Irridu nkabbru l-ġid tas-soċjetà f’pajjiżna - Ruth Farrugia

Hemm setturi fis-soċjetà li ma tantx kienu jingħataw importanza

Dr. Ruth Farrugia laqgħet lill-ILLUM fil-Palazz tal-President, fejn bħalissa hemm l-uffiċini tal-President’s Foundation for the Wellbeing of Society. Farrugia hija l-ewwel direttriċi ta’ din il-fondazzjoni u tkellmet dwar l-għan ta’ din il-fondazzjoni, il-frott li diġà qed tħalli u l-pjanijiet għal tul din il-presidenza.


Għalfejn inħasset il-ħtieġa li titwaqqaf il-fondazzjoni? U għala issa u mhux qabel?

Għala issa ma nistax ngħid, din kienet l-idea tal-President u kienet idea ta’ din il-Presidenza. Aħna ma naħdmux fuq in-negattiv, aħna naħdmu dwar propju l-oppost, dwar l-għarfien x’iġib il-ġid… għalkemm il-kelma ġid mhux daqshekk korretta, aħna niffukaw fuq il-wellbeing, li għalissa għadna ma sibniex alternattiva oħra għal dik il-kelma. Aħna rridu nkunu nafu x’iġib il-ġid fis-soċjetà u naqsmu l-metodi ta’ dan il-ġid u naqsmuh ma’ ħaddieħor. Jekk għandek xi ħaġa li qed taħdem għidilna dwarha ħalli nagħmlu bħalek.

Kif tinqasam din il-fondazzjoni?

Għandna tliet friegħi ewlenin, waħda minnhom hija r-riċerka, għandna ħames istituzzjonijiet ta’ riċerka. Għandna n-National Institute for Childhood, il-Family Research Centre, l-Observatory for Living with Dignity u s-Centre for Freedom from Addiction. Fost ir-riċerka li qed issir hija pereżempju fuq l-addiction tal-internet, qed naraw jekk teżistix u x’jagħmilha. Imbagħad għandna wkoll il-hub, l-ethnobotanical hub, li hija dwar ir-relazzjoni tagħna man-natura u kif iġġib wellbeing. Imbagħad hemm il-konsultazzjoni. Li huwa permezz ta’ forum. Bħalissa hemm sitta, li matul is-sena se jiżdiedu għal għaxra. Dawn huma bbażati fuq kwistjonijiet differenti, pereżempju għandna forum dwar id-diżabbiltà. B’hekk niltaqgħu ma’ nies li għandhom diżabbiltà jew li jieħdu ħsieb persuni b’diżabbiltà u mingħandhom insiru nafu x’iġib il-ġid għal dawn il-persuni… ngħidu aħna qbadna l-Palazz tal-Verdala u kkonvertejnieh f’ambjent sabiħ għal tfal b’diżabbiltà, sadanittant konna qed niltaqgħu mal-ġenituri tagħhom u niddiskutu magħhom il-ħtiġijiet u dak li jinnutaw li jwassal għall-wellbeing f’dawn il-persuni, pereżempju ħareġ li l-mużika u l-ħin li jqattgħu fl-ilma kien uħud milli ssemmew.

X’joħroġ minn dawn is-sessjonijiet?

Interessanti ngħid li waqt dawn is-sessjonijiet in-nies iħossuhom komdi ħafna. Malta għandna ċertu tendenzi li jekk wieħed jgħid xi ħaġa mill-ewwel nittimbrawh ma’ xi naħa jew ma’ xi affiljazzjoni, f’din il-fondazzjoni tal-President wieħed iħossu komdu. Joħroġ anke ċertu ħsus ta’ ġid u wellbeing infatti rridu nibdew nieħdu permess mingħand dawn il-persuni li jitkellmu magħna fis-sessjonijiet u neħdulhom filmat, biex il-pubbliku jkun jista’ ġenwinament iħoss dak li qed isir f’dawn is-sessjonijiet.

X’kien dak li nibbet il-ħajra biex tkun maħluqa din il-fondazzjoni?

