Il-ħxejjex batew u mietu wkoll l-annimali ... l-ILLUM titkellem mal-bdiewa u r-raħħala
Mewġa tas-sħana wara l-oħra. Bilkemm tatna nifs. Anke jekk ix-xemx importanti għall-biedja, iż-żejjed bħan-nieqes. L-ILLUM titkellem mal-bdiewa u r-raħħala dwar l-effett tas-sħana fuq il-prodotti u l-irziezet tagħhom

minn Yendrick Cioffi
.png)
Is-sħana qerdet lil kulħadd! Kulħadd igerger għax ma jiflaħhiex imma xi jmisshom jgħidu l-bdiewa u r-raħħala? Mhux għax ix-xemx mhijiex importanti, altru minn hekk. Għax għandna xemx b’saħħitha għandna frott tajjeb imma, bħal f’kollox, iż-żejjed bħan-nieqes.
Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Malcom Borg, Koordinatur tal-Għaqda Bdiewa Attivi u ma’ Karl Scerri, raħħal. It-tnejn li huma wrew it-tħassib tagħhom dwar is-sħana qawwija li għamlet din is-sena u anke dwar ir-riperkussjonijiet li t-tibdil fil-klima jista’ jkollu fuq ix-xogħol tagħhom.
“Fis-sajf is-sħana hija mistennija. Il-problema meta jkollok temperatura għolja ħafna għal tul ta’ żmien. Il-prodotti ma felħux,” spjegalna Borg.
Fi kliemu, anke jekk il-bdiewa xorta waħda jibqgħu ssaqqu l-prodotti tagħhom, tant kemm għamlet sħana qawwija li dan ma kienx biżżejjed.
Fil-fatt, ibassar li l-produzzjoni se tkun batuta.

‘Mit-tadam, sal-għeneb ... kollox qed ibati’
Mistoqsi liema prodotti l-aktar li batew, Borg semma t-tadam u anke ż-żebbuġ iżda kompla jisħaq li “kważi kollox bata.”
Semma prodotti oħra bħalma huma l-bżar u l-brunġiel. Fi kliemu dawn “inħarqu” u tinduna għax ikunu tilfu l-kulur. Insista li mhux se jkunu tajbin biex jinbiegħu.
“Anke l-produzzjoni tal-għeneb għall-inbid qed tbati,” kompla jispjega.
Qal li dan ma jawgurax tajjeb għall-bdiewa, li fi kliemu, id-dħul tagħhom huwa limitat ħafna.
“Dan apparti l-periklu biex taħdem f’din ix-xemx. Il-bdiewa ma jistgħux jaħdmu fl-arja kkundizzjonata. Fix-xemx ikollhom jibqgħu,” kompla.
Dan x’effett se jkollu fuq il-prezzijiet?
L-ILLUM staqsiet lil Borg x’riperkussjonijiet dan jista’ jkollu fuq il-prezzijiet għax wieħed jistenna li la l-produzzjoni se tkun batuta, il-prezz se jiżdied.
“Iva u le,” beda jwieġeb Borg. Fi kliemu, jekk jiġi l-prodott ta’ barra, il-prezz jinżamm stabbli. Madanakollu t-tħassib tiegħu huwa li mhux f’Malta biss għamlet sħana qalila imma anke f’diversi pajjiżi oħra u għalhekk x’aktarx li anke huma naqsitilhom il-produzzjoni.
“Il-problemi ambjentali mhux lil Malta biss qed jaffettwaw,” kompla jinsisti.
‘Maltempata ħsara tagħmel mhux ġid’
Għadna fl-eqqel tas-sajf imma bħal leħħa ta’ berqa malajr tasal il-ħarifa u wara din is-sħana kollha nistennew xi maltempata kbira.
Iżda jekk hawn min jaħseb li l-bdiewa qed jistennewha, sejrin ħażin. Ħarba xita tajba, bħalissa, tiswa mitqlu deheb iżda maltempata minn dawk li tifqa’ kull m’hawn toħloq aktar problemi milli ġid.
“Jekk tagħmel maltempata kbira, anke problemi fl-istrutturi tal-bdiewa, bħas-serer, jista’ jkun hemm. Dawn jiswew l-eluf. Apparti minn hekk ir-riħ qawwi ma jgħinx għall-uċuh tar-raba’,” kompla jispjega.
Insista mal-ILLUM li bħalissa l-bidwi jkun qed iħawwel u jiżra għax-xitwa.
“Bħalissa l-bidwi jkun qed jistenna s-sħana tbatti u li tagħmel l-ewwel xita. Jittama li ma tagħmilx maltempata li tifqa’ kull m’hawn,” kompla jispjega.

