Bħal daż-żmien sena konna għadna bit-T-shirt...

Malta tintlaqat minn maltemp qawwi...jidher li se jkollna Milied xitwi

Probabbilment, ħafna nsew li bħal daż-żmien sena, kulħadd kien qed jistagħġeb kif kien beda Diċembru, u t-temp f’Malta baqa’ wieħed mimli xemx u sħana, jew għall-inqas sħana għal dak iż-żmien tas-sena. Fil-fatt, Diċembru li għadda kien meqjus ġeneralment sħun, b’siegħat ta’ xemx li huma iktar min-normal u xita ftit li xejn. Il-kowts ħallejniehom fil-gwardarobba, il-heaters baqgħu mitfijin u min iħobb Milied xitwi (kif suppost), baqa’ bix-xewqa.

Din is-sena differenti. Wara l-maltemp qawwi fil-jiem tal-Immakulata Kunċizzjoni, fl-aħħar jumejn, il-pajjiżna waqa’ taħt dalma ta’ maltemp, riħ, xita u kesħa. Fi kliem ieħor, pajjiżna esperjenza t-temp li wara kollox suppost jesperjenza f’Diċembru, anke jekk ix-xitwa Maltija tilħaq il-qofol tagħha f’Jannar u Frar. Dawk li jħobbu x-xitwa, ma setgħux kienu aktar kuntenti bit-temp ta’ dawn l-aħħar jiem, b’temperaturi li niżlu għal 13-il grad u xita nieżla mingħajr waqfien.

Maltemp qawwi jolqot il-gżejjer Maltin: xita, riħ u kesħa

Il-ġurnata tas-Sibt kienet immarkata minn sema griż u xi minn daqqiet sewdieni wkoll, xita kontinwa u riħ qawwi ħafna li f’ħinijiet mnnhom saħansitra miss mal-Forza 8.

Filwaqt li l-kosta madwar il-pajjiż offriet xenarji spettakolari, uħud minnhom maqbudin mill-fotografu tagħna James Bianchi, ix-xita ma waqfet xejn u niżlet l-aktar fin-naħiet t’isfel tal-pajjiż. Apparti l-ambjent xitwi li offrew dawn il-jiem, li daħħluna iktar fl-atmosfera tal-Milied, dawn il-jiem immarkaw ukoll l-ewwel ġranet ta’ kesħa għall-gżejjer Maltin din is-sena.

Il-maltemp mistenni jbatti xi ftit għalkemm ir-riħ u x-xita mistennija jkomplu wkoll illum. Għalkemm it-temp se jikkalma u terġa’ tiżreġ ix-xemx fil-bidu tal-ġimgħa d-dieħla, mistennija tirritorna x-xita nhar il-Ġimgħa.

U għal Jum il-Milied? S’issa u skont is-sit weather.com huwa żgur li se jkollna xita qawwija l-Ġimgħa u lejliet il-Milied, sakemm morna għall-pubblikazzjoni kien għadu mhux qed jimmarka t-temp nhar il-25 ta’ Diċembru. Jidher iżda, li aktar minn l-aħħar snin, se jkollna Milied tal-ġabra, maltemp barra u xi naqra imbuljuta taħraq ġewwa.

More in Socjali