🔴 DIRETT
Il-Prosekuzzjoni mistennija tkompli dalgħodu bir-replika tagħha quddiem il-ġurati, wara li lbieraħ qattgħet sigħat tipprova terġa’ tpoġġi lil Yorgen Fenech fiċ-ċentru tal-każ u twarrab l-argument tad-Difiża li Keith Schembri kien il-veru mandant wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-Prosekutur Anthony Vella insista li d-Difiża għandha kull dritt tipproponi lil Schembri bħala figura alternattiva, iżda qal li teorija bħal din trid taqbel mal-provi li nstemgħu fil-ġuri.
F’mument minnhom qal lill-ġurati: “Ma rajniex recordings li jimplikaw lil Schembri – ovvjament, għax ma jeżistux.”
Il-Prosekuzzjoni poġġiet ir-recordings bejn Fenech u Melvin Theuma fiċ-ċentru tal-argument tagħha. Vella qal li, minkejja li Theuma mhuwiex “qaddis” u x-xhieda tiegħu trid tiġi trattata b’kawtela, ir-recordings jagħtu lill-ġurati l-opportunità jisimgħu l-kliem ta’ Fenech stess.
Hu saħaq li Theuma seta’ jmexxi konversazzjoni jew jagħżel meta jirrekordja, iżda ma setax “idaħħal memorja” f’moħħ Fenech jew ipoġġilu t-tweġibiet f’ħalqu.
Il-Prosekuzzjoni rreferiet ukoll għal messaġġi fejn Fenech jitkellem fil-plural — dwar kif “se noħorġu minnha” u “nagħmlu minn kollox” — u Vella argumenta li “min mhux involut ma jitkellimx fil-plural.”
Punt ieħor kien il-flus. Il-Prosekuzzjoni reġgħet qajmet il-konversazzjonijiet dwar €120,000 u €150,000, kif ukoll it-tweġiba ta’ Fenech “niftakar” meta Theuma semma somma li skontu kien tah.
Vella kkontesta wkoll il-verżjoni tad-Difiża li Fenech ħallas biex iwaqqaf il-qtil, u staqsa għaliex persuna kompletament estranja għall-omiċidju kienet tibqa’ tgħaddi informazzjoni lil Theuma, tipprova tiffaċilita kuntatti mal-eżekuturi u tibqa’ interessata jekk dawn kinux jafuh b’ismu.
Il-Prosekuzzjoni reġgħet iddefendiet ukoll il-proklama ta’ Theuma, u qalet li din ma kinitx “mixtrija” iżda ngħatat bil-kundizzjoni li jgħid il-verità u jgħaddi l-provi kollha li kellu. Vella qal li Theuma seta’ jitlifha jekk jigdeb.
Il-ġurnata ntemmet fuq tilwima legali dwar chats bejn Theuma u Mario Degiorgio li l-Prosekuzzjoni riedet tuża waqt ir-replika. L-Imħallef Edwina Grima qalet li trid teżamina l-punt mingħajr għaġla, peress li l-kontenut taċ-chats ma kienx tressaq quddiem il-ġurati waqt il-provi.
Il-Qorti għalhekk aġġornat il-każ għal dalgħodu fid-9am, meta l-Prosekuzzjoni mistennija tkompli tirrispondi għall-argumenti tad-Difiża u terġa’ tinsisti li l-ġurati jridu jiddeċiedu fuq Fenech u fuq il-provi kontrih, mhux fuq min ieħor seta’ kien involut.
Wasalna għal Jum 51 tal-ġuri ta’ Yorgen Fenech dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Wara ġurnata twila lbieraħ, li rat id-Difiża tagħlaq il-provi tagħha u l-Prosekuzzjoni tibda r-replika quddiem il-ġurati, illum mistennija nkomplu minn fejn ħallejna.
Is-seduta mistennija tibda fid-9am, bil-Qorti l-ewwel mistennija tindirizza l-kwistjoni dwar chats bejn Melvin Theuma u Mario Degiorgio li qajmet tilwima legali fl-aħħar tas-seduta tal-bieraħ.
Jiena Jaelle Borg u se nkun magħkom għal darb’oħra matul il-ġurnata kollha.