🔴 DIRETT
Matul il-ġurnata tal-Erbgħa, l-avukat Charles Mercieca attakka ripetutament il-kredibbiltà ta’ Melvin Theuma, l-investigazzjoni tal-Pulizija u l-mod kif, skont id-Difiża, ċerti linji ta’ prova li kienu jwasslu lejn Schembri ma ġewx segwiti sal-aħħar.
Mercieca sostna li Theuma ma jistax jitqies bħala xhud kompletament affidabbli, u reġa’ poġġa taħt il-lenti l-proklama presidenzjali li ngħatatlu, ir-recordings li għażel li jżomm jew iħassar, kif ukoll ir-ritratt tiegħu ma’ Schembri f’Kastilja.
Id-Difiża qalet ukoll li numru ta’ persuni, fosthom Kenneth Camilleri, Johann Cremona u Adrian Vella, intużaw minn Schembri f’mumenti differenti tal-każ, u Mercieca reġa’ rrefera għal dik li sejjaħ “id moħbija” wara diversi avvenimenti.
Attakk qawwi ieħor sar fuq it-tfittxijiet fid-dar ta’ Schembri u f’Kastilja, fejn Mercieca staqsa għaliex ċerti mobiles u oġġetti oħra ma ġewx elevati jew eżaminati.
Id-Difiża kompliet ukoll tikkontesta l-mottiv marbut mal-Electrogas u 17 Black, u qalet li l-Prosekuzzjoni ma ressqitx prova konkreta biżżejjed li turi li Fenech ried lil Daphne Caruana Galizia maqtula minħabba dak li kienet se tikteb.
Minflok, Mercieca argumenta li Caruana Galizia kienet kitbet b’mod estensiv fuq Schembri u li, skont id-Difiża, diversi provi u ċirkostanzi jibqgħu jduru lejh.
Matul is-sottomissjonijiet, Mercieca reġa’ fakkar lill-ġurati li l-istandard huwa wieħed ta’ ċertezza morali u mhux ta’ probabbiltà.
“Ċert tfisser ċert,” qal, filwaqt li saħaq li jekk jibqa’ dubju raġonevoli, ma jistax ikun hemm sejbien ta’ ħtija.
Is-sottomissjonijiet tad-Difiża mistennija jkomplu dalgħodu.
Pawża sat-3pm
Anthony Vella jkompli jibni l-argument tiegħu fuq l-imġiba ta’ Yorgen Fenech wara l-qtil, u jgħid lill-ġurati li din ma taqbilx ma’ persuna li kienet kompletament estranja għall-konġura.
Il-Prosekuzzjoni tirreferi għall-filmat li juri lill-eks deputat Kummissarju Silvio Valletta f’karozza lussuża ta’ Fenech, u tgħid li dan jidħol f’kuntest usa’ ta’ kuntatti u relazzjonijiet li, skontha, Fenech kien qed iżomm madwaru.
Vella jerġa’ jsemmi wkoll il-fatt li Fenech baqa’ f’kuntatt ma’ Melvin Theuma, minkejja li llum qed jinsisti li ma kellux x’jaqsam mal-qtil.
Skont il-Prosekuzzjoni, Fenech stess kien tkellem dwar il-ħtieġa li jżomm lil kulħadd taħt kontroll, u dan il-kliem għandu jitqies flimkien mal-bqija tal-provi.
Vella mbagħad jirreferi għax-xhieda ta’ Vincent Muscat, il-Koħħu, u ta’ Theuma, u jgħid li l-Prosekuzzjoni tqis li t-tnejn kienu qed jgħidu l-verità fuq punti kruċjali.
Jissemmew ukoll Signal chats bejn Theuma u Fenech, fejn kien diskuss il-kuntatt li Theuma ried ikollu mal-eżekuturi li kienu fil-ħabs. Skont il-Prosekuzzjoni, Fenech kien qal li kien se jipprova jdaħħal mobile lill-eżekuturi fil-ħabs biex ikun jista’ jsir kuntatt magħhom.
Minn hemm Vella jagħmel il-mistoqsija ċentrali tiegħu lill-ġurati:
Jekk Fenech kien verament estranju għall-omiċidju, għaliex kien għadu qed jipprova jiffaċilita dan it-tip ta’ kuntatt mal-eżekuturi?
Anthony Vella jkompli jattakka l-verżjoni tad-Difiża dwar il-flus u l-kuntatti ma’ Melvin Theuma.
