Erba' rotot ġodda Ewropej, hekk kif l-ajruport iniedi l-iskeda tas-sajf

Titjiriet ġodda lejn il-Polonja, Rumanija, Maċedjona, u Bordeaux...b'żidiet lejn Belgrad, Vjenna u l-Ġermanja

Wara xitwa tassew impenjattiva, l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta issa qed iħares 'il quddiem lejn il-ġranet ferm aktar impenjattivi tas-sajf. L-ajruport ser ikun qed jiċċelebra l-bidu tal-perjodu tas-sajf għall-industrija tal-avjazzjoni bit-tnedija ta' skeda ta' titjiriet ġdida għal dan l-istaġun.

L-iskeda tas-sajf tibda tapplika mis-26 ta' Marzu u tinkludi żewġ linji tal-ajru skedati ġodda u total ta' 87 rotta, li minnhom erbgħa huma kompletament ġodda għall-ajruport.

Tlieta minn dawn ir-rotot ser jiġu introdotti minn Wizz Air u ser jagħtu l-opportunità lill-passiġġieri jivvjaġġaw direttament lejn Katowice fil-Polonja, Cluj-Napoca fir-Rumanija, u Skopje fil-Maċedonja.

Barra minn hekk, il-linja tal-ajru ser tibda topera titjiriet mill-Ajruport Internazzjonali ta' Malta lejn Belgrad; rotta li qabel kienet offruta biss minn Air Serbia.

Il-linja tal-ajru low-cost Volotea ser tkun qed toffri r-raba' rotta ġdida għas-sajf, dik ta' Bordeaux. It-titjiriet lejn il-kapitali Franċiża tal-inbejjed ser ikunu qed jitilqu mill-MIA kull nhar ta' Tnejn u nhar ta' Ħamis.

Iż-żewġ linji tal-ajru skedati ġodda għas-sajf 2017, li t-tnejn huma Ġermaniżi, huma mistennijin itejbu l-konnettività tal-ajruport mal-Awstrija u l-Ġermanja.

Eurowings, li hi sussidjarja tal-Lufthansa Group, ser tibda l-operat tagħha mill-Ajruport Internazzjonali ta' Malta lejn Vjenna fid-9 ta' April. Min-naħa l-oħra, Condor ser tagħti bidu għall-operat tagħha minn Malta lejn Hamburg u Frankfurt fis-26 ta' April.

F’April ser jingħata bidu wkoll għal servizz ġdid ta' Cruise & Fly offrut minn P&O, li hija parti mill-akbar kumpanija tal-cruises fid-dinja, jiġifieri Carnival Corporation. Dan is-servizz ser ikun juża lil Malta bħala port tal-irmiġġ.

Il-passiġġieri li ser ikunu qed jivvjaġġaw fil-ġimgħat li ġejjin huma mfakkrin ikunu l-ajruport kmieni, minħabba li xogħlijiet ta' rikonfigurazzjoni li qed isiru bħalissa fit-terminal jistgħu jaffettaw il-proċessi taċ-check-in u tal-iskrining tas-sigurtà.

More in Socjali