Intervista | Minn Ġesù għal Sergio f’Gizelle; Il-passjoni ta’ Carlos Farrugia

X’għandu x’jaqsam Clark Kent ma’ Ġesù Kristu? X’jagħmel drama suċċess f’Malta? Kif intlaqat l-attur fil-pandemija? Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ attur lokali stabilit  ...

Carlos Farrugia
Carlos Farrugia

UnderCover, Ipokriti, Tfal jiġu bil-vapuri, Evanġelisti u Gizelle.  Aparti l-kitba straordinarja u l-istorja li żżommok imweħħel mas-set tat-televiżjoni, dawn id-drammi għandhom xi ħaġa oħra komuni fihom. Għandhom lil Carlos Farrugia.

Dan l-artist nafuh sew permezz tax-xogħol teatrali u drammi li jieħu sehem fihom u jtella’ hu stess. Il-gazzetta ILLUM tkellmet miegħu fuq id-drama lokali, l-iskola li fetaħ u l-produzzjonijiet li ġew milquta mill-COVID-19.

L-atturi u l-pandemija

“L-attur ġie milqut ħażin ħafna,” beda Farrugia filwaqt li spjega li l-arti tal-ispettaklu sofriet daqqa kbira. Hu fakkar li l-maġġoranza tal-produzzjonijiet teatrali ġew imħassra jew posposti.

“Mhux teatru biss ġie affetwat,” qal Farrugia. Hawn hu rrefera għal drammi li kellhom jitwaqqfu kompletament fosthom Division 7, il-produzzjoni li fil-preżent hu parti minnha Farrugia. 

“Kien hemm produzzjonijiet li xorta ttellgħu, bħal pereżempju xogħol tal-istudenti magħrufa iktar bħala ‘end of term’. Dawn jitgħellhu xorta bl-istess ammont ta’ professjonalità biex l-istudenti jitgħallmu x-xogħol involut fi produzzjoni,” spjega b’dedikazzjoni.

Dan ma jfissirx li biex ipproduċew ix-xogħol ma kienx hemm intoppi anzi bil-pandemija mas-saqajn l-intoppi żdiedu. Fosthom hu spjega kif f’produzzjoni minnhom attriċi kellha tidħol kwarantina. Minflokha daħal attur li fi ftit jiem kellu jitgħallem skript sħiħ. Tlett t’ijiem qabel il-produzzjoni, l-attriċi kkonfermat mat-tobba li tista’ tieħu sehem. Id-deċiżjoni finali kienet li l-karratru jiġi maqsum bejn iż-żewġ atturi. 

“Kellna produzzjoni oħra li fl-aħħar gimgħa kull darba tiġi posposta. Minn Ottubru għal Frar, minn Frar għal Marzu, sakemm kellha tiġi kkanċellata,” qal b’diżapunt. 

L-ispirtu ħieles u l-istudenti ta’ Carlos Farrugia

L-attur li ilu fid-drama għal dawn l-aħħar 24 sena, għandu wkoll skola għall-istudenti ta’ kull eta’. Freespirit ilha miftuħa għal iktar minn 15-il sena u minnha ħarġu numru ta’ atturi, kittieba u produtturi stabbiliti.

Hu tenna li bħalissa minħabba l-miżuri tas-saħħa, l-iskola fiżikament kellha tagħlaq il-bibien. L-istudenti huma pjuttost għal qalbu u dan intwera’ biċ-ċar meta qal, “nibqgħu inżommu kuntatt mal-istudenti tagħna virtwalment biex naraw kif inhuma, kif ukoll nagħtuhom xi eżerċizzji żgħar biex iżommu r-ritmu”. Freespirit, immexxija minn Carlos Farrugia u żewġ diretturi oħra, ma temminx li l-lezzjonijiet tad-drama jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom online. 

Dan wassal biex l-unika xogħol li jsir virtwalment huma l-provi u l-kitba tal-iskripts mill-istudenti stess. Hu qal li “produzzjonijiet ippjanati li jittelgħu f’April jew Mejju, se jibqgħu għaddejin bil-preparamenti u provi. Dan qed isir biex jekk jinfetah it-teatru, inkunu lesti biex intellgħu l-produzzjonijiet kif suppost.” 

Carlos ma' Joseph Galea
Carlos ma' Joseph Galea

‘Le, ħanini, dak iħobbok ħafna ... ara xi jħares lejk!’ - Vari

L-istudenti li qed jitgħallmu l-Malti f’livell avvanzat u forsi wkoll dawk li jħobbu l-letteratura Maltija semgħu żgur b’Vari, miktuba mill-kittieb notevoli Trevor Zahra. Din in-novella hi l-proġett li kien qed jaħdem fuqha għal dawn l-aħħar sentejn Farrugia.

Vari kienet se ssir is-sena l-oħra, iżda tlett ġimgħat qabel il-ftuħ kellha titħassar. B’dispjaċir hu spjega li kienu diġà seħħew numru ta’ arranġamenti, imbagħad saret laqgħa mal-Valletta Cultural Agency u Spazju Kreattiv biex tiġi posposta għal din is-sena. “Aċċettajna għax offrewlna termini tajbin u għax diġà kellna l-esperjenza," spjega. 

