'Sinjuri u Sinjuri' jew 'Ladies and Gentlemen?'

Mal-kwart tal-popolazzjoni ma jmorrux jaraw produzzjonijiet teatrali...min imur, jippreferihom bil-Malti

Għal ħafna nies u familji, lil hinn mill-pantomima annwali fi żmien il-Milied, it-teatru huwa xi ħaġa sofistikata wisq u mhux ikkunsidrata bħala xi ħarġa ta’ kull tant żmien. Fil-fatt, għajr għal xi eċċezzjonijiet, spiss tara l-istess uċuħ jattendu għar-rappreżentazzjonijiet lokali fit-teatri Maltin.

Fil-fatt, ftit inqas minn kwart tal-popolazzjoni, jew inkella 23.4% jsostnu li ma jattendux dawn ir-rappreżentazzjonijiet teatrali li jittellgħu minn żmien għal żmien. Dan joħroġ minn stħarriġ ippubblikat mill-Kunsill Malti għall-Arti, bil-kollaborazzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, u l-Fondazzjoni Valletta 2018, bil-għan li jintefa' iktar dawl fuq is-sitwazzjoni kulturali attwali u r-raġunijiet wara dan.

L-istħarriġ li staqsa 1,500 persuna u minnhom 75% fil-fatt ipparteċipaw, wera kif il-Maltin, jekk imorru jaraw rappreżentazzjoni teatrali, jippreferu jagħmlu dan bil-Malti. Għall-mistoqsija dwar liema hi l-lingwa li jippreferu jużaw fil-qari, mużika, televiżjoni, radju, jitkellmu, jiktbu u jaraw rappreżentazzjonijiet teatrali, il-Malti ddomina f’xi oqsma waqt li l-Ingliż f’oħrajn. Fil-kitba, taħdit, radju u produzzjonijiet teatrali, il-Maltin intervistati qalu li jippreferu jagħmlu dan bil-Malti, bit-taħdit ikun l-iktar qasam li l-Maltin iħobbu jużaw il-Malti fih, fejn iktar minn 70% ppreferewh mill-Ingliż. Min-naħa l-oħra, fil-qari, televiżjoni u partikolarment fis-smigħ tal-mużika, il-Maltin jippreferu l-lingwa Ingliża.

Il-lingwa Taljana minn dejjem kellha influwenza qawwija fuq il-lingwa tagħna u l-ħajja b’mod ġenerali. Fil-fatt, minn dan l-istħarriġ jidher li fejn tidħol il-mużika u t-televiżjoni, il-lingwa Taljana hi importanti b’ 9.8% u 18.9% ta’ dawk mistoqsija, rispettivament.

Għawdex bl-inqas preżenza fit-teatri

Dawk li wieġbu l-mistoqsijiet kellhom l-għażla li jgħidu jekk jippreferux il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, xi lingwa oħra, il-Malti u l-Ingliż b’mod indaqs, jew inkella li dawn il-persuni ma jagħmlux din l-attività. Fil-fatt, minn hawnhekk meta wieħed jikkunsidra l-inħawi tal-pajjiż li minnhom jiġu dawn it-tweġibiet, jidher li l-mawra sat-teatru hi l-iktar waħda b’possibbiltà li ma ssirx f’Għawdex. Meta mqabbel ma’ nħawi oħra tal-pajjiż, il-gżira Għawdxija kellha l-ikbar persentaġġ ta’ nies li jgħidu li ma jagħmlux din l-attività partikolari, b’iktar minn 44%. Minkejja li ma jingħatawx raġunijiet għal dawn it-tweġibiet, jista’ jagħti l-każ li dan jiġri minħabba n-nuqqas ta’ rappreżentazzjonijiet f’Għawdex, billi l-konċentrazzjoni ta’ produzzjonijiet teatrali ġeneralment ikunu f’Malta, bi ftit eċċezzjonijiet li jiddeċiedu li jtellgħu xi serata f’Għawdex ukoll.

Id-distribuzzjoni tal-attendenza u preferenza lingwistika fit-teatru skont ir-reġjun ta’ Malta tindika li l-iktar nies li jippreferu l-Malti minflok l-Ingliż f’rappreżentazzjonijiet teatrali, ġejjin min-naħa ta’ isfel tal-port, jiġifieri l-Belt, il-Kottonera, Ħaż-Żabbar, Ħal Tarxien u l-madwar.

Iktar mal-persuni jikbru fl-età, l-ammont ta' nies li ma jmorrux it-teatru, jiżdied
Iktar mal-persuni jikbru fl-età, l-ammont ta' nies li ma jmorrux it-teatru, jiżdied

Min-naħa l-oħra, il-persuni mill-Punent tal-pajjiż, jiġifieri Ħaż-Żebbuġ Ħ’Attard, l-Iklin, ir-Rabat, Ħal Balzan u l-madwar, huma l-iktar li jippreferu teatru bl-Ingliż, b’25.4% jgħidu li jagħżlu l-Ingliż fuq il-Malti.

Kultura ikbar ta’ teatru fost iż-żgħażagħ

Meta l-figuri ta’ dan ir-rapport jiġu analizzati mil-lat ta’ età, jidher li aktar mal-persuni jikbru fl-età, iktar inaqqsu l-attendenza tagħhom għal dawn ir-rappreżentazzjonijiet fit-teatru. Fil-fatt, l-akbar persentaġġ ta’ nies li qalu li ma jipparteċipawx f’din l-attività kienu dawk ta’ iktar minn 65 sena.

Fl-istess waqt, l-inqas ammont ta’ nies li qalu li ma jattendux kienu fil-gruppi ta’ età iżgħar, ta’ bejn il-25 u 34 sena u s-16 u l-24 sena, b’14.5% u 16.9% rispettivament. Minkejja li n-numri huma biss indikattivi, dan jista’ jfisser li fost iż-żgħażagħ Maltin qiegħda dejjem iktar tikber kultura ta’ teatru, u għaldaqstant iktar fosthom qegħdin jattendu għalih. Jista’ jkun ukoll il-każ li r-rappreżentazzjonijiet li qegħdin jittellgħu qegħdin jappellaw iktar għal dan is-settur jew qed jiġu reklamati iktar lil dawn il-gruppi ta’ età.

Bl-istess mod, il-persuni ta’ età iżgħar għandhom it-tendenza li minkejja li bħala maġġoranza jippreferu l-lingwa Maltija għat-teatru, ikunu l-iktar grupp li jipperferu l-lingwa Ingliża, minn fost il-gruppi tal-età kollha.

More in Socjali