‘Ġiet anzjana wara aktar minn sena bid-dmugħ f’għajnejha’; Ġimgħa tajba imma ottimiżmu kawt għal tal-ħwienet

Hekk kif issa għaddiet ġimgħa minn meta reġgħu fetħu l-bibien tagħhom, il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ sid ta’ ħanut tax-xagħar, tad-dwiefer u anke terapista tas-sbuħija. Kellhom ġimgħa tajba? Il-klijenti għadhom qed jibżgħu? X’qed jistennew għall-futur?

Nhar it-Tnejn li għadda reġgħu fetħu diversi negozji hekk kif issa s-sitwazzjoni tal-pandemija tidher li tinsab taħt kontroll. Fost dawn fetħu mill-ġdid il-ħwienet tax-xagħar u tas-sbuħija li jirrikjedu kuntatt dirett mal-klijenti. 

L-ILLUM tkellmet ma’ sid ta’ ħanut tax-xagħar, tad-dwiefer u anke terapista tas-sbuħija u staqsithom kif kienet din l-ewwel ġimgħa u jekk il-klijenti għadhomx jibżgħu. X’qed jistennew għall-ġimgħat li ġejjin?

Krista Camilleri
Krista Camilleri

‘Nhar it-Tnejn il-mowbajl ma waqafx ... is-sena l-oħra kulħadd kien jibża’ aktar’

L-ILLUM tkellmet ma’ Krista Camilleri, Terapista tas-Sbuħija u l-Massaġġi, li spjegat kif minn meta tħabbar li kienu se jerġgħu jiftħu, minnufih kellha diversi appuntamenti.

“It-Tnejn, meta ftaħt, il-mowbajl ma waqafx,” saħqet Camilleri.

Qalet li minn dak li tista’ tinnota, is-sena li għaddiet in-nies kienu jibżgħu ħafna, inkluż huma t-terapisti stess. 

“Lanqas ħadniha bi kbira meta għalaqna l-ewwel darba,” kompliet tgħid.

Madanakollu, spjegat kif meta kienu reġgħu fetħu, ħadu bis-serjetà l-protokolli kollha li daħlu fis-seħħ biex jonqos ir-riskju fl-istabbilimenti tagħhom, anke għax huma jkollhom kuntatt dirett mal-klijenti.  

“Minkejja li dan l-aħħar kien hemm ħafna każi, ħassejna li għamilna l-parti tagħna. Anke n-nies meta għalaqna ħadu qatgħa,” saħqet.

Madanakollu issa reġgħu fetħu u fi kliemha, l-andament din il-ġimgħa kien tajjeb ħafna. 

“Anke l-klijenti li kienu jibżgħu, ċemplu biex jagħmlu appuntament. Il-ħajja trid tkompli għaddejja,” saħqet.

Mistoqsija jekk hemmx xi perjodu fejn ikollhom ħafna aktar xogħol mis-soltu, Camilleri qalet li kull meta jkun ġej xi avveniment jew inkella xi festa, ix-xogħol jiżdied. Semmiet pereżempju l-perdjodi tal-Milied u l-Għid u anke okkażjonijiet oħra bħal Jum l-Omm, Jum San Valentinu, żmien il-Preċett u anke fl-istaġun tat-tiġijiet.

Spjegat kif għajr il-Milied, ħafna minn dawn l-okkażjonijiet tilfuhom għal kollox matul is-sena li għaddiet u wħud minnhom anke din is-sena.

Mistoqsija kif tħares lejn il-futur, Camilleri qalet li tippreferi timxi ġurnata b’ġurnata.

“J’Alla nibqgħu miftuħa għax ikollna ħafna ġenn kull meta jkollna nagħlqu u nerġgħu niftħu,” kompliet tgħidilna.

Dwar il-vawċers li issa se jkunu qed jerġgħu jinħarġu, Camilleri qalet li kull qatra tgħodd. Spjegat kif anke jekk is-sena li għaddiet kien hemm min użahom biex għamel trattament tas-sbuħija, temmen li n-nies nefquhom aktar fuq affarijiet oħra.

Lee Galea
Lee Galea

‘Kellna ġimgħa b’saħħitha ... it-tħassib tiegħi huwa kemm jibqgħu konsistenti n-numri’

L-ILLUM tkellmet ukoll ma’ Lee Galea minn Galea’s Unisex Hairsalon tal-Belt Valletta li spjega kif dejjem bir-restrizzjonijiet, din il-ġimgħa kienet waħda b’saħħitha ħafna.

“Bil-protokolli u r-restrizzjonijiet, kien hemm ġranet fejn konnha kważi fullybooked,” saħaq Galea.

Madanakollu l-ottimiżmu huwa wieħed kawt, b’Galea jisħaq li l-aktar tħassib tiegħu jibqgħu n-numri tal-Covid-19 u kemm dawn se jibqgħu konsistenti.

Spjega wkoll kif bħala negozju fil-qalba tal-Belt Valletta, apparti l-Maltin u r-residenti Beltin, huma jiddependu ħafna wkoll mit-turisti, partikolarment dawk tal-cruiseliners u anke mill-ħaddiema li jaħdmu f’diversi uffiċini.