Jgħid lill-ġurati li d-Difiża trid li jemmnu li Fenech ħallas biex iwaqqaf il-qtil, u li wara l-qtil baqa’ jgħaddi informazzjoni lil Theuma minn sens ta’ lealtà.
Il-Prosekuzzjoni mbagħad terġa’ tqajjem il-kwistjoni taċ-ċippa/USB li, skont il-verżjoni ta’ Fenech, kien fiha materjal li seta’ jinkrimina lil Keith Schembri — iżda li hu ma żammx.
Vella jistaqsi lill-ġurati:
“Dan huwa komportament ta’ bniedem innoċenti?”
Il-Prosekuzzjoni tagħmilha ċara li mhix qed titlob lill-ġurati jaċċettaw kull kelma ta’ Theuma bħala “vanġelu”.
Il-punt tagħha huwa li Theuma għandu jiġi eżaminat b’reqqa u b’kawtela, iżda fl-istess ħin jgħidu li l-verżjoni tiegħu ma tinsabx waħedha.
Skont Vella, ir-recordings jikkorroboraw partijiet importanti minn dak li xehed Theuma, u għalhekk il-ġurati għandhom iqisuhom flimkien mal-bqija tal-provi.
Anthony Vella jkompli jpoġġi l-piż fuq ir-recordings bejn Yorgen Fenech u Melvin Theuma, u jitlob lill-ġurati jistaqsu lilhom infushom x’jinstema’ verament f’dawk il-konversazzjonijiet.
Il-Prosekuzzjoni tgħid li ż-żewġt irġiel tkellmu ħafna drabi, iżda tistaqsi: qatt instema’ Fenech jgħid lil Theuma biex imur għand Keith Schembri għax hu ma kellux x’jaqsam?
It-tweġiba tal-Prosekuzzjoni hija le.
Anzi, Vella jgħid li r-recordings jagħtu stampa opposta, jiġifieri ta’ Fenech li jibqa’ involut fil-konversazzjoni, jagħti direzzjoni u jitkellem b’mod li, skont il-Prosekuzzjoni, juri għarfien mill-qrib ta’ dak li kien qed jiġri.
Minn hemm, Vella jgħid li l-ġurati għandhom quddiemhom żewġ verżjonijiet ta’ Fenech: dik li tidher fir-recordings meta jkun qed jitkellem ma’ Theuma, u dik li ppreżenta quddiem il-Qorti meta, skont il-Prosekuzzjoni, kien diġà jaf liema kienu l-punti l-aktar perikolużi għalih fil-każ.
Il-Prosekuzzjoni: anke jekk il-mandant kien ħaddieħor, il-provi xorta juru rwol attiv ta’ Fenech
Il-Prosekuzzjoni tkompli tipprova tneħħi l-fokus minn min seta’ kien il-“mandant” u tpoġġih fuq dak li, skontha, għamel Yorgen Fenech innifsu.
Anthony Vella jirreferi għar-recordings fejn Fenech jgħid li Keith Schembri ħa xokk meta sema’ li hu kien involut fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Ifakkar li dawn il-kliem intqalu waqt konversazzjonijiet ma’ Melvin Theuma, li l-Prosekuzzjoni tiddeskrivi bħala kompliċi fil-qtil.
Minn hemm, Vella jgħid lill-ġurati li l-provi ma jistgħux jinqraw waħda waħda, iżda flimkien.
Skont il-Prosekuzzjoni, l-istampa li toħroġ hija ta’ akkużat li kellu rwol ta’ intermedjarju attiv: persuna li għaddiet flus, wasslet informazzjoni sensittiva u baqgħet f’kuntatt ma’ Theuma dwar dak li kien qed jiġri.
Il-punt ta’ Vella huwa li, anke jekk id-Difiża trid tqajjem dubji dwar min kien il-moħħ wara l-qtil, dan ma jneħħix ir-responsabbiltà li l-Prosekuzzjoni tgħid li toħroġ mill-azzjonijiet ta’ Fenech stess.
Filwaqt li l-Prosekuzzjoni tibqa’ tinsisti li Fenech kien il-mandant, Vella jgħid li għall-finijiet tal-każ il-ġurati għandhom iħarsu wkoll lejn dak li hu jqis bħala fatti konkreti: il-flus, il-kuntatti u l-informazzjoni sigrieta li allegatament għaddew minn Fenech.
