Ġurat sostitut fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech ġie arrestat il-Ġimgħa filgħodu.
Il-persuna inkwistjoni se tiġi interrogata mill-Pulizija b’rabta ma’ investigazzjoni li għadha għaddejja.
L-arrest seħħ wara l-arrest ta’ tliet ġurati oħra, u r-raġel ta’ waħda minnhom, nhar il-Ħamis.
L-arresti kollha huma marbuta ma’ suspetti li l-ġurati kisru ġurament li ħadu meta qablu li jagħmlu parti mill-ġurija. Il-Pulizija qalet nhar il-Ħamis li l-investigazzjonijiet qed jiffukaw fuq “kummenti pubbliċi li xi ġurati allegatament setgħu għamlu qabel ma bdiet il-ġurija”. Mill-inqas wieħed mill-ġurati huwa wkoll suspettat li uża telefon waqt il-ġuri.
Il-Pulizija interrogat lill-ġurati – u lir-raġel ta’ waħda mill-ġurati – li ġew arrestati nhar il-Ħamis fl-uffiċċji tal-FCID, u mbagħad ħelsithom kollha fuq police bail.
Aktar tard, il-Pulizija ħarġet stqarrija li fiha appellat għall-kawtela.
Il-Pulizija qalet li l-investigazzjonijiet kienu ffukati “esklussivament” fuq il-ġurament li ħadu l-ġurati qabel ma beda l-ġuri, “u mhux fuq xi teorija jew allegazzjoni oħra li setgħet ġiet irrappurtata fil-midja”.
Fenech, li qabel kien imexxi t-Tumas Group, ġie lliberat mill-akkużi ta’ kompliċità u konfoffa fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia aktar kmieni dan ix-xahar.
Il-ġurija, bi 8 voti għal 1, sabet lil Fenech mhux ħati fuq iż-żewġ akkużi li kien qed jiffaċċja, wara ġuri ta’ 55 jum u tmien sigħat ta’ deliberazzjoni. Il-prosekuturi qalet li beħsiebha jappellaw id-deċiżjoni.