Tnediet petizzjoni parlamentari li tikkundanna l-prattika ta’ sidien li jintużaw b’lakuni fil-liġi biex jiżdiedu l-kirjiet b’mod indirett. Skont il-liġi Maltija, żieda fil-kera għal kuntratti li jiġu mġedda għandha tkun massimu ta’ 5% fis-sena. Madankollu, il-petizzjoni targumenta li xi sidien qed jagħtu avviż ta’ tliet xhur biex ma jġedddux il-kirja, u mbagħad jikru l-istess appartament bi prezz ħafna ogħla lil kerrej ġdid.
Instabbiltà u pressjoni fuq il-familji
Il-petizzjoni tisħaq li din il-prattika “toħloq instabbiltà.”
Patricia Graham, l-attivista li nediet il-petizzjoni, wissiet li ż-żieda qawwija fil-kirjiet qed tressaq ħafna familji qrib il-faqar. “Familji spiss jispiċċaw jaqsmu kamra waħda għal €800 sa €1100 fix-xahar u jibżgħu jiffirmaw kuntratti twal minħabba żidiet li ma jifilħux,” qalet Graham.
Sejħa għal protezzjoni akbar tal-kerrejja
S’issa, il-petizzjoni ġabret madwar 500 firma, u tista’ tiġi ffirmata minn kull min irid jappoġġjaha. L-attivisti qed jitolbu biex il-limitu ta’ 5% fuq iż-żidiet fil-kirjiet jiġi marbut mal-ewwel prezz irreġistrat mal-Awtorità tad-Djar.
Il-petizzjoni wkoll titlob li jittieħdu miżuri kontra l-prattika li jtemmu kuntratti biss biex jiżdied il-kera, kif ukoll li jiġu mħeġġa kuntratti fit-tul li joffru sigurtà akbar lill-kerrejja.
“Jeħtieġ li l-awtoritajiet jippromwovu sistema stabbli u ġusta li tipproteġi lill-familji u tagħmel il-kiri affordabbli fuq żmien twil,” temmet tgħid Graham.