mill-aktar maħbuba mal-Maltin, fl-iskola primarja. Jgħid li l-akbar tagħlima u waħda mill-għanjiet ta’ din l-attività hija li t-tfal, minkejja li ikunu akkantiti ta’ festi differenti, jingħaqdu flimkien u jiċċelebraw il-festa mingħajr pika żejda, bħalma forsi naraw bejn l-adulti.  

Fir-Rabat, l-Għawdxin jiċċelebraw lil San Ġorġ, Santa Marija u l-Qalb ta’ Ġesu. B’ġenerożità kbira l-għaqdiet tagħhom selfu l-armar u l-bandalori tagħhom biex dawn l-istudenti jkollhom esperjenza awtentika.  

“Filwaqt li fl-ispeakers tal-iskola beda’ jidden il-marċ tal-festi, it-tfal bdew iġorru l-istatwi tal-qaddisin, bil-karti għaddejjin minn fuqhom. Aħna l-marċ nibdewh fil-11 ta’ filgħodu biex ikun kemm l-istess atmosfera… dik tax-xemx, sħana u ġenn u l-għalliema jkunu entużjasti daqs it-tfal, jekk mhux aktar!” qal Spiteri. 

‘Jekk jibdew il-ġurnata bit-tajjeb se jispiċċawha bit-tajjeb’  

“Jiena bniedem brijuż u storbjuż,” hekk qal Spiteri bi tbissima kbira fuq wiċċu. Issa l-ILLUM staqsiet fuq il-famużi assemblies tiegħu li huma ferm kuntrastanti minn dawk li s-soltu aħna mdorrijin bihom b’ħafna stirar u dixxiplina bħalma naraw f’xi armata.  

Huwa jemmen bi sħiħ li jekk it-tfal jibdew il-ġurnata bi tbissima u fuq nota tajba hemm ċans kbir li l-ġurnata jaffrontawha bl-istess sentiment. “Waħda mill-aktar diski maħbuba, ironikament mhux ta’ żmien tagħhom, hi ta’ ‘L’Amour Toujours’ ta’ Gigi D’Agostino, saret qisha l-innu tal-iskola,” kompla jgħid Spiteri.  

Saħaq li minkejja li qatt ma kellu kritika fuq kif jibda’ ġurnata jgħid li ġieli sema’ xi kummenti negattivi iżda dan qatt ma waqfu milli jagħmel dak li jemmen. “Għandi rasi iebsa ħafna u nibqa’ għaddej għax nemmen f’dak li nagħmel. Min-naħa l-oħra jien qatt ma nikkritika persuna, iżda nikkritika lill-mentalità u lis-sistema,” żied jgħid Spiteri.  

‘Żmien il-Covid-19 kien diffiċli għax kienu mdorrijin b’dawn l-attivitajiet’  

Issa li l-ġurnal ħa togħma ta’ dak kollu li jesperjenzaw ta’ kuljum dawn iċ-ċkejknin, l-ILLUM staqsiet dwar il-pandemija u kif din affetwat lilu iżda wkoll lit-tfal. Spiteri wieġeb li dak iż-żmien kien diffiċli ħafna għax kienu mdorrijin jiġu milqugħa b’dawn l-attivitajiet.  

Madankollu l-ħidma tiegħu bħala Kap ma’ waqfitx hemm. Fil-fatt huwa rrakkonta kif “mill-ewwel ġurnata sal-110 jum, għamilt vidjow kuljum u tellajtu fuq il-midja soċjali tal-iskola.” Huwa qal li żar diversi postijiet fosthom l-Għolja tas-Salvatur, Marsalforn, fuq il-Gżejjer ta’ San Pawl u saħansitra rnexxielu jikseb permess biex imur Filfa u jiġbed xi filmati. 

“Dawn għamilthom biex inżomm kuntatt mat-tfal. Imbagħad kont indum sigħat sħaħ inqalleb u ntella’ filmati u ritratti tal-attivitajiet li bdew jagħmlu t-tfal minn ġewwa djarhom,” qal spiteri. Jgħid ukoll li qabel il-Covid-19 saħansitra kienu jsiefru bit-tfal.  

‘Jien tfal m’għandix, iżda fl-istess ħin għandi 350’  

Ma hemm l-ebda dubju fuq id-dedikazzjoni u l-passjoni kbira li għandhom ħafna għalliema u Kapijiet ta’ Skola. F’dan il-każ id-dedikazzjoni kbira li juri Spiteri lejn it-tfal tal-iskola ħalliet il-frott tagħha, b’ ħafna kliem ta’ tifħir u mħabba li juruh it-tfal. Malli wieħed jidħol fl-uffiċċju ta’ Spiteri, l-għajnejn imorru direttament fuq il-kartolini ta’ ringrazzjament, li tant għandu li kellu jerfa’ l-kartolini tas-snin ta’ qabel.  

Huwa jgħid li anke fi żminijiet diffiċli t-tfal baqgħu ituh is-sostenn li kellu bżonn tant li kien iqatta’ iljieli sħaħ jirrispondi messaġġi. “Jiena kuraġġuż u ottimist imma l-messaġġi tat-tfal kienu nkredibbli. Ix-xjenza hi kbira iżda t-talb tat-tfal inħass.”  

Fl-aħħar huwa qal li hu xorta jħoss in-nuqqas tiegħu bħala għalliem fil-fatt jinvolvi ruħu ħafna fil-ħruġ tal-iskola. “Jien tifel qalb it-tfal, irrid kuntatt dirett u mhux maħluq biex noqgħod wara l-iskrivanija. Jien magħmul għal mat-tfal.”  

Lelio Spiteri temm jgħid li minkejja li hu m’għandux ulied bioloġiċi, għalih it-350 student li għandu fl-iskola - li kollha jafhom b’isimhom - qishom uliedu. 

‘Uliedna jiswew ħafna aktar minn karta ta’ eżami’  

Mistoqsi x’inhu l-appell tiegħu għall-istudenti li rċivew ir-riżultati tal-eżamijiet huwa saħaq li għandu tliet punti;  

  • L-eżamijiet ma humiex l-aħħar tad-dinja  

  • L-eżamijiet ma jkejjlux l-intelliġenża tat-tfal 

  • Ma nħallux marka tal-eżami tittimbra lit-tfal tagħna 

More in Socjali