Saċerdoti Għawdxin se joħorġu €100 kull wieħed biex jinxtara ventilator għall-pazjenti bil-coronavirus

Fi kliem l-Isqof Grech b'din l-inizjattiva d-Djoċesi se tkun qed tappoġġa llill-Awtoritajiet ts-Saħħa fil-ħidma tagħhom

L-Amministratur Appostoliku tad-Djoċesi ta’ Għawdex, l-Isqof Mario Grech, fil-jum iddedikat lil Marija Addolorata, bagħat ittra lill-Insara Għawdxin u fiha għamel appell lis-saċerdoti tad-djoċesi Għawdxija biex kull wieħed minnhom jagħmel kontribuzzjoni ta’ mhux inqas minn €100 biex jinxtara ventilator li huwa stmat li jiswa madwar €50,000 u li jintuża għall-pazjenti li jkollhom bżonn kura fl-isptar għall-Covid-19.

Fl-ittra, Monsinjur Grech irringrazzja lill-Awtoritajiet Ċivili għar-rizorsi umani u finanzjarji u anke għall-miżuri li qed jieħdu biex titrażżan l-imxija u jfejqu lil min ittieħed. 

Huwa saħaq li imsaħħaħ mill-eżempju ta’ grupp ta’ żgħażagħ li qalulu: “jekk f’dan il-mument hekk diffiċli għal kulħadd, taf b’xi ħadd li huwa veru fil-bżonn, għidilna u lesti li ngħinu mingħajr ma jkun jaf kemm finanzjarjament u kemm b’affarijiet oħra,” ħaqq li kellu jappella biex anke l-Knisja f’Għawdex iddaħħal idha fil-but u tagħmel offerta ġeneruża biex jinxtara ventilator għas-servizz tal-pazjenti Għawdxin.

“Qed nieħdu din l-inizjattiva biex nagħtu l-appoġġ tagħna lill-Awtoritajiet ts-Saħħa li qed jagħmlu minn kollox biex isalvaw il-ħajjiet. Hemm min jaħseb li l-Istat għandu bir bla qiegħ. Dan mhux minnu. Kif jgħid il-qawl, “tieħu bla ma trodd, is-swar tħott”! B’dan il-ġest ta’ solidarjetà ma’ dawk ħutna li huma f’riskju, aħna li normalment nirċievu ħafna mill-Istat, f’din il-qagħda daqshekk prekarja u delikata nixtiequ nagħmlu din l-offerta simbolika, konvinti li jekk intaffu ftit mill-ispiża enormi li qed issir fil-qasam tas-saħħa, l-Istat ikollu aktar xi jqassam f’oqsma soċjali oħra,” insista l-Isqof Grech.

Fi kliemu, l-ossiġni li permezz ta’ dan l-istrument se jkun qed jingħata lill-pazjent, iqiesu bħala nifs li qed jingħata lil Kristu.

“Niftakru li kien Kristu nnifsu li qalilna: “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 25:34-36). Ma’ dawn wieħed jista’ jżid: ‘kont marid fis-sodda qed nifga u bl-istrument li tajtni għentni nerġa’ nieħu n-nifs!”, kiteb l-Isqof.

Apparti lis-saċerdoti inġenerali, ħeġġeġ lill-Kappillani, lir-Retturi, lill-Kunventi u lill-Iskejjel tal-Knisja f’Għawdex, u lill-Għaqdiet Reliġjużi biex mill-kaxxa komuni tagħhom ukoll jgħinu f’donazzjoni.

“Din il-kriżi tista’ tfaqqarna materjalment, imma mhux ser jirnexxilha tfaqqarna mill- imħabba! Ftit jiem oħra ser inkunu fil-Ġimgħa Mqaddsa – jiem li fihom niftakru li “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx” (Ġw 3:16). Minkejja li dawn huma żminijiet ta’ ħafna inċertezzi, ħa nirreċiprokaw din l-Imħabba billi nuru ftit imħabba mal-proxxmu tagħna,” temm jgħid Monsijur Grech.

Intant, kulħadd jista’ jgħin f’dan il-ġest.

L-għotjiet jistgħu jiġu depożitati f’dan il-kont bankarju permezz ta’ online banking jew permezz ta’ Revolut:

Isem tal-kont: COVID 19
Numru tal-kont: 35452320032
IBAN: MT91APSB77013000000035452320032 Swift Code: APSB MTMT 

L-għotjiet jistgħu jitħallew ukoll mal-kappillani tal-Parroċċi jew mar-retturi tal- knejjes. 

More in Socjali