‘Kien hemm min mitulu l-annimali ... il-qtugħ fid-dawl mhux jgħin’
L-ILLUM tkellmet ukoll mar-raħħal Karl Scerri kif ukoll amministratur tal-Fondazjoni MaYA u jidher li mhux il-frott u l-ħaxix biss qed ibatu imma anke l-annimali. Il-qtugħ regolari tad-dawl ma tantx qed jgħin lanqas.
“Is-sħana qawwija problemi ġġib u iżjed spejjeż għalina r-raħħala,” beda jispjega. Fi kliemu, qed jaħli ħafna dawl kuljum biex iżomm temperatura tajba għall-annimali biex ma jbatux.
Kien hawn li semma l-qtugħ regolari tal-provvista tad-dawl. Fi kliemu kien hawn min saħansitra mitulu l-annimali għax ma felħux għas-sħana.
“Biex żammejt u nkun nista’ naħdem infaqt l-eluf,” insista Scerri. “Mhux se naħrab mir-responsabbilità. Irrid nieħu ħsiebhom lill-annimali imma bla dawl x’se nagħmel?”
Komplejna nitkellmu dwar is-sħana, bir-raħħal, bħall-bidwi, jinsisti li l-problema mhijiex ix-xemx jew is-sħana imma li din tippersisti għal tul ta’ żmien.
“Il-ġebla tisħol u ġewwa s-sħana tiżdied. Bis-sħana l-annimali jaqtgħu lura. Anke l-baqar ibatu,” kompla jisħaq.
Fi kliemu anke jekk imutulek it-tiġieġ, mhux qed titlef biss il-bajd, imma qed titlef ukoll it-tiġieġa, għax ir-raħħal investa biex xtrahom.
“Mhux se tieħu pjaċir jekk imutulek. Kollox spejjeż,” kompla jisħaq.

‘Hemm bżonn riċerka u kooperazzjoni biex jinstabu soluzzjonijiet imminenti’
Intant, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Jeanette Borg mill-Fondazzjoni MaYA li saħqet li ma hemmx bżonn li wieħed ikun espert jew inkella jaqra r-rapporti, għax b’għajnejh stess jista’ jara l-konsegwenzi li qed iħalli t-tibdil fil-klima u t-temperatura dejjem tiżdied.
Fi kliemha, hemm bżonn ta’ riċerka serja u kooperazzjoni nazzjonali biex jinstabu soluzzjonijiet “imminenti.”
“Jiena nkun qed insuq fit-toroq tagħna u nara siġar u nistaqsi bejni u bejn ruħi kif se jkampaw. Ma hemmx għalfejn tmur ‘il bogħod. Dawn l-affarijiet tarahom b’għajnejk,” insistiet.
Borg saħqet li bħala Fondazzjoni jitkellmu ma’ bdiewa u raħħala imma jsegwu wkoll dak li tgħid ix-xjenza.
“Il-klima se tiħrax jekk nibqgħu sejrin kif sejrin,” insistiet.
Madanakollu saħqet li s-soluzzjoni mhijiex ta’ settur jew ieħor. Fi kliemha, anke fl-agrikoltura hemm bżonn irtokki biex jonqsu l-emmissjonijiet iżda tenniet li l-isforz jeħtieġ li jkun wieħed kollettiv.
Insistiet li hemm affarijiet li l-bidwi b’mod individwali jista’ jagħmel, fosthom jagħżel aħjar xi jkabbar biex jiddependi inqas mill-ilma. Madanakollu tenniet li jekk mhux se jkun hemm sforz kollettiv, is-soluzzjonijiet li jagħmlu differenza, mhux se jinstabu.
“Riċerka u rapporti hemm, anke minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħal FAO (Fondazzjoni tal-Ġnus Magħquda għall-Agrikoltura u l-Ikel). Jonqos biss sforz kollettiv u rieda li l-affarijiet jinbidlu,” temmet tgħid.

