'Din omm u nanna, mhux numru! - Mara mweġġa' titkellem dwar is-sitwazzjoni fl-Isptar Monte Carmeli

Qalb imweġġa' titkellem dwar is-sitwazzjoni fl-Isptar Monte Karmeli u tistaqsi għaliex l-Isptar ma żammewhiex infurmata dwar ommha. Charlotte Zammit titkellem mal-ILLUM ...

Charlotte Zammit, mara li għandha lil ommha fl-Isptar Monte Karmeli, għal dawn l-aħħar 20 sena, fetħet qalbha mal-gazzetta ILLUM u esprimiet rabja wkoll għall-mod kif hi tgħid illi l-pazjenti qed jiġu trattati ta' numru, mhux ta' persuni. 

"Hija ommi u nanna, mhux numru!  Il-pazjenti għandhom jiġu trattati b'diċenza u lilna xi ħadd irid jinfurmana x'inhu jiġri," qalet Zammit.  

Hi spjegat kif il-ġimgħa l-oħra meta ċemplet lil ommha, din tibki spjegatilha kif bidlulha l-Ward, ħadulha l-ħwejjeġ u saħansitra r-radju li kienet tuża biex tisma' ftit mużika, għaliex dan ma kienx permess fil-Ward fejn intbagħtet. 

"Mil-lum għal għada, hekk.  Il-pazjenti sparpaljaw, l-infermiera sparpaljaw u fejn qegħda ma jistax ikollha ħwejjeġ tagħha, meta jiena nieħu ħsieb li jkollha l-ħwejjeġ tagħha għax nixtrilha, kif xtrajtilha lożor u anke gwardarobbi - ħalli jkollha qisu kamra għaliha."

Hi tgħid illi l-Ward (3A) fejn kienet qabel ommha, ġiet irranġata mill-Fondazzjoni Marigold ftit ilu. "Bl-intervent ta' Michelle Muscat il-post kien ġie ġenna tal-art għalihom ... imma qaluli li qed iċaqalqu lin-nies minħabba s-soqfa.  Issa din waħda mill-aqwa wards kienet."

Zammit sostniet mal-gazzetta ILLUM illi hi mhux qed tippretendi li ma jsirux tibdiliet u ma jsirx titjib infrastrutturali fl-Isptar - li għandu numru ta' soqfa kkundannati - imma tippretendi li tiġi infurmata u li jkun hemm protokolli li jitrattaw lin-nies, ta' nies. 

"Infermieri jibku, ħadd ma jgħidli xejn - ma nafx f'liema Ward bagħtuha u issa reġgħet qaltli li se jerġgħu jkollhom iċaqalquha, għal xi ward oħra mid-dehra. Lanqas ir-radju ma jridu jagħtuha - kuljum imdejqa u kuljum tibki, tilbes ħwejjeġ ta' ħaddieħor għax ma hemmx washing machine fil-ward il-ġdida. Allura dan sew?" staqsiet Zammit imbikkma. 

Hi sostniet li tippretendi li tiġi infurmata dejjem b'dak li kien għaddej - speċjalment quddiem il-fatt li hi issa taf sew is-sitwazzjoni f'Monte Karmeli u min jaħdem hemm jaf lilha. 

"Taf minn xhiex għaddejna aħna ta!  Għamlulha mal-25 swab test, kważi kull ġimgħa tispiċċa kwarantina - darba ħallewha fil-Ward tal-iżolament, bla ħwejjeġ xi tbiddel ... tajtha lura ħajjitha permezz tal-mużika.  U għax kienet donnha qagħdet u drat, trid terġa' tibda mill-ġdid," sostniet. 

Zammit ilmentat ukoll dwar il-fatt li pazjenti bħal ommha, lanqas tikkomunika mal-infermiera ma' tista' għax ħafna minnhom huma barranin.  "Qabel kien hemm infermiera li kont inkellem u kienet tgħaddilha xi ħaġa tal-flus u hekk. Issa xejn! Għajjejt," tgħid mal-ILLUM b'leħen ta' eżasperazzjoni. 

Hi għamlet referenza għal stejjer dwar pazjenta barranija li marret fuq il-portals lokali biex tirrapporta f'liema stat tħalliet f'dan l-isptar u staqsiet għaliex kellha tkun barranija li titkellem u tikxef ir-realtà biex jibdew jinbidlu l-affarijiet. Hi kienet qed tirreferi għal kummenti tal-pazjenta Belle De Jong li sejħet il-post "infern" mmexxi b'sistema ta' kastigi.

Staqsiet għaliex ingħalqet il-Ward Psikjatrika tal-Isptar Mater Dei, biex tagħmel spazju għal pazjenti tal-Covid-19, propju meta l-aktar li qed jiżdiedu l-problemi ta' saħħa mentali. 

"Jiġifieri xi ħadd li jipprova jagħmel suwiċidju bħalissa jintbagħat l-Isptar Monte Carmeli u meta tidħol fis-sistema tal-Isptar vera ssibha diffiċli li toħroġ minnha."

Lura f'Ottubru tas-sena l-oħra l-professjonisti f'dan il-qasam kien qalu illi l-għeluq ta' din il-Ward f'Mater Dei kienet "għarukaża kbira" u qed tħalli lil bosta li ma jridux imorru l-Isptar Monte Karmeli f'limbu. 

Paul Pace president MUMN
Paul Pace president MUMN

'Swali jgħalqu u ma jinfetħux u ħaddiema sparpaljati u demotivati ...'

Mal-gazzetta ILLUM il-President tal-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel Paul Pace kkonferma s-sitwazzjoni mwiegħra ta' dan l-isptar għalkemm ċaħad li l-ħaddiema jżommu milli jagħtu l-ħwejjeġ lill-pazjenti. 

"Il-problema f'dan l-isptar huwa li jingħalqu s-swali u ma jiftħux oħrajn minflokhom. Għalqu tmienja wards li ma reġgħux infetħu u l-Gvern qal li se jiftaħ tnejn ġodda f'Awwissu tas-sena l-oħra.  Issa qed jgħidulna l-awtoritajiet li se jiftħuhom f'Awwissu, mhux li ġej imma Awwissu tas-sena d-dieħla," saħaq Pace. 

Mistoqsi x'tip ta' xogħol qed nitkellmu dwaru hawn Pace qal li huwa prattikament kollox; minn soqfa, sa saħansitra sistema antika tal-ilma u anke sistemi kkundannati. 

Huwa qal li fil-każ ta' San Vinċenz De Paul meta jkun hemm xogħol ta' tisbiħ u refurbishment, f'sena jkun lest. 

Huwa kkonferma s-sitwazzjoni ta' pazjenti u ħaddiema li kontinwament qed jiġu mċaqalqa minn post għall-ieħor fl-Isptar.  "Ħaddiema sparpaljati, qalbhom maqtugħa u ddemotivati."

Mistoqsi jekk l-MUMN hix infurmata dwar xi żviluppi fir-rigward ta' Sptar ġdid għas-Saħħa Mentali viċin Mater Dei - li kienet ukoll wegħda elettorali fl-aħħar elezzjoni - Pace qal illi sa issa lanqas l-ewwel ġebla għadha ma tpoġġiet, "aħseb u ara." 

More in Socjali