66 sena ta’ Sigurtà Soċjali f’Malta

Jikteb Grazio Barbara, Direttur Ġenerali (Sigurtà Soċjali) fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal

Din is-sena d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali qiegħed ifakkar is-66 sena minn meta daħlu fis-seħħ żewġ liġijiet li kienu l-Att dwar l-Assistenza Nazzjonali u l-Att dwar l-Assigurazzjoni Nazzjonali. Dawn kienu żewġ liġijiet li bihom bdew jintlaħqu dawk il-persuni kollha li kellhom bżonn l-għajnuna fejn il-persuna kienet tikkontribwixi fl-iskema tal-assigurazzjoni nazzjonali jew le.

Għalhekk, is-sena 1956 hija sena importanti fil-kalendarju Malti fejn tidħol il-protezzjoni soċjali, mhux għax qabel din is-sena ma kienx hawn xi tip ta’ leġiżlazzjoni li toffri għajnuna lil min l-aktar batut, imma għax b’dawn iż-żewġ liġijiet, kienu koperti aktar ċittadini. Fil-fatt, fis-sena 1948, l-introduzzjoni tal-Att dwar il-Pensjonijiet għax-Xjuħ, kien biex jagħti pensjoni lil dawk il-persuni anzjani li qatt ma kienu ħadmu, li però l-applikanti riedu jgħaddu mit-test tal-mezzi.

L-iskema tal-Assigurazzjoni Nazzjonali kienet iffinanzjata permezz tal-ħlas obbligatorju tal-kontribuzzjonijiet mill-impjegati, minn min iħaddem u mill-Istat. Din l-iskema kienet tkopri diversi benefiċċji, pensjonijiet u allowances fejn kienet tkopri mard, korrimenti minħabba x-xogħol, pensjoni minħabba waqfien mix-xogħol, benefiċċju tal-qgħad, pensjoni tar-romol u l-ltiema.

Dan l-Att dwar l-Assigurazzjoni Nazzjonali kien ġie emendat fis-sena 1965 biex persuni li jaħdmu għal rashom ukoll ikunu koperti f’dik li hija wkoll protezzjoni soċjali. Din is-sena kienet ukoll introdotta l-pensjoni tal-invalidità.

L-iskema tal-Assistenza Nazzjonali, mill-banda l-oħra kienet għal dawk il-persuni vulnerabbli li ma kinux iħallsu kontribuzzjoni. Fejn il-kapijiet tal-familji li ma kinux jaħdmu minħabba mard kienu intitolati għall-għajnuna soċjali kif ukoll dik medika. Dan wara li kien isir it-test tal-mezzi finanzjarji.

Pass importanti kien fis-sena 1987 meta ż-żewġ liġijiet imsemmija, flimkien ma’ dik dwar il-pensjonijiet tax-xjuħ, kienu kkonsolidati f’waħda biex inħoloq l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali li llum il-ġurnata huwa l-gwida tad-Dipartiment biex jitħallsu l-benefiċċji soċjali.

Matul dawn is-66 sena, speċjalment mis-snin tas-Sebgħinijiet, iddaħħlu diversi benefiċċji, pensjonijiet u assistenzi ġodda fejn illum nistgħu ngħidu li nħallsu benefiċċji għal qabel ma titwieled persuna sa meta tirtira mix-xogħol u wara sakemm tibqa’ tgawdi l-ħajja. Forsi l-aktar popolari u li jitgawdew minn maġġoranza kbira ta’ benefiċċjarji huma l-Pensjoni taż-Żewġ Terzi flimkien mal-pensjoni tar-romol li bdiet ukoll tkun ikkalkulata fuq id-dħul tar-raġel li jkun ġie nieqes, l-introduzzjoni tal-Pensjoni Minima Nazzjonali, kif ukoll l-introduzzjoni tal-Allowance tat-Tfal.

Aktar tard matul is-snin iddaħħlu wkoll diversi benefiċċji li wkoll għadhom jitgawdew sal-lum il-ġurnata bħal ma huma l-Benefiċċju tal-Maternità, l-Allowance għal Tfal b’Diżabiltà u li l-Għajnuna Soċjali bdiet tingħata wkoll lil dawk li kienu qegħdin jieħdu ħsieb lil xi ħadd anzjan jew b’diżabilità minn tal-familja. Dawn id-diversi benefiċċji wkoll baqgħu jkunu mtejba għall-ħtiġijiet taż-żminijiet tal-lum, fejn nistgħu ngħidu li qegħdin jilħqu firxa akbar ta’ nies.

