Festa ta' logħob tan-nar fl-aħħar t'April

Titnieda l-14-il edizzjoni tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Marsaxlokk, il-Ministru għat-Turizmu Dr Edward Zammit Lewis nieda l-erbatax-il edizzjoni tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar. Dan il-festival kull sena jiġbed eluf ta’ Maltin u barranin biex igawdu minn spettaklu kkulurit u mill-isbaħ, f’ambjent tradizzjonalment Malti, qal il-Ministru għat-Turiżmu.

Il-Ministru Zammit Lewis saħaq kif dan l-festival, organizzat mill-Ministeru għat-Turizmu u l-Awtorità Maltija għat-Turizmu, jingħaqad ma’ sensiela t’attivitajiet oħra li sabu posthom fil-kalendarju nazzjonali. Dawn l-attivitajiet, tenna l-Ministru Zammit Lewis iħeġġu aktar turisti jagħżlu li jżuru pajjiżna għall-btajjel tagħhom. Aktar importanti huwa l-fatt li dan l-avveniment issa għandu għeruq sodi u d-dati tiegħu huma fissi bil-quddiem, biex ikun possibbli li l-avveniment ikun promoss u rreklamat.

L-ewwel serata tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar se terġa’ ssir  fil-lokalità ta’ Marsaxlokk is-Sibt 25 ta’ April u fil-Port il-Kbir il-Ħamis 30 ta’ April. Is-serata finali mbagħad se ssir nhar is-Sibt 2 ta’ Mejju f’Buġibba.

Dan il-Festival huwa meqjus importanti u uniku fil-gżejjer Maltin fejn kull sena jipparteċipaw numru kbir ta’ kumpaniji pirotekniċi inkluż anki dawk barranin. Il-Ministru Zammit Lewis spjega kif f’din l-edizzjoni se jieħdu sehem seba’ kumpaniji pirotekniċi li se joħolqu spettaklu mill-isbaħ tan-nar sinkronizzat mal-mużika, fosthom ukoll għall-ewwel darba kamra tan-nar mill-kontinent Asjatiku. Il-Ministru għat-Turizmu semma wkoll li se ssir il-Kompetizzjoni Nazzjonali u għal din is-sena se tirritorna l-wirja tal-logħob tan-nar tal-art fejn se jieħdu sehem seba’ kmamar tan-nar Maltin.

Waqt l-intervent tiegħu il-Ministru Zammit Lewis fakkar ukoll kif dan il-festival iservi wkoll bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja li seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004.

Il-Ministru għat-Turiżmu qal li dan il-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar joffri opportunità speċjali, fejn wieħed jista’ jgawdi l-ambjent tal-irħula u l-bliet Maltin f’atmosfera mill-isbaħ. Pajjiżna huwa magħruf għall-wirt kulturali u tradizzjonijiet tagħna. Dan il-patrimonju għandna nkunu kburin bih peress li l-logħob tan-nar Malti huwa wkoll meqjus bħala nar maħdum b’mod uniku u b’sengħa kbira, temm jgħid il-Ministru Zammit Lewis. 

More in Socjali