Il-kleru u l-parroċċi ta' Għawdex ġabru s-somma ta' ftit inqas minn €36,000 biex jinxtara ventilator għall-Isptar Ġenerali ta' Għawdex biex ikun jista' jintuża mill-pazjenti bil-coronavirus.
Dan tħabbar waqt iċ-ċelebrazzjoni li saret illejla fil-Katidral u li xxandret Live fuq Xejk TV.
Fil-fatt inqrat ittra miktuba mid-Delegat tad-Djoċesi Għawdxija għall-Kleru fejn ġie spjegat kif is-soltu jkun il-poplu li f'dan il-jum jagħmel ġabra għas-Saċerdoti Għawdxin, f'din il-ġurnata li fiha jitfakkar it-twaqqif tas-Saċerdozju.
Madanakollu, din is-sena, kien il-kleru ta' Għawdex li għamel ġabra għall-poplu u dan wara s-sejħa li saret mill-Amministratur Appostoliku ta' Għawdex, l-Isqof Mario Grech biex kull saċerdot u anke l-komunitajiet reliġjużi jagħtu donazzjoni ta' mhux inqas minn €100.
Waqt l-omelija tiegħu, Monsinjur Grech tkellem dwar l-importanza li l-Knisja, jiġifieri l-Insara, temmen mhux biss fil-preżenza ta' Kristu fl-Ewkaristija imma anke fil-preżenza ta' Kristu fil-proxxmu. Saħaq li wieħed ma jistax jiċċelebra l-Ewkarstija, anzi "ma għandux dritt jiċċelebra l-Ewkaristija," jekk imbagħad ma jaqdix lill-Kristu fil-proxxmu, partikolarment, fil-foqra.
Ikkwota imejl li bgħatlu llum stess il-Kappillan tal-ħabs, li spjegalu kif il-kappella tal-ħabs inbiddlet f'dormitorju għall-uffiċjali korrettivi li daħlu fil-ħabs għall-ġimgħat li ġejjin, iċċaħħdu mill-familji tagħhom biex jonqos ir-riskju li l-imxija tal-Covid-19 tinxtered fil-ħabs ukoll.
Dan il-Patri Kappuċċin, lill-Isqof kitiblu hekk: "Il-kappella tinsab żarmata, iżda l-Knisja hija armata," bl-Isqof jisħaq li d-damask, il-linef u l-fidda ma jkunu jfissru xejn jekk il-Knisja ma tagħrafx lill-Kristu fil-fqir u l-batut.
Kien hawn li saħaq li l-imxija tal-Covid-19 x'aktarx li se tkun qed iżżid il-faqar u kien għalhekk li appella lill-parroċċi Għawdxin biex ikunu sobriji fiċ-ċelebrazzjonijiet tagħhom u jekk jista' jkun lanqas ma jagħmlu opri ġodda biex ikunu, kemm jista' jkun, jifilħu jgħinu lil min se jkun fil-bżonn.