filmat | ‘Il-Malti tagħmluh intom fit-triq, mhux aħna’

F'intervista mal-gazzetta ILLUM, il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti jitkellem dwar il-bidliet proposti fil-Kunsill tal-Malti u l-iżvilupp tal-lingwa

L-Ilsien Malti huwa essenzjali fil-ħajja ta’ kuljum hekk kif għall-maġġoranza tal-Maltin, huwa l-għodda prinċipali li biha jikkomunikaw. Jaf l-għeruq tiegħu minn żminijiet imbiegħda, bl-Għarbi jkun il-bażi, u lingwi oħra taw is-sehem tagħhom, u ġew magħġuna flimkien, biex illum il-ġurnata għandna l-lingwa tagħna. Minkejja dan, l-iżvilupp tal-lingwa għadu għaddej u jibqa’ għaddej ġaladarba l-lingwa hija waħda ħajja. Minħabba f’hekk, spiss jiġi kkritikat l-influss ta’ kliem ġdid fil-Malti partikolarment mill-Ingliż.

Għal dawn l-aħħar snin, l-entità li kienet tiddiskuti u tikkonsulta dwar żvilupp u tibdil tal-lingwa Maltija, kien il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, u minkejja kollox, din kienet tiffunzjona tajjeb, tant li fost l-oħrajn, ħarġu għadd ta’ deċiżjonijiet dwar kliem u l-kitba tagħhom fil-Malti. Minkejja dan, għal dan il-Kunsill, qed jiġu proposti emendi sabiex jinbidel fost l-oħrajn il-format u l-kompożizzjoni tal-kunsill, bil-possibbiltà li saħansitra jkun hemm maġġoranza ta’ nies fil-Kunsill li ma jkunux kwalifikati fil-Malti. Dwar dan u dwar l-iżvilupp tal-Malti, din il-gazzetta tkellmet mal-Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta, Bernard Micallef, li wera t-tħassib tiegħu għal dawn l-emendi kif proposti.

filmat : James Bianchi

Il-Malti mhux tagħna imma tagħkom’

Spiss tisma’ nies li jikkritikaw l-introduzzjoni ta’ kliem bl-Ingliż fil-Malti partikolarment bil-mod kif jinkitbu. Saħansitra, jkun hemm min jgħid li minħabba f’hekk, tkun qed qed tintilef l-identità nazzjonali. Dwar dan, il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti fi ħdan l-Università iwieġeb li l-identità unika tal-Malti nħolqot għax il-Malti tant għadda minn bidliet li ma baqax Għarbi u beda jiddistingwi ruħu bħala lingwa għalih. “Dak li ssejjaħlu identità ġie bil-bidla, għax daqskemm il-bidla tista’ tħassarlek identità, tista’ wkoll tibnihielek, u hekk ġara, il-Malti inbena.”

Ikompli jikkummenta li, “niggosta dawk in-nies li jgħidulek, hemm bżonn taraw x’tagħmlu fil-Malti. It-tweġiba tiegħi hi li l-Malti mhux tagħna, imma huwa tagħkom. It-tieni ħaġa, mhux x’hemm bżonn nagħmel jien li qed nistudja x’tagħmel int, imma x’hemm bżonn tagħmel int u l-bqija tas-soċjetà. Jekk in-nies jagħżlu din ir-rotta, min jiena jien biex ngħidlek le, titkellimx hekk?”

Il-Ministru mexa fuq bniedem li ma jafx il-Malti u qed jagħtih il-pariri

L-istudjuż tal-Malti maqtugħ min-nies?

Kritika li spiss tisma’ fir-rigward tal-Kunsill tal-Malti hi li dan huwa tal-istudjużi biss u dawn jiddeċiedu għal kulħadd, bil-premessa tal-‘huma’ u ‘aħna’.

Għal dan, il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti qal li, “dan huwa fattwalment żbaljat. Fil-fatt, attwalment, il-Kunsill għandu fih rappreżentanti minn oqsma differenti. Dan huwa pożittiv għaliex meta qed titkellem fuq il-lingwa nazzjonali, se tkun qed taffettwa lil kulħadd.”

Minkejja dan, din il-gazzetta staqsiet kemm huwa minnu li studjuż tal-Malti huwa f’kuntatt mill-qrib ma’ dak li jiġri u jingħad fit-toroq. Għal dan, Micallef qal li n-numru u l-kwalità tat-teżijiet li saru fis-soċjolingwistika biss diġà juri kemm  l-istudent u t-tutur tiegħu jaħdmu fil-komunità. “Hemm teżijiet fuq id-djaletti, u meta qed ngħidu djaletti, mhux qed nitkellmu fuq it-teorija tagħhom, imma fuq djaletti parikolari bħal dawk tan-Nadur.” Għaldaqstant, Micallef jistaqsi, “jekk it-tutur qed imexxi teżi bħal din, taħseb li dan ma marx jirriċerka fuq dan?” Dwar dan, ikompli jgħid li dan huwa eżempju reali tar-riċerkatur li ma jaħdimx biss f’uffiċċju imma jmur fil-qasam, u jiġbor din l-informazzjoni.