Fakkar kif bħalissa l-klijenti mill-cruiseliners waqfu għal kollox u sakemm il-ħajja terġa’ taqbad ir-ritmu, anke mill-klijenti l-oħra mhux Beltin għadhom qed ibatu.

Mistoqsi kif qed iħarsu lejn il-ġimgħat li ġejjin, Galea saħaq li anke jekk l-ewwel ġimgħa kienet tajba ħafna, wieħed irid jara’ jekk dawk il-klijenti li normalment imorru kull ġimgħa, hux se jibqgħu jagħmlu dan.

Fakkar li bħalissa ftit li xejn hawn fejn tmur u anke attivitajiet bħal tiġijiet, li normalment jirrikjedu servizzi u trattamenti li jiswew aktar flus, għadhom wieqfa.

“Ikun hawn min kien jiġi kull ġimgħa, issa jiġi kull ħmistax jew inkella tlieta jew saħansitra jirranġa xagħru d-dar għax okkażjonijet ma hawnx. Nistennew u naraw,” temm jisħaq Galea.

Madanakollu jinsab ottimist li bl-għajnuna tal-Gvern se jaqbdu ritmu tajjeb. Fil-fatt, semma l-vawċers u saħaq li s-sena li għaddiet kien baqa’ sorpriż bl-ammont tal-klijenti li użawhom.

“Għal bidu ma kontx se naċċettahom għax għidt li ftit se jkunu qed jużawhom. Imma kellna rispons tajjeb ħafna u s-sistema kienet faċli ħafna biex tħaddimha,” insista Galea.

Fakkar ukoll kif issa l-ammonti tal-vawċers se jinbidlu u minflok €20 se jkun hemm €40 li se jkunu jistgħu jintużaw fil-ħwienet tax-xagħar, fost oħrajn.

“Għalhekk nistennew li se jintużaw aktar,” insista Galea.

Amanda Micallef
Amanda Micallef

‘Ibbukjaw ħafna anzjani għax issa mlaqqmin ... kien hemm min ġie bid-dmugħ f’għajnejh’

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll ma’ Amanda Micallef, Beautician u Nail Artist li wkoll qalet li kellha ġimgħa tajba.

“Rajtha aħjar minn meta konnha erġajna ftaħna mill-ġdid is-sena l-oħra. Ma tantx għad hemm biża’,” insistiet Micallef.

Fil-fatt saħqet li l-anzjani kienu l-aktar li bbukkjaw din il-ġimgħa anke għax issa serrħu xi ftit jew wisq rashom minħabba l-vaċċin. Insistiet li s-sena li għaddiet, l-anzjani klijenti tagħha ma baqgħux imorru.

“Huma l-agħar li marru. Ħassewhom waħedhom. Issa jridu jerġgħu jibdew ir-rutina mill-ġdid. Kien hemm anzjana li ġiet bid-dmugħ f’għajnejha,” kompliet tirrakkonta.

Mistoqsija kif qed tħares lejn il-ġimgħat li ġejjin, Amanda Micallef saħqet li l-aħjar li wieħed jimxi ġurnata b’ġurnata, għax kollox jiddependi minn fatturi differenti, anke l-fatt li diversi persuni naqsilhom id-dħul.

“Jiena nemmen li fadlilna ħafna biex nirkupraw u nerġgħu nġibu n-numri li kellna fl-2019,” kompliet tisħaq.

Saħqet li hi stess għamlet għaxar ġimgħat barra mix-xogħol. “Allaħares kont niddependi biss minn dan ix-xogħol u mill-għajnuna tal-Gvern,” kompliet tisħaq.

Mistoqsija dwar il-vawċers, Micallef saħqet li se terġa’ taċċettahom, anke għax is-sena l-oħra kien hemm diversi persuni li sarfuhom għandha.

“Kien €500 minnhom żgur. Idea tajba ħafna u issa huwa ż-żmien opportun li jerġgħu jinħarġu,” temmet tisħaq.

Claire Caruana Lupi
Claire Caruana Lupi

‘Sakemm ma joħorġux, in-nies mhux se jibbukkjaw’

Tkellimna wkoll ma’ Claire Caruana Lupi, Terapista tas-Sbuħija.

Saħqet li l-ewwel ftit jiem kienu tajba ħafna għax in-nies ibbukkjaw mill-ewwel, iżda nnutat li lejn l-aħħar tal-ġimgħa, is-sitwazzjoni reġgħet bdiet tikkalma.

“Nittamaw li għas-sajf naqbdu ritmu tajjeb,” kompliet tisħaq.

Fakkret li bħalissa ħafna negozji għadhom magħluqa u okkażjonijiet mhux qed isiru.

Fi kliemha, sakemm in-nies mhux qed joħorġu, ftit huma dawk li se jibbukjaw appuntamenti għal trattamenti tas-sbuħija, anke għax fi kliemha, għal bosta, dawn mhuwiex prijorità. 

Mistoqsija meta jkun l-aktar żmien impenjattiv għaliha, it-terapista tas-sbuħija saħqet li l-aktar perjodi li jkollha xogħol fihom huma l-Milied u anke minn żmien il-Għid ix-xogħol jaqbad ritmu sa Settembru.

More in Socjali