Din bdiet mill-ewwel mal-Presidenza ta’ Marie Louise Coleiro Preca, jiġifieri ma kinitx rispons għal xi ħaġa, anzi kienet xi ħaġa proattiva. Kulħadd irid li ċ-ċittadini ta’ pajjiżu jħossuhom tajjeb allura aħna rridu nikkonservaw it-tajjeb li għandna. Ma kinitx xi reazzjoni għal xi ħaġa ħażina iżda biex insaħħu l-ġid. Kien hemm setturi fis-soċjetà li ma tantx kienu jingħataw importanza, pereżempju t-transġeneri, għamilt laqgħa magħhom u qrabathom fejn dawn tkellmu fuq l-esperjenzi tagħhom, xejn sbieħ… imbagħad minn hemm ħarġu bit-tir li jwaqqfu NGO. Il-laqgħa tathom l-ispazju biex isemmgħu leħinhom u jagħmlu xi ħaġa. Serviet ta’ opportunità biex jingħaqdu u jaħdmu fuq xi ħaġa li dejjem xtaqu li sseħħ.

Il-Malta Community Chest Fund għandha xi rabta ma’ din il-fondazzjoni?

Assolutament le. Hemm linja bejnietna. Aħna nipprovaw ngħinu fil-ġbir ta’ fondi għal MCCF u mhux naħdmu magħhom. Huma żewġ entitajiet separati, u anke fejn jidħlu flus, assolutament m’għandhomx x’jaqsmu.

Kif issir ir-riċerka fi ħdan din il-fondazzjoni?

Hemm ħames entitajiet ta’ riċerka… tat-tfal qed tħares lejn ir-relazzjoni bejn it-tfal u l-għalliema tagħhom fl-iskejjel, fejn riċerkaturi qed immorru fl-iskejjel u josservaw l-attitudni tal-istudenti mal-għalliema tagħhom tal-ħames sena fil-primarja. Tal-familja, qed iħarsu lejn ir-relazzjonijiet u x’iġib relazzjoni tajba bejn il-koppji, u f’dan il-każ mhux qed inħarsu lejn xi koppji speċifiċi, imma kwalunkwe koppji… L-Osservatorju għall-Għixien b’Dinjità qed iħarsu lejn żewġ affarijiet, primarjament lejn għaliex it-tfal jitilqu kmieni mill-iskola. Imbagħad qed iħarsu wkoll lejn kif l-istatistika hija miżmuma lejn persuni li ma jidhrux fl-istatistika speċjalment dawk li qegħdin fl-istituzzjonijiet u qed iħarsu lejn ir-raġunijiet tagħha u flimkien ma’ entità oħra qed iħarsu lejn aċċess għall-ikel tajjeb għas-saħħa. Billi nippromwovu l-istil ta’ ħajja tajjeb ma jfissirx li hu biżżejjed, irridu naraw x’qed ixekkel dan… Iċ-Ċentru għal Freedom from Addiction qed jaħdmu biex jindagaw f’dik li hija addiction għall-użu tal-internet. Imbagħad hemm l-ethnobotanical hub, fosthom li qed iħarsu lejn btieħi ekklesjatiċi hawn Malta bħala post ta’ silenzju u paċi u spiritwalità u kif taffettwa l-wellbeing. Imbagħad hemm riċerka oħra li qed jinvestigaw żona fejn qed tiġi affetwata l-biodiversità.

L-Università ta’ Malta għandha xi rwol f’din il-fondazzjoni?

L-Università hi importanti ħafna f’din il-fondazzjoni. Għandna kunsill ta’ gvernaturi li huwa l-bord konsultattiv tal-fondazzjoni. Hemm eks presidenti, eks prim ministri, ir-rettur tal-Università u hemm ukoll il-President kurrenti. Dan jiltaqa’ kull sitt xhur, ngħidulhom x’qed nagħmlu u jgħaddu s-suġġerimenti tagħhom. L-Università jipprovdu aċċess għal riċerki li diġà saru u li jkollna bżonn għall-fondazzjoni. Waħda mill-affarijiet li mbagħad tagħmilna differenti mill-Università hija li aħna l-ewwel nitkellmu man-nies imbagħad aħna naħdmu fuqha. Għalhekk għalina l-konsultazzjoni hija essenzjali.

Il-finanzjament minn fejn hu ġej?