 

‘Il-problema tinħoloq meta nies kwalifikati fil-Malti jiġu f’minoranza fil- Kunsill tal-Malti’

It-tliet bidliet li qed jiġu proposti fil-Malti, Bernard Micallef jiddeskrivihom bħala  perikolużi l-iktar meta tarahom f’salt, bħala bidla sħiħa fil-Kunsill. L-ewwel u waħda mill-ikbar preokupazzjonijiet ta’ diversi għaqdiet tal-Malti fir-rigward tal-emendi hija li qed jiġi propost li l-Kunsill ma jibqax magħmul minn maġġoranza ta’ persuni li huma kwalifikati fis-suġġett.

L-emenda tgħid li għandu jkun hemm żieda minn 11-il membru għal 13, għaliex qed jiġu proposti li jiżdiedu għadd ta’ rappreżentanti oħra fosthom rappreżentant tal-pubblikaturi u tat-tradutturi. Bernard Micallef jgħid li hu mhux kontra li jkun hemm iktar nies fil-Kunsill, għaliex iktar nies ifisser iktar rappreżentanza, għalkemm saħaq li n-numru m’għandux ikun wieħed kbir wisq għaliex dan jagħmilha diffiċli sabiex jintlaħaq ftehim. Fl-istess waqt, sostna li “l-problema tinħoloq meta minn dawn it-13-il membru jkollok 7 li mhumiex kwalifikati fil-Malti. Bniedem ikkwalifikat fil-Malti hu l-bniedem li x-xogħol tiegħu hu li jirriċerka l-Malti. Dan jiltaqa’ u jiġbor flimkien id-diskors tal-mekkanik, tal-Parlament, ir-retorika tal-prietka tal-quddies, tat-taħdit taż-żgħażagħ f’Paceville. Għalhekk, meta twarrab il-maġġoranza ta’ dawn il-persuni kkwalifikati tkun, effettivament, qed tnaqqas ir-rappreżentanza tal-użi differenti ta’ lsienna.” 

‘Hu periklu kbir li tħalli bniedem mhux kwalifikat fil-Malti jieħu d-deċiżjonijiet’

“Jekk min jiddeċiedi mhux se jkun kwalifikat fil-Malti, fuq liema kriterju se jkun qed jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu? Fuq impressjoni li jkollu, jew fuq gost li jkollu? Jew għax ikun iltaqa’ ma xi ħadd li tah parir personali?” jistaqsi Micallef dwar il-kompożizzjoni tal-Kunsill kif propost. Għaldaqstant, jinsisti li fil-Kunsill, li finalment jittratta l-ilsien nazzjonali, “il-bniedem kwalifikat fil-Malti mhux biss għandu postu, imma għandu jkollu maġġoranza biex finalment, id-deċiżjoni aħħarija tittieħed fuq studju serju, kif dejjem sar, u skont qbil bejn l-entitajiet tal-Malti,” bħalma f’kumitat mediku tistenna li l-maġġoranza tan-nies ikunu tobba jew speċjalisti fil-qasam. Micallef jiddefinixxi l-Malti fil-ħajja tal-istudjużi bħala, “ħajjithom u l-karriera tagħhom.”  U għalhekk jistaqsi jekk, “ikollok persuna li fuq il-Malti taħseb għal ftit ġranet u tispiċċa f’kariga li teħtieġ deċiżjoni, u bniedem li ħajtu ddedikaha lill-Malti u jrid jiddeċiedi l-istess każ, min taħseb li se jieħu l-aħjar deċiżjoni?”

