Kemm se ndumu nisimgħu fuq il-Covid! ‘Il-bilanċ, l-appoġġ u s-solidarjetà essenzjali biex negħlbu l-ansjetà u l-inċertezza’

Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-psikoterapista tal-familja Karl Wright dwar l-ansjetà li l-Covid-19 u r-rapurtaġġ dwaru qed joħloq...

Taqleb kemm taqleb stazzjonijiet, tfittex kemm tfittex fuq Facebook, taqra u tisma biss fuq il-Covid-19. Imma l-bniedem kemm jiflaħ? Dan qed iżid l-ansjetà? Kemm se ndumu nisimgħu biss affarijiet negattivi? Dwar dan, il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-psikoterapista tal-familja Karl Wright li spjega kif il-bilanċ, l-appoġġ u s-solidarjetà huma essenzjali biex flimkien ngħaddu minn dan il-perjodu.

Mal-ILLUM, Wright beda jispjega kif id-diskors dwar il-Covid-19 huwa xi ħaġa li ma tistax tevitah għax huwa realtà li qed ngħixu u li qed tirrestrinġi l-libertà kemm tal-ħsieb u anke dik fiżika.

“Hija realtà li qed nesperjenzawha. Ma nistgħux ma nitkellmux dwarha. Kollox huwa mhedded,” insista Wright.

Madanakollu saħaq li hemm dik “il-linja fina” li tissejjaħ bilanċ.

“Mhijiex xi bakketta maġika. Mhux faċli imma l-hemm irridu nimmiraw,” saħaq Wright, waqt li rrikonoxxa li l-ansjetà hija reali ħafna.

Iżda x’nistgħu nagħmlu, b’mod konkret, biex ngħaddu minn dan il-perjodu, innaqqsu l-ansjetà u ma nogħtrux taħtha?

‘Naċċettaw dak li mhux fil-kontroll tagħna u nifhmu li mhux għal dejjem...’

Wright beda jisħaq li l-ewwel u qabel kollox, persuna jeħtieġ taċċetta li din mhijiex xi ħaġa fil-kontroll tagħha u għalhekk jeħtieġ li taddatta għaliha. It-tieni pass huwa li tagħmel dak kollu li huwa fil-kontroll tagħha, jiġifieri li tobdi r-restrizzjonijiet u anke tipproteġi lilha nnifisha u lil dawk ta’ madwarha.

“Irridu nsibu bilanċ anke f’dak li mhuwiex fil-kontroll tagħna. Jien nixtieq qiegħed b’cocktail f’idi jew f’ristorant niekol. Imma rridu naċċettaw ukoll li din mhijiex xi ħaġa li hi għal dejjem. Il-virus se jibqa’ magħna imma kulma jmur aktar qed nitgħallmu ngħixu mieħu. Huwa annimal selvaġġ li rridu nitgħallmu nirrelataw miegħu,” insista.

Irrikonoxxa li l-fatt li dan il-virus hedded il-libertajiet tagħna, inkluż dak tal-moviment u l-ħafna mistoqsijiet li għad hemm dwaru u anke dwar il-vaċċin, qed iżid mat-tensjoni.

“Kulħadd jimbombardja bl-istejjer. Nies li kienu għadhom żgħar u b’saħħithom u xorta mietu. Mistoqsijiet fuq il-vaċċin. Dawn stejjer li jtaqqluna. Mhux faċli l-bilanċ,” insista Wright. 

‘Nikkuntatjaw u nsibu ħin għal xulxin’

Tkellem ħafna fuq l-importanza tal-appoġġ. “Mhu niltaqgħu kważi xejn. Hemm persuni li din qed taffetwahom. Ejja nikkuntattjaw u nsibu ħin għal xulxin,” insista waqt li saħaq li meta hu kien bil-virus, il-ħsieb u t-telefonati ta’ bosta tawh is-saħħa. “Illum għandna l-midja soċjali. Ejja nużawha tajjeb.”

Komplejna nitkellmu aktar fid-dettall dwar il-midja u l-kontenut, bil-psikoterapista tal-familja jappella wkoll għal kontroll fuq dak li persuna tesponi lilha nnifisha għalih.

‘Ikkontrolla l-ħin u xi ssegwi’

“Tidħol ukoll id-dixxiplina. Mhux kontroll biss fil-ħin imma anke kontroll fil-materjal li nagħżel li nsegwi. Niftakar u nżomm f’moħħi li kulħadd għandu aġenda biex moħħi jirrifletti u mhux sempliċiment jikkonsma,” insista.

L-ILLUM tistaqsih jekk il-midja, partikolarment l-istazzjonijiet tat-televiżjoni, min-naħa tagħhom, għandhomx ivarjaw il-programmi tagħhom u mhux jieqfu biss mal-Covid-19.

