Turist Pollakk ta’ 27 sena mistenni jitressaq il-Qorti llum fil-11am b’rabta mal-mewt ta’ raġel Marokkin ta’ 31 sena f’San Ġiljan il-Ħadd filgħodu.
Is-suspettat, Sebastian Malinowski, ġie arrestat madwar siegħa u nofs wara li Abdellatif Oumakhlouf instab mejjet fi Ġnien Spinola, fi Triq San Ġorġ.
Il-Pulizija kienet infurmata bil-każ għall-ħabta tas-6.30am tal-Ħadd, u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li ftit qabel kien seħħ argument bejn iż-żewġt irġiel.
Il-Pollakk allegatament telaq minn fuq il-post, iżda wara tfittxija u analiżi ta’ filmati minn kameras tas-sigurtà, il-Pulizija rnexxielha ssibu fl-inħawi tal-Bajja ta’ San Ġorġ u tarrestah.
Oumakhlouf, li kien jgħix u jaħdem Malta, instab bla ħajja fil-ġnien.
Awtopsja indikat li r-raġel miet wara li waqa’ u ħabat rasu waqt l-alterkazzjoni.
Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Joe Mifsud, filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u l-Pulizija tad-Distrett baqgħu għaddejjin.
Malinowski mistenni jitressaq quddiem Maġistrat fil-11am.