Il-kunsill jiġbor flimkien id-diskors tal-mekkanik, tal-politiċi, il-prietka tal-quddies u taż-żgħażagħ f’Paceville

‘Il-ħidma tal-esperti fil-Kunsill hi kollha bla ħlas’

Meta mistoqsi dwar il-liġi kif kienet sa issa, Micallef jgħid li din kienet taħdem tajjeb. Insista li l-membri “mhumiex nies li qed idaħħlu l-flus, qed jagħtu s-sehem tagħhom b’xejn. Immaġina għandek espert, u l-Kunsill jgħidlu li jrid l-għajnuna f’xi studju li qed jagħmel. Meta jgħid, ‘kollox sew’, ifisser li dan qed jagħti sigħat sħaħ fil-ġimgħa ddedikati lill-kunsill, b’xejn, mingħajr mhu se jiggwadanja xi ħaġa. Jekk xejn, ikunu qed jaħlu l-ħin minflok jippubblikaw xogħol tagħhom,” insista Micallef. Rigward l-armonija li ntlaqħet bejn l-għaqdiet tal-Malti bil-ħolqien tal-Kunsill, Micallef jgħid li din hija mhedda minħabba li se jerġa’ jkun hemm iktar bidliet. “Il-Kunsill kiseb armonija li qabel ma kellniex. Għal dawn l-aħħar 10 snin, konna qed ngħidu għall-erwieħ, għax għandna ftit kwiet fil-Malti.”

‘Huwa inġust kif saret il-kritika dwar il-bdil fl-ortografija’

Prodott tal-Kunsill f’dawn l-aħħar snin, kien ktejjeb bid-deċiżjonijiet meħuda dwar l-ortografija fil-Malti, li wara ħafna snin iddeċieda kif għandu jinkiteb ċertu kliem, u b’hekk qata’ l-ħafna varjanti li kien hawn. “Fid-Deċiżjonijiet, kien hemm min sab żewġ kelmiet, bħall-kelma ‘skont,’ u weħel fuqha, imma mbagħad ma semmiex mijiet ta’ termini oħra li fl-aħħar ġew deċiżi. Il-kittieba u l-pubblikaturi fl-aħħar qalu għall-erwieħ li issa għandhom gwida fuqiex jimxu, u fuq dawn il-kelmiet fl-aħħar inqatgħu l-kwistjonijiet.”

Iżid jgħid li meta l-Kunsill jiġi attakkat fuq kelma waħda, dan huwa inġust. “Huwa inġust li tattakka l-Kunsill dwar kelma waħda li ħolqot kontroversja, meta dan solvielek tant problemi oħra. Jiġifieri naqqas il-kontroversja fuq il-maġġoranza assoluta tal-kliem, u hemm min baqa’ jtambar fuq l-eċċezzjoni.”

Wara snin ta’ ħidma ma’ diversi entitajiet, finalment, jgħid Micallef , “intlaħqet ċerta armonija fil-ħidma bejniethom.” Żied jgħid li l-Kunsill sar punt ta’ referenza fejn tidħol il-lingwa, u dan wara li fiż-żmien kien hemm nuqqas ta’ qbil kbir bejn u fi ħdan numru ta’ entitajiet tal-Malti. Minkejja dan, jgħid li issa, “ix-xitan deffes denbu, u issa hija ħasra kbira. B’dawn l-argumenti tal-emendi, qisna qed nitkellmu fuq lingwa li lanqas hi stabbilita. Jekk jgħaddu l-emendi kif proposti, se jiġu effettwati l-kittieba, l-għalliema, u diversi oqsma oħra dipendenti fuq il-Malti.”

‘Huwa ovvju ħafna li lill-Ministru, mar ikellmu xi ħadd...’

Micallef żied jgħid li l-inkwiet tagħhom huwa għal kulħadd, “aħna m’aħniex inkwetati għalina, għax finalment, il-Malti se jibqa’ jimxi, imma hija ħasra kbira jekk ma nitkellmux u dawn l-emendi jibqgħu mexjin mingħajr konsultazzjoni magħna.”

Saħaq li huwa ovvju ħafna li xi ħadd li ma jafx il-Malti mar ikellem lill-Ministru, “fil-fatt, dan jidher mill-ammont ta’ żbalji li kien hemm” fl-ewwel dokument li ħareġ dwar il-bidla fil-Kunsill. “Il-Ministru mexa fuq bniedem li ma jafx il-Malti u qed jagħtih il-pariri.”

Minħabba li Micallef qal li l-Kunsill kien qed jaħdem b’mod tajjeb, il-mistoqsija tiġi waħedha, u l-gazzetta tistaqsi, mela għalfejn ġew proposti dawn il-bidliet? Għal dan, il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università, jgħid, “din mhix mistoqsija li trid issir lili imma direttament lill-Ministru. Aħna jew il-Kunsill ma wrejna l-ebda xewqa li jkun hemm xi tip ta’ tibdiliet, la kollox kien qed jaħdem tajjeb.”

Għaldaqstant, il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti temm bl-appell liż-żewġ naħat tal-Parlament, biex f’xi ħaġa fundamentali bħall-ilsien Malti, tingħata l-aqwa kunsiderazzjoni, serjetà, u professjonalità, u tirrenja l-loġika.

More in Socjali