Anthony Vella jgħid li fir-replika tiegħu se jiffoka fuq l-evidenza li nstemgħet u fuq ix-xhieda ta’ Melvin Theuma, li jirreferi għalih bħala s-“sensar” fil-każ.
Il-Prosekuzzjoni targumenta li d-Difiża ppruvat tqajjem kemm jista’ jkun dubji madwar il-każ, iżda tfakkar lill-ġurati li l-istandard li għandhom japplikaw huwa dak lil hinn minn kull dubju raġonevoli, mhux xi forma ta’ ċertezza assoluta li prattikament ma teżistix.
Vella mbagħad idur fuq wieħed mill-aktar temi li saħqet fuqu d-Difiża: il-possibbiltà li persuni oħra, setgħu kellhom rwol fil-qtil. u hawnekk jgħid li ser tkun qed tinfetah investigazzjoni ġdida.
Il-Prosekuzzjoni twieġeb li l-akkużat quddiemhom huwa Yorgen Fenech u li dan il-ġuri huwa dwar ir-responsabbiltà kriminali tiegħu — mhux dwar jekk persuni oħra kellhomx ukoll xi involviment.
Vella jgħid lill-ġurati li f’dan l-istadju mhumiex investigaturi. Il-kompitu tagħhom mhuwiex li jiftħu linji ġodda jew jippruvaw jiddeterminaw min ieħor seta’ kien involut, iżda li jiġġudikaw il-każ imressaq kontra Fenech fuq il-bażi tal-provi li raw u semgħu.
Ir-replika tal-Prosekuzzjoni issa tidħol direttament fil-kredibbiltà ta’ Melvin Theuma, wara jumejn ta’ attakki qawwija fuqu mid-Difiża.
L-Avukat Anthony Vella jgħid lill-ġurati li l-każ kontra Yorgen Fenech mhuwiex mibni fuq teorija astratta, iżda fuq ix-xhieda ta’ persuna li, fi kliemu, “għex din il-konġura”.
Il-Prosekuzzjoni targumenta wkoll li Fenech uża l-flus biex iżomm kontroll fuq l-eżekuturi u li biddel il-verżjoni tiegħu skont ma kien jaqbillu. Vella jistieden lill-ġurati jerġgħu jiftakru kif xehed Fenech u kif wieġeb għall-mistoqsijiet, u jgħidilhom jużaw il-buon sens tagħhom meta jiżnu mhux biss il-kliem tax-xhieda, iżda anke l-mod kif dawn dehru u ġabu ruħhom fuq il-pedana.
Jirreferi wkoll għall-episodju tat-tluq ta’ Fenech minn Malta, u jgħid li dan għandu jinqara fil-kuntest tad-disprament tiegħu dak iż-żmien.
Vella jagħmilha ċara li mhux se jidħol f’interpretazzjonijiet tal-liġi, u jfakkar lill-ġurati li fuq il-punti legali għandhom joqogħdu fuq id-direzzjonijiet tal-Imħallef, mhux fuq dak li tgħid la d-Difiża u lanqas il-Prosekuzzjoni.
Meta jdur fuq Theuma, il-Prosekuzzjoni taċċetta li dan kien kompliċi fil-qtil u li għalhekk ix-xhieda tiegħu trid tiġi eżaminata b’kawtela kbira.
Iżda l-punt ċentrali tagħha huwa li Theuma ma jinsabx waħdu: skont il-Prosekuzzjoni, partijiet importanti mir-rakkont tiegħu huma kkorroborati minn evidenza oħra li nstemgħet matul il-ġuri.
Ir-replika tal-Prosekuzzjoni tibda minn kwotazzjoni ta' recording ta’ Yorgen Fenech, b’Anthony Vella jagħżel li jiftaħ billi jfakkar lill-ġurati fi kliem li Fenech allegatament qal lil Melvin Theuma.
“Lili ma jista’ jmissni ħadd… serraħ rasek għax lili ma jista’ jmissni ħadd, ħa nżommok miegħi,” jikkwota l-Prosekutur mir-recording.
Il-Prosekuzzjoni tirreferi wkoll għal kliem attribwit lil Fenech li fih qal li l-flus kienu s-saħħa tiegħu, u tuża dan biex minnufih tibda tikkontesta n-narrattiva li ppruvat tibni d-Difiża fis-sottomissjonijiet tagħha.
Ir-replika qed titmexxa mill-Avukat Anthony Vella, li jgħid lill-ġurati li issa jridu jħallu l-provi jmexxuhom, aktar milli jidħlu f’teoriji jew interpretazzjonijiet li, skont il-Prosekuzzjoni, ma jaqblux ma’ dak li fil-fatt instema’ u ntwera fil-ġuri.
