Aktar djar u palazzini antiki mistenni jinbidlu f’lukandi boutique

Fenomenu li huwa riżultat dirett tat-tibdil tal-profil tat-turist

Tkompli x-xejra pożittiva fis-settur tat-turiżmu u tkompli tissaħħaħ il-fiduċja tal-investituri fl-iżvilupp ta’ lukandi ġodda, estensjonijet u fit-titjieb tal-prodott. Wieħed minn dawn is-setturi li qed naraw investiment sostanzjali fih huwa is-settur tal-lukandi żgħar boutique.

 

Dan il-fenomenu, li rajnih jikber sostanzjalment f’pajjiżi oħra, huwa riżultat dirett tat-tibdil tal-profil tat-turist. Illum it-turisti mhux biss interessati jżuru l-bajjiet u jilgħaqu x-xemx, iżda jfittxu li jkollhom kuntatt mal-lokal u jgħixu man-nies tal-lokal. Dan huwa possibbli biss jekk il-lukanda tkun parti żgħira mill-istess post li qed iżuru. Huwa propju dak li qed jiġri bħalissa, tant li kien hemm numru sabiħ ta’ applikazzjonijiet sabiex jiġu kkonvertiti djar u palazzini antiki – ħafna minnhom abbandunati – f’lukandi żgħar, propju f’postijiet li qabel lanqas biss konna noħolmu li xi darba jkun hemm post għat-turisti.

 

S’issa kien hemm aktar minn sittax-il applikazzjoni f’kull kantuniera tal-Belt Valletta u kien hemm ukoll applikazzjonijiet fil-Birgu, Bormla, l-Isla u anke l-Kalkara. Ma’ dawn jiżdiedu wkoll applikazzjonijiet sabiex jinfetħu lukandi żgħar fl-irħula Għawdxin.

 

Il-fatt li l-Belt Valletta se tkun l-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018, huwa ta’ inċentiv sabiex il-belt kapitali ta’ Malta, li għandha wirt storiku kbir, tkompli tingħata l-ħajja. Ir-ristrutturar u t-tisbieħ ta’ propjeta fil-belt f’lukandi boutique huma parti minn katina sħiħa ta’ proġetti ta’ riġenerazzjoni li ser iwassalu biex il-belt Valletta ssir destinazzjoni għal city breaks li tattira turiżmu ta’ kwalità u tkun belt b’potenzjal kulturali kbir.

 

Din il-gazzetta tkellmet mal-Ministru Edward Zammit Lewis li minn naħa tiegħu qal “Dan it-tip ta’ turiżmu huwa pożittiv għax għandu l-opportunità li jħalli dħul finanzjarju aktar mifrux u qed jerġa’ jattira l-investiment lejn propjetajiet li kienu qed jaqgħu biċċiet, bl-ebda futur. Propjetajiet storiċi li ħasra li jintilfu”.

 

Zammit Lewis qal li l-Ministeru tiegħu flimkien mal-Awtorità għat-Turiżmu qed isegwu din ix-xejra ġdida u qed iħejju riforma leġiżlattiva sabiex ikunu jistgħu jikkumplimentaw dan l-iżvilupp. “Qed jitħejjew kategoriji ġodda għal-lukandi boutique u qed titħejja wkoll klassifikazzjoni ġdida għall-palazzini. Din hija importanti minħabba l-fatt li ħafna minn dawn il-proġetti qed isiru f’propjetajiet antiki u li għandhom storja u għaldaqstant huwa importanti li wieħed jiċċelebra dawn il-karatteristiċi bi klassifikazzjoni ddedikata apposta għalihom. Issa li bdejna naraw l-ewwel lukandi boutique jiftħu fil-Belt u anke f’Għawdex qed inkunu nistgħu naraw il-potenzjal ta’ dawn il-propjetajiet u l-benefiċċju li ser iħallu fl-ekonomija tagħna.”

 

Il-Ministru kompla jgħid li dan l-iżvilupp u dawn l-inizjattivi huma parti mill-politika tal-Gvern sabiex jegħleb għal kollox l-istaġjonalità bl-aħħar ċifri uffiċjali juru li qegħdin fid-direzzjoni t-tajba. “Skont l-aħħar ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika bejn Jannar u April ta’ din is-sena kellna żieda ta’ 5.7% fil-wasliet ta’ turisti fuq l-istess perjodu tas-sena 2014. Dawn il-wasliet ġabu magħhom ukoll tkabbir sostanzjali kemm fl-infieq turistiku u l-iljieli mqatta. Fil-fatt rajna żieda fl-infieq turistiku ta’ kważi 6.8% meta mqabbel ma Jannar – April tas-sena 2014, filwaqt li kellna żieda fl-iljieli mqatta ta 3.5%.”

 

Temm jgħid li l-Gvern huwa kommess li jissokta b’ħidmietu għal aktar suċċess fit-turiżmu u aktar riżultati pożittivi, mhux biss fl-ammont ta’ turisti imma wkoll billi jkompli jaħdem biex jitjieb il-prodott turistiku li bih tiġbed aktar turisti ta’ kwalità li jħallu aktar ġid fl-ekonomija Maltija.

 

More in Socjali