Il-President għandha limitu, li ġej mill-Gvern u nallokawh għall-fondazzjonijiet. Hemm ukoll għajnuna u rabiet ma’ entitajiet barra minn Malta li wkoll jgħinuna, fosthom jistednuna għal seminars u korsijiet li jsejħulna biex nattendu għalihom barra mill-pajjiż u li huma jħallsu għaliha. Għandna rabtiet ma’ diversi fosthom ma’ King Baudouin Foundation fil-Belġju u l-Prince’s Trust fir-Renju Unit.

Xi tgħidli dwar il-ħaddiema li hemm jaħdmu f’din il-fondazzjoni?

Hemm diversi ħaddiema u professjonisti li jaħdmu b’mod volontarju.

Fejn huma l-uffiċini tal-fondazzjoni?

Għandna żewġt ikmamar fil-palazz li kienu jintużaw bħala kmamar tal-esebizzjoni u ma nistax ngħid li kienu ddisinjati bħala uffiċini. Issa se niċċaqalqu u mmorru f’uffiċini apposta li qed jiġu rranġati. Dan minħabba li ma nħossux li l-Palazz għandu jkun post fejn ikun hemm uffiċini, wara kollox qatt ma kien iddisinjat għalhekk. L-ispazju li se jkollna wkoll se jkun limitat, imma naħdmu kif nistgħu.

X’se tagħmel il-fondazzjoni fejn tidħol l-arti u l-kultura?

F’Ġunju se jitnedew erba’ fora oħra u fosthom hemm l-arti u l-kultura. Ħafna mill-attivitajiet li qed naħdmu fuqhom huwa dejjem ibbażati fuq kultura. Qed naraw kif ċertu tfal għandhom aċċess għal ċertu livell ta’ kultura u oħrajn m’għandhomx. Allura xogħolna hu li nressqu dawn it-tfal żvantaġġjati u nuruhom iktar x’inhi din il-kultura. Iltqajna wkoll ma’ Prince’s Trust li għandhom A Society for Children and the Arts, u dawn qed jipprovaw jesploraw kif it-tfal jistgħu jiltaqgħu ma’ affarijiet kulturali mhux f’kuntest ta’ skola. Hawn ħafna affarijiet kulturali li ngħaqdu l-familji, li nkabbru l-kreattività fit-tfal u għandna wkoll f’moħħna għall-Mużew tat-Tfulija. L-idea hi li kulħadd għadda mit-tfulija, għal xi nies kienet esperjenza sabiħ għal oħrajn forsi mhux daqshekk… dan huwa dwar ċelebrazzjoni tat-tfulija… se jkun hemm affarijiet statiċi, imma mhuwiex dwar dan… dwar kultura, interazzjoni, ġenerazzjonijiet, tfulija eċċ. Għandna tim tekniku li qed jieħdu ħsieb ta’ dan kollu wkoll.

Kif tħossok int li int direttur ta’ din il-fondazzjoni?

Inħossni tassew privileġġjata li jiena parti minn din il-fondazzjoni. Niltaqa’ ma’ tant nies li jridu xi ħaġa tajba li sseħħ, u li jridu jaqsmu dak li għandhom. L-idea kollha tagħha tant hi pożittiva, tant hi sabiħa li ġġiegħlek tħossok tajjeb. Din hija fondazzjoni li tgħaqqad lil persuni li jgħixu Malta, u mhux biss il-Maltin, biex tiġborhom flimkien u tisma’ l-ideat tagħhom. Ma jfissirx li aħna naqblu ma’ dak kollu li jingħad imma qed naraw x’inhu t-tajjeb u nippruvaw naġevolawh. L-aspettattiva tan-nies hija fenomenali, ir-rispons kien enormi u hija forsi kemm kemm tal-biża’ għax aħna grupp żgħir u nixtiequ li nagħmlu ħafna aktar milli diġà qed nagħmlu.

Il-fondazzjoni se tkun qed torganizza l-Interfaith NGO Forum nhar it-Tlieta u huwa miftuħ għall-pubbliku u dawk li jixtiequ jissieħbu jistgħu jidħlu fuq www.pfws.org.mt li tidderiġihom għall-indirizz tal-imejl u anke għall-paġna ta’ Facebook minn fejn jistgħu jġibu iktar informazzjoni.

More in Socjali