Mara ta’ 66 sena sofriet ġrieħi gravi wara li karozza li kienet passiġġiera fiha ħabtet ma’ arblu tad-dawl fi Triq il-Marfa, il-Mellieħa, l-Erbgħa filgħaxija.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-10:00pm, meta mara ta’ 34 sena, residenti r-Rabat, Għawdex, tilfet il-kontroll ta’ Smart ForFour li kienet qed issuq u baqgħet dieħla f’arblu tad-dawl.
Fil-karozza kien hemm ukoll il-mara ta’ 66 sena, residenti wkoll ir-Rabat, Għawdex, kif ukoll tifla ta’ 11-il sena.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna lit-tliet persuni, qabel ittieħdu b’ambulanza lejn l-Isptar Mater Dei.
Aktar tard, il-mara ta’ 66 sena ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi gravi, filwaqt li s-sewwieqa u t-tifla sofrew ġrieħi ħfief.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet biex tistabbilixxi ċ-ċirkostanzi tal-inċident.