Il-Prim Ministru jinawgura residenza tal-anzjani b’investiment ta’ €14-il miljun

B’total ta’ 150 sodda, ir-residenza għandha faċilitajiet tal-ogħla livell b’karatteristiċi mill-isbaħ li jirriflettu dak kollu li huwa Malti 

Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia, inawgura residenza ġdida tal-anzjani b’investiment ta’ €14-il miljun fil-qalba tar-raħal ta’ Ħal Għaxaq. Ghigo Community Residence hija faċilità mgħammra biex tipprovdi l-kura meħtieġa 24 siegħa kuljum u ċċentrata madwar il-bżonnijiet ta’ kull resident f’ambjent komdu u familjari. 

B’total ta’ 150 sodda, ir-residenza għandha faċilitajiet tal-ogħla livell b’karatteristiċi mill-isbaħ li jirriflettu dak kollu li huwa Malti bil-għan li jżommu lill-anzjan viċin l-ambjent tradizzjonali li trabba fih.

L-akkomodazzjoni hija mgħammra wkoll b’servizzi aċċessibbli għal anzjani li d-dipendenza tagħhom tvarja minn waħda żgħira għal dik għolja. Filwaqt li l-maġġoranza tal-kmamar joffru veduta mill-isbaħ tar-raħal pittoresk Malti ta’ Ħal Għaxaq, kull kamra għandha nurse call system, WIFI, televiżjoni u servizzi oħra varji li jtejbu ħajjet l-anzjan skont il-ħtieġa.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li minkejja l-isfidi li iffaċċjajna matul dan iż-żmien, il-privat wera r-reżiljenza tiegħu, ma qatax qalbu u xorta waħda qed jinvesti biex joħloq l-impjiegi. Dan filwaqt li se jkun qed joffri akkomodazzjoni b’livell ta’ kwalità għolja lill-anzjani tagħna.

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal li l-gvern qed ikompli jinvesti biex jassigura li l-anzjani jkollhom l-aqwa ħarsien meħtieġ.

“Filwaqt li l-privat qed juri fiduċja fil-futur ekonomiku ta’ pajjiżna bl-investimenti li qed jagħmel billi f’din id-dar se jkun qed joħloq madwar 100 impjieg ġdid, il-gvern qed ikompli jagħti s-sapport neċessarju. Dan il-ftehim se jkompli jwassal biex tkompli tonqos il-lista ta’ stennija ta’ anzjani li jkollhom ix-xewqa li jidħlu f’dar li toffrilhom kura u wens”, ikkonkluda l-ministru.

Is-sid tar-residenza Ghigo Community Residence, John Ghigo, qal li din il-faċilità hija parti mill-viżjoni tiegħu personali fejn dejjem xtaq joffri post xieraq lill-anzjani tagħna sabiex jgħixu f’kumdità u f’trankwilità. “Dan il-proġett joffri serħan il-moħħ lir-residenti u kura personalizzata għal kull individwu,” qal is-Sur Ghigo.

Is-sidien ta’ Ghigo Community Residence huma John Ghigo Holdings filwaqt li se tkun operata minn AginCare.

More in Socjali