Il-passjoni ta’ Ġesù Kristu f'Il-Mixja issa virtwalment

Il-gazzetta ILLUM titkellem ma' Alan Fenech u Michelle Zerafa mill-kumpanija teatrali Vermilglio, li ilha tipproduċi 'il-Mixja' fil-Ġimgħa l-Kbira għal dawn l-aħħar 14-il sena ...

Fl-irħula Maltin daħlu bosta drawwiet matul is-snin marbutin ma’ dawn il-jiem, bil-preperazzjoni għall-knisja biex tiċċelebra l-ikbar festa tagħha, dik tal-Għid il-Kbir.

Din is-sena il-knejjes se jżommu l-bibien magħluqa u l-maġġoranza tal-avvenimenti ġew ikkanċellati. Fost il-ftit produzzjonijiet li xorta se jittellgħu hemm il-Mixja.

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Alan Fenech u Michelle Zerafa mill-kumpanija teatrali Vermilglio biex issir taf iktar dwar l-istorja u l-għan wara l-Mixja.

L-istorja wara l-Mixja

Xeni meħudha mill-Mixja
Xeni meħudha mill-Mixja

Għal 14-il sena konsekuttivi il-Mixja żewqet diversi ġonna pubbliċi bl-għan li tagħti ċans lill-pubbliku jimxi fil-passi ta’ Ġesu.

Il-koppja bdew jispjegaw li l-Mixja kienet seħħet l-ewwel darba fit-toroq tar-Rabat. Dan wara li l-Kunsill Lokali Rabti talab lil Alan Fenech biex tibda issir attivita għal dawn iż-żminijiet. Fenech minn naħa tiegħu ma xtaqtx li jagħmel sempliċiment reċta u għalhekk ħareġ bl-idea tal-Mixja. Meta nbiddlet it-tmexxija tal-Kunsill Lokali, lura fl-2008, il-Mixja kellha tieqaf għal sena.

Intant il-produzzjoni reġgħet ġiet imtella' fl-inħawi ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra sena wara. Michelle Zerafa tiddeskrivi din l-esperjenza bħala “xi ħaġa spettakolari f’ambjent naturali”. Alan Fenech spjega lill-gazzetta ILLUM li din kienet seħħet bil-kollaborazzjoni ta' Heritage Malta u l-esperjenza ġiet bl-isfidi tagħha wkoll. Hu kompla billi semma kif minħabba li saret f’siti arkeoloġiċi, l-produzzjoni kellha issir għal-ewwel darba filgħodu għax dwal ma setgħux jiġu mixgħula.

Michelle zerafa fil-parti ta' Marija Magdala
Michelle zerafa fil-parti ta' Marija Magdala

Il-quddiem il-koppja ingħaqdet ma’ Ray Fonz Borg li miegħu bdew itellgħu l-produzzjoni fl-isptar Monte Carmeli. Hawn il-produzzjoni bdiet tilqa’ ukoll xi residenti tal-isptar biex huma wkoll jieħdu sehem.

Il-Mixja kompliet tiżdied fis-suċċess u fl-aħħar snin imxiet fil-ġnien Romeo Romano fuq it-talba tal-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera. Alan Fenech qal li l-Mixja ma reġgħetx ġiet ikkanċellata wara l-2008 sakemm skont hu “wasalna għas-sena tal-pandemija.” Dan wassal biex l-Mixja issir virtwalment għal din is-sena.

L-atturi u l-ħaddiema jaħdmu għall-karità

Anthony Ellul fl-irwol tan-narratur flimkien ma' Alan Fenech
Anthony Ellul fl-irwol tan-narratur flimkien ma' Alan Fenech

Din il-produzzjoni issa saret iseħħ b’għan ġdid, dak li jinġabru fondi għal-Malta Community Chest Fund u għall-isptar Monte Carmeli. Din id-deċiżjoni ittieħdet wara li l-produzzjoni mxiet fl-Isptar Monte Carmeli.

Zerafa hawn intervjeniet u qalet li għaliha “dan kienet żvilupp importanti” minħabba li hi taħdem bħala councillor ma’ nies bi problemi fis-saħħa mentali. Il-koppja saħqu li l-atturi u l-ħaddiema li jieħdu sehem fil-Mixja kollha jaħdmu fuq bażi volontarju. Dan jinkludi wkoll iż-żewġ kumpaniji tal-produzzjoni li ħadu ħsieb il-filming din is-sena; Blend Media u Three Wise Men Media.

Wara erba’ snin f’Monte Carmeli, il-produzzjoni ġibdet l-attenzjoni tal-President u minn hemm bdew id-donazzjonijiet għall-Malta Community Chest Fund.

Ġieħ lill-Żep Camilleri

Żep Camilleri fl-irwol tan-narratur
Żep Camilleri fl-irwol tan-narratur

Il-produzzjoni baqgħet tevolvi maż-żmien tant li daħal il-kor u l-koreografija bis-saħħa ta’ Michelle Zerafa. Iżda l-iktar element b’saħħtu li kien u għadu eżistenti f’din il-produzzjoni hu n-narratur, li għal bosta snin kien interpretat minn Żep Camilleri.

Camilleri kien attur, direttur u għalliem tad-drama li ħalla din id-dinja fl-2019. Mal-ewwel wieħed jista jinnota li Żep Camilleri kien maħbub minn bosta u mhux biss mill-atturi u l-ħaddiema tal-Mixja. Dan bir-raġun, għax Camilleri kien ikona fit-teatru Malti.

“Is-sena l-oħra konna ħassejna immedjatament in-nuqqas ta' Żep. Li tħassret il-produzzjoni kienet weġgħa doppja,” esprima b’dieqa Fenech.

Kif tista tesperjenza l-Mixja int ukoll

Oriġinarjament l-idea wara l-produzzjoni din is-sena kienet li tixxandar fiċ-ċinema lokali iżda minħabba l-miżuri l-ġodda kontra l-Covid-19, "kollox sfaxxa fix-xejn."

Madankollu l-produzzjoni xorta tista ssegwiha permezz ta’ biljett virtwali li jinxtara mill-websajt uffiċjali www.ilmixja.com. Il-prezz hu ta’ €10 u l-biljett li tiċievi jagħtik aċċess li tara l-film għal-aktar minn darba għal perjodu ta’ żmien.

Il-kumpanija teatrali Vermilglio ħolqot ukoll crowdfunding li wieħed jista jagħmel id-donazzjoni tiegħu fih. Id-donazzjonijiet jibdew minn €5 u ma’ kull donazzjoni ‘l fuq minn €10 se jkunu qed jingħatgħu xi premji u l-biljett virtwali għal-produzzjoni.

More in Socjali