Kif kien previst ir-riħ beda jitqawwa mhux biss fuq l-art iżda anke fuq il-baħar. Dan qed jagħmel is-sitwazzjoni abbord iż-żewġ bastimenti mimlija bl-immigranti ħafna aktar diffiċli.
L-NGOs SOS Mediterranee u Open Arms ippubblikaw filmati fuq Twitter tas-sitwazzjoni abbord il-bastimenti, fejn b’kollox hemm 500 immigrant jistennew kenn f’port sigur.
Il-mewġ jidher li qed jitqawwa bil-bastimenti jiċċaqilqu sew. L-NGOs fakkru li l-immigranti ilhom jiem bejn sema u ilma u ħafna minnhom, il-baħar qed jagħmlilhom id-deni.
Bħalissa, il-bastimenti jinsabu bejn il-gżira Taljana ta’ Lampedusa u Malta.
Malta u l-Italja qed jirrifjutaw li joffrulhom l-għajnuna u Spanja wkoll ma laqgħetx it-talba tagħhom.
Open Arms għandha fuq il-bastiment tagħha 159 immigrant. Ħafna minnhom kienu salvati fl-1 ta’ Awwissu, filwaqt li 39 oħra ġew salvati viċin Malta.
Il-Gvern Malti kien offra li jdaħħal għandu t-39 immigrant iżda l-NGO rrifjutat għax saħqet li jew kulħadd jew ħadd.
Il-bastiment l-ieħor għandu abbord 356 immigrant.
Skont SOS Mediterranee, ħafna mill-immigranti li għandha abbord il-bastiment tagħha spiċċaw skjavi, ittorturati u anke mixħuta l-ħabs għalxejn qabel ħarbu.
Il-grupp jinkludi wkoll 103 itfal.