Wright saħaq li huwa importanti li l-midja, filwaqt li tagħti spazju għall-Covid-19, fl-istess ħin trid tibqa’ għaddejja bl-enerġija kollha fuq il-programmi tagħha.

Semma pereżempju l-festival Mużika Mużika. “Ma sarx għax hawn il-Covid-19 għax kieku kien se jsir xorta. Mela bil-Covid u mingħajru sar. Rebaħ l-isfidi li ġġib magħha l-pandemija. Il-midja trid tibqa’ għaddejja,” saħaq.

‘Rapurtaġġ veritier li jispjega u jeduka...’

Fejn jidħol ir-rapurtaġġ fuq il-Covid-19, Wright, li huwa wkoll eks ġurnalist, appella għal rapurtaġġ veritier li jispjega u jeduka u ma jkunx biss ripetittiv u negattiv.

Irrefera għal dak li sejjaħlu “l-kankru tal-politika partiġġjana.” “Fuq naħa taqra li qisna f’ġenna u n-naħa l-oħra daqslikieku kollox ħażin,” kompla jispjega.

Karl Wright
Karl Wright

‘Min imexxi wkoll għandu r-responsabbilità’

Apparti minn hekk, qal li hawn ħafna nies anzjużi u mweġġa’ mhux biss minħabba l-midja imma anke għax in-negozju tagħhom intlaqat ħażin u ngħalaq minkejja li huma kienu qed jieħu l-pandemija bis-serjetà.

Kien hawn li appella biex min imexxi jkun responsabbli u jagħmel l-affarijiet aktar bis-serjetà għax fi kliemu, anke dan iserraħ ras in-nies.

“Kien hemm bżonn li nilħqu l-500 każ biex inżidu l-infurzar. Fuq dan ukoll irridu niriflettu. Irridu nevalwaw u naraw x’nistgħu nagħmlu aħjar,” insista.

‘Nużaw il-ħin tagħna tajjeb’

Ma waqafx hawn. Appella wkoll lil kulħadd biex jagħraf juża l-ħin tiegħu u jżomm rutina anke jekk spiċċa d-dar. 

Faħħar negozji li użaw dan iż-żmien biex jagħmlu xi xogħlijiet, persuni li forsi kienu ilhom biex jiktbu ktieb u issa kitbuh jew fotografi li issa sabu l-ewwel ċans biex jippubblikaw ritratti li ilhom jieħdu snin.

‘L-impjegati mhux karti jew files’

Appella wkoll lil dawk li jħaddmu n-nies u wissa dwar il-periklu li l-persuni u l-impjegati, anke għax qed jaħdmu mid-dar, jispiċċaw numri jew inkella meqjusa bħala karti u files. 

“Niltaqa’ klinikament ma’ impjegati li qed ibatu minħabba dan. Ejja ma nitilfux l-esperjenza tan-nies,” kompla jgħid.

‘Familji; Inkunu sensittivi u niġġieldu l-piki’

Tkellima dwar l-importanza tal-famija minkejja li ħafna familji huma ‘l bogħod minn xulxin. Fakkar li hemm familji li mexjin, oħrajn li qed ibatu u oħrajn li jinsabu mal-art “għax il-pandemija kollox affettwat.”

“Irridu nuru empatija ma’ kulħadd. Inkunu sensittivi ma’ xulxin. Il-familja hija bejta fejn jiena nitgħallem nirrelata u naddatta għall-isfidi,” fakkar il-psikoterapista.

Semma pereżempju esperjenzi ta’ tfal li jgħixu ma’ wieħed mill-ġenituri u ilhom xhur ma jaraw lill-ġenitur l-ieħor, anke, għax fi kliemu, kien hemm min uża din il-pandemija bħala pika.

“Irridu niġġieldu l-pika għax hija kankru ieħor, speċjalment fejn hemm it-tfal,” insista.

‘Tiddejqux tfittxu l-għajnuna ... aħna mhux allat’

Fl-aħħarnett, temm jappella biex kulħadd ikun sensittiv għal bżonnijiet ta’ ħaddieħor. “Irridu ningħaqdu, nimxu flimkien, biex noħorġu minn dan iż-żmien aktar b’saħħitna,” insista. Fakkar f’dawk l-anzjani li għexu l-gwerra u saħaq li rridu “nfittxu s-sigriet” li għamel dik il-ġenerazzjoni reżiljenti.

Fuq kollox, temm jappella lil min hu batut biex ma jiddejjaqx ifittex l-għajnuna.

“Ma niddejqux nesprimu l-emozzjonijiet tagħna. Aħna bnedmin mhux allat. Waħedna biss mhux se naslu. Infittxu l-appoġġ u l-għajnuna,” temm jisħaq. 

More in Socjali