Din il-produzzjoni ma kienx qed jaħdem fuqha waħdu. Miegħu kien hemm Joseph Galea, persuna oħra li għad-drama Maltija definittivament mhux wiċċ ġdid. 

Fil-Milied li għadda Galea ħadem ma’ Trevor Zahra u Corazon biex itellgħu Storjakanta. Avveniment annwali li jservi ta’ vettrina għal-letteratura u mużika Maltija. Storjakanta kien itella lura f’Diċembru u bil-miżuri tas-saħħa mħarsa f’kull mument xorta kisbet suċċess. 

B’dan kollu f’moħħ id-diretturi, Vari ġiet posposta għal din is-sena. Sfortunatament, l-istorja rrepetiet ruħha u l-produzzjoni reġgħet tħassret. 

Carlos Farrugia spjega li din mhux produzzjoni komuni, għax “Vari marbuta mal-passjoni ta’ Kristu u ma nistgħux intellgħuha fi żmien ieħor. Se nibqgħu għaddejin bil-provi għas-sena kollha u nerġgħu nippruvaw nagħmluha f’Marzu li ġej.” 

L-għajnuna li tingħata lill-atturi u produtturi

Mistoqsi jekk l-artisti jieħdux għajnuna biżżejjed kemm f’riżorsi u finanzi, Farrugia qal li, “l-għajnuna diġà żdiedet imma mingħajr ma ninstema preżuntuż, nixtieq li kellna iktar”. 

Hu spjega kif ammont sostanzjali ta’ għajnuna finanzjarja għall-artisti żdiedet. Dan għaliex il-Gvern offra għajnuna lill-artisti li jaħdmu dan ix-xogħol full-time.

Meta wieħed jikkunsidra produzzjoni, jaf tkun iktar faċli biex takkwista għajnuna fir-riżorsi. Hawn Carlos Farrugia rringrazzja entitajiet bħall- Valletta Cultural Agency u Spazju Kreattiv li sab għajnuna kbira mingħandhom. Hu qal ukoll li sab għajnuna anke fil-passat meta kellu jtella’ produzzjonijiet bħal ‘Serata b’4’ li ġiet imtella’ bl-għajnuna tal-Università ta’ Malta. Fil-preżent sab l-għajnuna ukoll tal-MCAST li b’kollaborazzjoni magħhom qed jibqgħu jsiru l-produzzjonijiet mill-istudenti. Hemm entitajiet oħra li bis-saħħa tagħhom l-atturi jibqgħu għaddejin b’xogħlhom u ta’ dan Farrugia irringrazzjahom. 

‘Minn Clark Kent għall- Superman’

Ħafna jassoċjaw lil Carlos Farrugia maż-żmien tal-Ġimgħa l-kbira u bir-raġun. Farrugia beda’ l-vjaġġ tiegħu fid-drama propju bis-saħħa ta’ Ġesù, lura meta kellu 19 il-sena. Hu jgħid, “Kristu hu importanti ħafna għalija kemm f’mod artistiku u anke personalment. Tant hu hekk, li spiċċajt għamilt studji kbar fuqu” 

Hawn Farrugia rrakonta kif hu żar l-Israel f’dawn iż-żminijiet tal-Ġimgħa l-Kbira biex flimkien ma’ gwida jimxi l-passi kollha li għamel Kristu qabel mewtu. Fir-rakkont tiegħu hu qal, “bdejt minn fejn jaħsbu li għamel l-aħħar ċena u mxejt il-passi kollha tiegħu. Li jien niġi assoċjat ma’ dawn iż-żminijiet hu unur għalija.”

Hu stqarr mal-gazzetta ILLUM li l-Ġimgħa l-kbira togħġbu immens speċjalment l-istorja tagħha f’Malta. Għalkemm ilu ma jilbes il-libsa ta’ Kristu għal ftit snin mhux ħażin xorta jibqa jiftakar l-emozzjonjiet li kien iħoss. “Kull darba li nilbes il-libsa ta’ Kristu, qisek għandek Clark Kent jaqleb f’Superman,” qal b’daħka. L-emozzjonijiet li tħoss huma pjuttost inkredibbli tant li skont hu anke “meta tilbes il-kuruna tax-xewk, hija xi ħaga vera kbira u ta’ unur.” 

Il-Ġimgħa l-kbira tradizzjonali għal xi wħud taf tkun ripetittiva u għalhekk dan l-attur beda’ jimraħ lejn xogħol kontemporanju. Din is-sena, wara disa’ snin, Carlos Farrugia reġa’ għandu karratru tradizzjonali, dak ta’ San Ġwann, fil-Mixja, produzzjoni ta’ Alan Fenech. Imma kif issaħħar wara xogħol tal-Ġimgħa l-Kbira meqjus bħala kontemporanju?

