Delizzji Maltin: Klikk minflok Pumm?

Fil-qalb ta’ dak li jagħmilna Maltin hemm tapizzerija ta’ delizzji u eku ta’ tradizzjonalità. Għar-raba’ installazzjoni ta’ din is-serje, Luigi sghendo jiltaqa’ ma’ Aron Tanti

Ritratti minn Aron Tanti
Ritratti minn Aron Tanti

Id-delizzju tal-fotografija ġeneralment hu mfittex minn dawk li jħobbu josservaw, tant li jagħżlu li jnaqqxu dak li jaraw fuq immaġni bl-għan li jħaddnuh u jxerrduh. 

Iltqajt ma’ Aron Tanti, fotografu u osservatur tat-tajr. Matul l-intervista, fhimt aħjar il-gost ta’ dan id-delizzju, kif ukoll l-isfidi ibsin li bħal balla jolqtuk fil-laħam il-ħaj. 

“Trabbejt f’ambjent fejn kelli l-familja, b’mod partikolari n-nannu li kien dilettant tal-insib u trabbejt niġri warajh fil-kampanja. Ġieli kien ikolli bżonn noħroġ għax inħoss li s-saqaf se jaqa’ fuq rasi,” Tanti beda jirrakkontali. 

Spjegali kif kien wasal f’punt fejn irrealizza li dawn il-ħlejjaq li tant iħobb, bil-mod kif kien qed igawdihom, kien qed ifixkilhom.  

“Ma tistax tkompli b’ħajjitha u jkollha frieħ, għalhekk ridt alternattivi u sibt il-fotografija. Togħġobni għax ittini ċ-ċans li nkompli dak li kont nagħmel fi ċkuniti bl-unika differenza tkun li minflok pumm nisma’ klikk”. 

Simili bħal kaċċatur, Tanti jeżamina t-temp lejlet li joħroġ, fosthom il-ħin tal-ġurnata, il-forza u d-direzzjoni tar-riħ, u l-qamar fost oħrajn. 

“Għandek il-borok, papri slavaġ li kważi jiddependu fuq il-qamar, u din is-sena bl-eżatt mal-qamar ta’ Marzu, iżda ċertezza qatt m’għandek u dik hija parti mill-isbuħija tan-natura,” saħaq Tanti. 

Kompla jispjega kif meta r-riħ idur wara li jkun niten (jiġifieri meta r-riħ ikun ġej mill-istess direzzjoni għal numru ta’ ġranet), dan jiġbed numru sostanzjali ta’ tajr u għalhekk iċ-ċans li wieħed jara iktar għasafar jiżdied. 

Mal-ġurnata li jmiss, Tanti jqum skont l-iktar ħin frekwenti li l-għasfur ipassi, bil-maġġoranza tal-għasafar ipassu ma’ tlugħ ix-xemx. Mill-banda l-oħra, tajr tal-priża jpassu bl-għajnuna tal-forza ta’ sħana li titla’ ’l fuq biex itiru.  

“Għandek ħafna għasafar li tlugħ ix-xemx tkun l-aħjar siegħa għalihom, imma barra minn hekk il-ħin ta’ filgħodu jkun ideali għar-ritratti għax is-saħħa tax-xemx tkun ferm inqas minn matul il-ġurnata u tevita l-possibiltà li tieħu ritratt ‘maħruq’, jiġifieri ritratt li jkollu wisq dawl (exposure)”. 

Tanti spjegali kif il-fotografija hija unika u kumplessa tant li tirrikjedi ħafna ħsieb. Trid tara li ma ttellifx l-għasfur u tħallih jiekol, jixrob eċċ. waqt li tikkunsidra l-anglu tax-xemx, is-sħana tal-art biex meta titla’ ma tisfokalekx ritratt u kunsiderazzjonijiet oħrajn. 

“L-isbaħ ritratt tiegħi huwa dak li għadni ħa nieħu,” wieġeb Tanti meta staqsejtu jekk għandux ritratt għal qalbu. Qalli li s-sbuħija ta’ kollox hi li jaqsam ir-ritratti ta’ tajr li jżuru l-gżejjer Maltin fuq il-media soċjali. 

Xtaqt insir naf xi sfidi jiltaqa’ magħhom u fil-verità ma tantx stennejt li se jsemmi ħafna, iżda jkolli nammetti li għajnejja ġibthom wara widnejja hekk kif irrakkontali stejjer ta’ vandaliżmu fuq il-karozza tiegħu, fosthom tkissir tat-twieqi u tqattigħ ta’ seats, bis-suspett ewlieni jkun minħabba li sempliċement iġorr kamera u tromba.  

Żied jgħid li s-suspett tiegħu ma jaqax fuq kaċċaturi iżda b’mod partikolari persuni li jwettqu atti illegali fil-kampanja Maltija.  

“Darba minnhom ġie wieħed biex isawwatni u jkissirli l-kamera u skoprejt li kien qed jagħmel xogħol ta’ mekkanik b’mod illegali. Ġimgħa qabel, irrappurtawh, u inzertajt għaddejt minn hemm u xħin rani ġie jikkonfrontani għax ħaseb li kont jien.” 

Tanti saħaq li hu mhux wieħed li joħroġ ifittex lil min qed jikser il-liġi. 

“Sakemm isiru jafu li nieħu ritratt ta’ tajr jarawni bħala l-għadu, imma meta nurihom ir-ritratti li nieħu, mhux l-ewwel darba li saħansitra stidnuni s’għandhom biex nieħu tazza kafè fid-dura magħhom.” 

Tanti fetaħ fuq is-sens ta’ duwaliżmu f’Malta; il-mentalità ta’ “aħna u huma.” 

Din fakkritni fil-poeżiji ta’ Oliver Friggieri, partikolarment ‘Karen u Raymond’ (fejn Friggieri jiftaħ fuq id-duwaliżmu politiku li mewwet żewġ persuni innoċenti). 

“Hawn Malta anke lil San Ġużepp u lil Maria jġelldu fil-festi ... l-element ta’ duwaliżmu ssibu kullimkien, b’mod partikolari fuq din il-gżira ċkejkna,” temm jgħid Tanti. 

Hawnhekk Tanti xtaq iwassal appell ta’ paċi fejn sostna li dment li wieħed ikun fuq art pubblika għandu jkun hemm l-element ta’ koeżistenza mingħajr biża’.  

More in Socjali