‘Tħossok grat meta tara kemm inbidlet Gayle fil-kunfidenza u fl-iżvilupp’

X’qed isibu diffiċli min iħaddem meta jimpjegaw nies b’diżabilità? Il-gazzetta ILLUM tistaqsi lil Clint Caruana dwar Gayle Borg

Faċli tgħid li hemm kwota li trid tilħaq (ara paġna 14) iżda tajjeb li nifhmu x’diffikultajiet jiltaqgħu magħhom l-impjegaturi meta jimpjegaw persuni b’diżabilità. 

Fuq dan ir-rigward, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ wieħed mill-maniġers ta’ The Body Shop, Clint Caruana.

L-isfidi li jiltaqa’ magħhom l-impjegatur

Din il-kumpanija li fil-preżent għandha seba’ ħwienet madwar Malta, tħaddem persuna waħda b’diżabilta, Gayle Borg. Clint Caruana spjega li normalment ma’ kull ħanut ikun hemm żewġ impjegati u għalhekk il-kumpanija ħassew li persuna waħda għalissa tajjeb.

Clint Caruana jispjega li għal bidu hi kienet qed tħossha ftit diffiċli imma maż-żmien qabdet sew u issa saret tidħol għax-xogħol bla ebda diffikultà. Borg issa ilha impjegata ma’ din il-kumpanija, għal tlett snin u nofs.

‘Li timpjega persuna b’diżabilità hi xi ħaġa ferm sodisfaċenti’

Caruana ammetta li meta kumpanija tħaddem persuni b’diżabilità ma tistax dejjem u f’kull ħin tistenna l-ogħla livell ta’ produzzjoni. Madankollu hu kompla jgħid, li meta timpjega persuna b’diżabilità "tħoss sodisfazzjon kbir.”

Fil-każ ta’ Gayle Borg, hu fisser li xi drabi tidħol ukoll ‘Job Coach’ biex takkumpanjaha imma meta wieħed jinnota kemm inbidlet mill-ewwel darba Ii daħlet mill-bieb tal-ħanut, kemm f’kunfidenza u anke żvilupp personali, “tħossok assolutament grat.” Hu qal ukoll li l-kontribut tagħha lejn il-kumpanja hu apprezzat u għalhekk ħeġġeġ kumpaniji oħra biex jagħmlu l-istess.

Ir-riklam b’kollaborazzjoni ma’ FLS

Rigward ir-riklam (ara paġna 14), il-maniġer spjega li kienet il-Fondazzjoni Lino Spiteri (FLS) stess li avviċinawhom biex isir iżda qatt ma stennew li se jintlaqa’ daqsekk tajjeb. Tant kien ta’ suċċess li fil-ftit jiem li kien ilu ppublikat fuq il-midja soċjali, kienu diġà rawh iktar minn 5,000 persuna.

Fir-riklam il-kumpanija tispjega li xi snin ilu avviċinaw lill-FLS biex jimpjegaw persuna b’diżabilità.  Ir-riklam jassigura kumpaniji oħra li huma mħajjra li jimpjegaw persuni b’diżabilità li huma se jsibu gwida u għajnuna grazzi għall-programm VASTE. Ir-riklam juri lil Gayle Borg waqt ġurnata xogħol, taħdem flimkien ma’ kollega tagħha, timla l-ixkaffef u taqdi l-klijenti.

Fis-settur privat, persuni b'diżabilità jammontaw għal 1.5%. Dan il-persentaġġ jinkludi l-ħaddiema impjegati mal-kumpaniji kollha li jaqgħu taħt l-att tal-1969. Mhux kull kumpanija tkun tista’ timpjega ħaddiema b’diżabilità, dan għaliex kollox jiddependi fuq in-natura tax-xogħol u l-kapaċità tal-persuna. 

L-Unjoni Ewropea x’tgħid?

Il-Parlament Ewropew jirrikonoxxi li kien hemm żieda konsiderevoli fir-rati tal-impjieg ta’ persuni b’diżabilità. Fil-Fatt iż-żieda fir-rati tapplika wkoll f’Malta fejn ġew impjegati iktar minn 4,000 persuna b’diżabilità sa’ Frar, b’69.8% minnhom irġiel. 

Dan kollu ma jfissirx l-problema ssolviet kompletament. F'rapport mis-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) ġie rrimarkat li persuni b’diżabilita baqgħu fost l-iktar gruppi żvantaġġjati fid-dinja tax-xogħol.

Din hi r-raġuni għaliex matul is-snin, il-Parlament Ewropew, introduċa sensiela ta’ liġijiet, inizjattivi, azzjonijiet u anke strateġiji bit-tama li s-sitwazzjoni titjib iktar. 

Artiklu 27

Fl-2010, l-UE ffirmat konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar d-drittijiet ta’ persuni b'diżabilità. Dan hu trattat internazzjonali li jorbot id-dritt għax-xogħol u l-impjieg bħala dritt fundamentali (artiklu 27). 

L-għan hu sempliċi: li tingħata opportunità lin-nies b’diżabilità biex jeżerċitaw d-drittijiet tagħhom, li jipparteċipaw  fis-soċjetà filwaqt li jgawdu minn aċċess ugwali għall-impjieg bħal kulħadd.

L-istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020

Il-prinċipji li jemmnu fihom l-UE, ġew imnaqxa wkoll fl-istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020. Il-miżuri li kienu introdotti lura fl-2017 kienu mqassma fuq diversi livelli. 

Eżempju minn ftit, l-UE rabtet l-impjegaturi biex jieħdu ħsieb adattamenti xierqa fuq il-post tax-xogħol għall-aktar aċċesibiltà lil persuni b’diżabilità. L-impjegatur għandhu jkun ċert ukoll li qed jipprovdi l-bżonnijiet kollha tal-ħaddiema b’diżabilità bħal adattament ta’ bibien, passaġġi, turġien, tiolets u iktar.

L-istrateġija għad-Drittijiet ta’ Persuni b'Diżabilità 2021-2030

Fl-2020, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Ewropew (EMPL) ressaq mozzjoni quddiem il-Kummisarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli bl-għan li tħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħfas iktar fuq id-dritt ta’ persuni b’diżabilità. 

F’Marzu ta’ din is-sena, reġgħat ġiet imressqa l-istrateġija li tirrifletti d-diversità tal-persuni b'diżabilità kif ukoll tintegra d-drittijiet tat-tfal b'diżabilità. L-istrateġija għad-Drittijiet ta’ Persuni b'Diżabilità 2021-2030 jimxi fuq l-istess prinċipji ta’ qabilha iżda b’iktar infurzar.

More in Socjali