“Kont ħdimt ġo film qasir ta’ Patrick Vella, fejn Ġesù kien inqatel f’siġġu tal-eletriku min-Nazi,” qal Farrugia. Il-film li jgib l-isem “The Elected” rebaħ ukoll xi awards internazzjonali u kien ta’ suċċess kbir ma’ dawk li jħobbu xogħol oriġinali. L-attur kompla jirrakonta kif wara iltaqa’ ma’ wieħed mill-akbar ħbieb tiegħu, Joseph Galea u sar jaf bl-iskript “Ġuri ta’ Ġuda”, ibbażata fuq l-istorja ta’ Ġuda li jsib ruħu quddiem ġuri modern. Minn hemm qatagħa li jistaqsi lil Galea biex jagħmlu xi proġetti flimkien. 

Imnalla kien hekk għax dawn iż-żewġ artitsti ħarġu b’xogħol imprezzabli. Fosthom hemm ‘Kristu f’Strada Stretta’, produzzjoni li kellha titella sitt darbiet iżda tant kemm ġiet milqugħa tajba mil-pubbliku li spiċċat itellgħat 14 il-darba.

Johnny Depp u Andre Penza, Joseph Galea u l-istejjer tal-waħx ...

Il-gazzetta ILLUM staqsiet lil Carlos Farrugia, li kieku ħajtu kellha ssir film, lil min jagħżel biex jagħmel il-parti tiegħu u lil min jagħżel biex jiktibha. "Jien naħseb li l-unika attur li jista' jagħmel il-parti tieghi hu Johnny Depp,” wieġeb b’daħka fuq fommu. Din il-mistoqsija ħasbitu mhux ftit lil Farrugia, tant li ftit mumenti wara beda’ jikkunsidra lil min jagħzel mix-xena lokali biex jagħmel il-parti tiegħu.

Farrugia fakkar li żmien ilu kienet daħlet ċerta kompetizzjoni bejnhu u bejn Andre Penza. Dak iż-żmien Penza kien ukoll jagħmel il-parti ta’ Kristu u kien hemm iċ-ċajta bejnithom ta' min jagħmilha l-aħjar. Kien dan li wassal lil Farrugia biex jgħid, “ li kieku kelli nagħżel, immur għalih. Hemm ċertu xebh u nħobb l-istess affarijiet.” 

Rigward il-kitba, Farrugia qal “m'għandix dubju li nagħżel lil Joseph Galea. L-iktar wieħed li jafni u wieħed mill-aħjar kittieba li naf.” Hu kompla jiddeskrivi lil Joseph bħala bniedem li dejjem żamm saqajh mal-art, umli u dejjem lest li joffri spalla.

Mistoqsi liema karattru jixtieq li jinterpreta fil-futur, Farrugia wieġeb li hu jħobb ħafna l-istejjer tal-waħx. Intant hu qal, “jogħġobni imma mhux il-makabrità. Fejn jidħlu misteri u spirti imbagħad napprezzah ħafna.” Spjega ukoll li bħalissa flimkien mat-tfajla tiegħu, qed jara American Horror Story u li kieku jista’ jipprova jieħu sehem fl-istaġun li jmiss.  

‘Il-kwalità mixja l-quddiem b’riżorsi limitati’

Carlos Farrugia ġie mistoqsi mill-gazzetta ILLUM, l-opinjoni tiegħu fuq il-kwalità tad-drammi fuq it-televiżjoni f’dan iż-żmien. Fi ftit kliem hu qal li l-kwalità mixja ‘l quddiem b’riżorsi limitati’.

Farrugia spjega li l-Maltin minn dejjem kellhom passjoni kbira lejn id-drama u dan jidher biċ-ċar fid-drammi lokali. Hu qal li n-narrattiva minn dejjem kienet b’saħħitha u xhieda ta’ dan hemm id-drammi klassiċi li ħadd ma jista’ jinsa bħal; Baħar Wieħed, Salib it-Toroq, Il-Madonna taċ-Ċoqqa, Simpatiċi u ħafna iktar. Iżda skont Farrugia kien Gizelle li għolla l-livell tekniku u ħeġġeġ lil ħafna li jagħmlu l-istess.

Hu qal, “Gizelle kien rivoluzzjonarju. Kienet l-ewwel darba li saru premieres u open days għad-drammi f’Malta. Imbagħad kien Evanġelisti li kompla jgħolli l-livell fit-teknika u ġabar miegħu narrativa iktar b’saħħitha minn Gizelle.” 

Farrugia temm jgħid li dan l-aħħar Malta pproduċiet ftit mill-aqwa drammi iżda r-riżorsi baqa’ limitat. “U meta tqis kif jaħdmu dawn l-artisti, kif tista’ ma tammirahomx?” staqsa Farrugia. 

L-artist spjega kif barra minn Malta, produzzjoni jkollha ammont kbir ta’ ħaddiema u riżorsi filwaqt li f’Malta mhux l-ewwel darba li d-direttur jispiċċa jżomm il-mikrofonu hu. 

Farrugia temm jgħid li wasal iż-żmien li niftħu istituzzjonijiet li jgħinu biex id-drama żżid fis-suċċess filwaqt li fakkar li l-industrija tal-films qed tiġġenera suċċess u profitt kbir lil Malta bħalissa,.  

Carlos Farrugia
Carlos Farrugia

More in Socjali