Mara mixlija li ffrodat raġel b’€87,000 – tiċħad 13-il akkuża

Il-Brażiljana ta’ 35 sena allegatament offriet li tgħin raġel jikseb id-dokumenti meħtieġa biex jagħmel negozju f’Malta. Il-Qorti tordna l-iffriżar tal-assi tagħha

Mara ta’ 35 sena residenti Għawdex tressqet il-Qorti mixlija li ffrodat raġel b’madwar €87,000, wara li allegatament offriet li tgħinu jikseb id-dokumentazzjoni meħtieġa biex ikun jista’ jagħmel negozju f’Malta.

Jessika Ravara Zaneli Diniz, ċittadina Brażiljana li taħdem għal rasha u tgħix San Lawrenz, Għawdex, tressqet il-Qorti l-Ħadd, fejn wieġbet mhux ħatja għal 13-il akkuża, fosthom frodi, ħasil ta’ flus u falsifikazzjoni ta’ dokumenti.

Il-Qorti semgħet li l-investigazzjoni bdiet fis-16 ta’ Novembru, meta raġel Brażiljan għamel rapport fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema, fejn allega li kien safa vittma ta’ frodi minn Diniz.

Skont il-Prosekuzzjoni, l-akkużata kienet offriet li tassistih fil-proċess biex jikseb id-dokumenti neċessarji ħalli jkun jista’ jmexxi attività kummerċjali f’Malta.

Madankollu, maż-żmien ir-raġel beda jinduna b’irregolaritajiet f’għadd ta’ pagamenti li suppost kienu saru bħala parti minn dan il-proċess.

Fost dawn kien hemm pagamenti lil terzi persuni, tranżazzjonijiet li ma kinux ġew ipproċessati u pagamenti li dehru li kienu ġew iffalsifikati.

L-investigaturi qed jallegaw li permezz ta’ dawn l-operazzjonijiet il-mara rnexxielha tikseb madwar €87,000 mingħand ir-raġel.

Akkużata wkoll b’ħasil ta’ flus u falsifikazzjoni ta’ dokumenti

Diniz qed tiffaċċja total ta’ 13-il akkuża kriminali marbuta mal-allegat każ.

Dawn jinkludu ħasil ta’ flus, approprjazzjoni indebita, frodi, qligħ frawdolenti, riċettazzjoni u pussess ta’ oġġetti maħsuba biex jintużaw għal skopijiet frawdolenti.

Hija tinsab mixlija wkoll li ffalsifikat dokumenti kummerċjali, bankarji u privati, u li konxjament għamlet użu minn dokumenti ffalsifikati.

Akkuża oħra tirrigwarda allegati dikjarazzjonijiet foloz lill-awtoritajiet pubbliċi.

Il-Prosekuzzjoni akkużatha wkoll li kisret ordni tal-Qorti maħruġa mill-Maġistrat Monica Vella fl-20 ta’ Novembru, kif ukoll li hija reċidiva.

Ma ssirx talba għall-ħelsien mill-arrest

Meta tressqet quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, Diniz wieġbet mhux ħatja għall-akkużi kollha miġjuba kontriha.

Id-Difiża ma ressqitx talba għall-ħelsien mill-arrest, u għaldaqstant il-mara baqgħet miżmuma taħt arrest.

Il-Qorti ordnat ukoll l-iffriżar tal-assi tagħha, filwaqt li awtorizzat li jkollha aċċess għal madwar €21,900 minkejja l-ordni tal-iffriżar.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukati tal-Avukat Ġenerali Claire Sammut u Michael Muscat, flimkien mal-Ispettur tal-Pulizija Cheyenne Mangion.

L-avukati Adreana Zammit u Anthea Bonnici Zammit qed jirrappreżentaw lill-akkużata.

 

More in Qrati u Pulizija