Kull tip ta’ benefiċċju jew għajnuna dejjem kienu maħsuba biex jgħinu lil min huwa l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà Maltija biex kulħadd ikollu għajxien diċenti kif jitolbu ż-żminijiet illum il-ġurnata.

Hawnhekk, tajjeb li nsellmu lil dawk l-uffiċjali kollha li ħadmu f’dan id-Dipartiment qabilna biex illum, aħna wasalna fejn wasalna.

It-tibdil li sar matul is-snin fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ma kienx biss fil-benefiċċji li żdiedu imma wkoll kif jaħdem. Filwaqt li qabel ix-xogħol kollu kien isir b’mod manwali, illum qiegħed isir b’mod awtomatiku u b’inqas uffiċjali. Dan sar mingħajr ma tnaqqas il-livell ta’ servizz li jingħata. Dan kollu grazzi lill-uffiċjali kollha li jaħdmu b’mod sodisfaċenti u mill-qalb. Li kieku ma jkunx hekk, għandna sezzjoni tal-popolazzjoni li tkun qed tbati minħabba n-nuqqas tagħna.

Anki l-mod tal-ħlas inbidel radikalment. Fil-bidu nett, il-pagamenti kienu jsiru bi flus kontanti, imbagħad bdew isiru permezz ta’ ċekkijiet, illum wasalna fejn qegħdin inħallsu direttament fil-kont bankarju tal-benefiċjarju. Ilħaqna persentaġġ sodisfaċenti ħafna imma issa rridu naslu li kull benefiċjarju jitħallas dirett fil-kont bankarju u kemm ikun umanimament possibbli, ma jinħarġux aktar ċekkijiet. Bħal dejjem, kull tibdil isir pass wara pass, mingħajr tbatija bla bżonn, speċjalment għall-benefiċjarji.

Mill-bidu nett tal-ħolqien tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, kien jinħass il-bżonn li l-pubbliku jkun moqdi kemm jista’ jkun b’mod personalizzat. Għalhekk, matul is-snin, kienu nfetħu diversi uffiċini madwar Malta u Għawdex, biex il-pubbliku jkun moqdi mill-aħjar fil-lokalità jew inkella fil-viċinanzi tar-residenza, mingħajr ma jkollu l-bżonn li jitla’ l-Belt fl-uffiċċju ċentrali. Hawnhekk irid jingħad ukoll lil qabel ma’ kellna l-uffiċċju ċentrali li għandna llum fil-bini maestuż ta’ Palazzo Ferrreria fi Triq ir-Repubblika, l-uffiċċji tad-Dipartiment kienu mferrxin mal-belt kapitali tagħna u għalhekk, persuna kien ikollha skariġġ minn post għall-ieħor biex tkun tista’ tinqeda. Il-ftuħ tal-uffiċji distrettwali kien pass importanti biex il-pubbliku, kemm hu possibbli jinqeda minn post wieħed għal dak kollu li jkun meħtieġ.

F’dawn l-aħħar snin, il-ħidma tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, qiegħda wkoll tkun rikonoxxuta mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali dwar is-Sigurtà Soċjali (International Social Security Association - ISSA).

Id-Dipartiment ingħata rikonoxximent fis-snin 2016, 2019 u din is-sena 2022. Dan l-għarfien jingħata kull tlett snin u ninsabu kburin li anki x-xogħol li jsir hawn Malta għal ġid tas-soċjetà f’dak li għandu x’jaqsam ma’ protezzjoni soċjali, qiegħed jingħata għarfien ukoll barra minn Malta.

Bħala Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, għandna nibqgħu kommessi biex noffru dawk is-servizzi soċjali l-aktar adewati. B’hekk inkunu qegħdin nagħmlu bħalma dejjem għamilna, li nkunu ta’ wens għal min huwa vulnerabbli u l-aktar li għandu bżonn f’mumenti partikolari.

Grazzi kbira lill-ħaddiema kollha tax-xogħol siwi li jsir għax mingħajrhom l-aktar nies vulnerabbli ma jkunux jistgħu jkollhom ħajja diċenti kemm jista’ jkun. Dan ma jfissirx li ma hemmx lok għal aktar tisħiħ tal-benefiċċji soċjali u għalhekk kommessi li nkomplu noffru il-ħin tagħna biex dejjem inkunu aħjar.

Dan huwa wieħed minn serje ta’ artikli bil-għan ta’ kommemorazzjoni tax-Xahar tal-Ġustizzja Soċjali lkoll organizzati mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal

More in Socjali