Raġel ta’ 75 sena minn Ħal Safi tilef ħajtu dalgħodu wara li nqabad taħt trakk li mexa waħdu fiż-Żurrieq.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7.30am fi Triq Wied iż-Żurrieq, fejn il-vittma kien qed juża trakk tal-għamla Isuzu KC.
Skont l-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija, għal xi raġuni t-trakk mexa waħdu, bil-konsegwenza li r-raġel inqabad taħtu u weġġa’ serjament.
Fuq il-post issejħu membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, kif ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei.
Minkejja l-assistenza mogħtija, ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat Renata Farrugia, li ħatret inkjesta u diversi esperti biex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar iċ-ċirkostanzi tal-inċident għadhom għaddejjin.