Lorin Scicluna mhux ħati tal-qtil ta’ Lassana Cisse, iżda ħati li fera gravi persuna oħra

Il-ġurati lliberaw lill-eks suldat mill-akkuża tal-qtil ta’ Lassana Cisse Souleymane u minn erba’ akkużi ta’ attentat ta’ qtil. Madankollu, sabuh ħati li kkaġuna ġrieħi gravi lil May Malimi u li uża vettura mingħajr pjanċi tar-reġistrazzjoni

L-eks suldat tal-Forzi Armati ta’ Malta Lorin Scicluna nstab mhux ħati tal-qtil ta’ Lassana Cisse Souleymane, wara li l-ġurati taw il-verdett tagħhom il-Ħadd filgħaxija, fi tmiem ġuri dwar l-isparatura fatali li seħħet f’Ħal Far fl-2019.

Scicluna, ta’ 29 sena, ġie lliberat mill-akkuża ta’ omiċidju volontarju bi tmien voti kontra wieħed.

L-istess maġġoranza ta’ ġurati sabitu mhux ħati tal-attentati ta’ qtil ta’ Mohammed Jallow u Ibrahim Bah.

Huwa ġie lliberat ukoll mill-akkuża ta’ attentat ta’ qtil ta’ May Malimi, bi tmien voti kontra wieħed.

Madankollu, il-ġurati sabu lil Scicluna ħati li kkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi lil Malimi, b’sitt voti kontra tlieta.

Huwa nstab ħati wkoll, b’vot unanimu tad-disa’ ġurati, li uża vettura mingħajr numru ta’ reġistrazzjoni.

B’kollox, Scicluna ġie lliberat minn sebgħa mid-disa’ kapi tal-akkuża li kien qed jaffaċċja, filwaqt li nstab ħati fuq it-tnejn l-oħra.

Liberat mill-akkużi ta’ qtil u attentat ta’ qtil

Il-ġuri kien jittratta l-qtil ta’ Lassana Cisse Souleymane, ċittadin ta’ 42 sena mill-Kosta tal-Avorju, li nqatel b’tiri ta’ arma tan-nar f’Ħal Far, fil-limiti ta’ Birżebbuġa, fis-6 ta’ April 2019.

Scicluna kien mixli wkoll b’attentati ta’ qtil fil-konfront ta’ tliet irġiel oħra: Mohammed Jallow mill-Gambja, Ibrahim Bah mill-Guinea u May Malimi miċ-Chad.

Huwa kien wieġeb mhux ħati tal-akkużi kollha.

Wara li semgħu l-provi u l-argumenti mressqa matul il-ġuri, il-ġurati lliberawh mill-erba’ akkużi marbuta ma’ qtil jew attentat ta’ qtil, kollha bi tmien voti kontra wieħed.

Scicluna nstab mhux ħati wkoll li kkaġuna ġrieħi gravi lil Jallow u ġrieħi ħfief lil Bah permezz ta’ arma tan-nar.

Fuq dawn iż-żewġ akkużi, il-verdett ta’ mhux ħati ngħata b’sitt voti kontra tlieta.

L-istess maġġoranza lliberatu mis-sitt kap tal-akkuża, li kien jirrigwarda l-pussess ta’ arma tan-nar waqt it-twettiq ta’ reat.

Ħati fuq żewġ kapi tal-akkuża

Minkejja li ġie lliberat mill-attentat ta’ qtil ta’ May Malimi, Scicluna nstab ħati li kkawżalu ġrieħi gravi.

Fuq dan il-kap tal-akkuża, sitt ġurati vvutaw favur il-ħtija u tlieta kontra.

Id-disa’ u l-aħħar kap tal-akkuża kien jirrigwarda l-użu ta’ vettura mingħajr pjanċi tar-reġistrazzjoni.

F’dan il-każ, il-ġurati waslu għal deċiżjoni unanima ta’ ħtija, b’disa’ voti kontra xejn.

Il-ġurati jiddeċiedu wara sigħat ta’ deliberazzjoni

Aktar kmieni l-Ħadd, l-Imħallef Natasha Galea Sciberras temmet l-indirizz tagħha lill-ġurati, li matulu għamlet sommarju tax-xhieda u spjegat il-punti legali li kellhom jikkunsidraw.

Hija fakkret lill-ġurati li kellhom jiddeċiedu separatament fuq kull wieħed mid-disa’ kapi tal-akkuża u li kull ġurat kellu jagħti l-vot tiegħu individwalment.

L-Imħallef saħqet ukoll li Scicluna kien għadu jgawdi mill-preżunzjoni tal-innoċenza u li biex jinstab ħati, il-prosekuzzjoni kellha tipprova l-każ tagħha lil hinn minn kull dubju raġonevoli.

Il-ġurati ntbagħtu jiddeliberaw fil-11:45am u l-verdett ingħata aktar tard filgħaxija.

Il-każ kien tqies bħala l-ewwel omiċidju allegatament motivat minn mibegħda razzjali f’Malta.

B’rabta mal-istess każ, Francesco Fenech, ta’ 28 sena, mistenni jgħaddi ġuri separat.

More in Qrati u Pulizija