Id-Difiża tagħlaq il-provi tagħha – issa tibda r-replika tal-Prosekuzzjoni
Bid-depożizzjoni tax-xhud tal-Electrogas, id-Difiża tiddikjara li għalqet il-provi tagħha.
Il-ġuri issa jidħol fi stadju ieħor: ir-replika tal-Prosekuzzjoni.
Ir-replika hija l-opportunità li tingħata lill-Prosekuzzjoni, wara li d-Difiża tkun għalqet il-każ tagħha, biex tindirizza lil ġurati. Mhijiex ftuħ mill-ġdid tal-każ kollu mill-bidu, iżda stadju biex il-Prosekuzzjoni tindirizza u tpoġġi s-sottomissjonijiet tagħha.
Il-Prosekuzzjoni tibda turi emails marbuta ma’ Electrogas, iżda l-Imħallef Edwina Grima titlob li d-dokumenti jiġu eżaminati qabel jintwerew fuq l-iscreens tal-awla, biex jiġi vverifikat li għandhom x’jaqsmu ma’ dak li tqajjem waqt l-eżami tax-xhud.
Il-Qorti tistaqsi lil Chris Frendo x’tip ta’ dokumenti kienu dehru fil-midja. Hu jispjega li kienu raw emails interni tal-kumpanija, fosthom waħda mibgħuta minnu stess, li jgħid li kienet dehret barra mill-kuntest. Meta l-Prosekuzzjoni tipprova tagħmel referenza għal dokumenti oħra, l-Imħallef twaqqafha u tgħid li ma jistgħux jiddaħħlu punti li ma tqajmux waqt l-eżami oriġinali.
F’wieħed mill-każi, il-Prosekuzzjoni tgħid li email partikolari kienet parti mil-leak. Frendo, iżda, ma jikkonfermax dan.
Jgħid li jaf għal liema email qed jirreferu u x’inhu l-kontenut tagħha, iżda peress li ma jafx l-eżitu tal-inkjesta dwar il-leaks, ma jistax jgħid jekk dik l-email kinitx fil-fatt waħda mid-dokumenti leaked.
Il-Prosekuzzjoni ddawwar il-mistoqsijiet tagħha fuq l-emails li kienu qed jaslu għand Daphne Caruana Galizia u fuq meta Electrogas bdiet tassew tissuspetta li informazzjoni interna kienet qed toħroġ barra mill-kumpanija.
Chris Frendo jispjega li l-laqgħa tas-27 ta’ Diċembru 2017 kienet issejħet biex jiġi mifhum għaliex kienet saret it-tfittxija elettronika fuq id-data tal-kumpanija.
Jgħid li dak iż-żmien ma sarx rapport immedjat għax il-kumpanija ma riditx toħloq aktar storbju fil-midja, iżda wara spiċċat tagħmel kwerela meta l-kwistjoni tal-leaks saret aktar serja.
Frendo jinsisti li sa Diċembru 2017, ma kienx hemm dubju ċar li kien hemm leak ta’ informazzjoni minn Electrogas.
Meta jitkellem fuq il-qagħda tal-kumpanija dak iż-żmien, ix-xhud jgħid li l-problema prinċipali kienet finanzjarja: Electrogas kellha bżonn tagħmel refinancing biex tkun tista’ tkompli topera taħt kundizzjonijiet normali.
Skont Frendo, ladarba sar dan ir-refinancing, il-kumpanija kompliet topera b’mod normali.
Frendo jgħid li ma kienx hemm “aura ta’ inkwiet” fl-Electrogas fl-2017
Fil-kontro-eżami mill-Prosekuzzjoni, Chris Frendo jispjega aktar fid-dettall kif saret it-tfittxija elettronika fid-data ta’ Electrogas.
Jgħid li Catherine Harpin kienet il-punt ta’ kuntatt bejn il-kumpanija u d-diretturi, u jikkonferma li f’email tagħha kienet spjegat li sar search fuq aktar minn 20 gigabyte ta’ data f’Mejju 2017. Madankollu, skont ix-xhud, id-diretturi saru jafu b’dan biss f’Diċembru tal-istess sena.
Meta l-Prosekuzzjoni tistaqsih jekk dak iż-żmien kienx hemm “aura ta’ inkwiet” fl-Electrogas, Frendo jistaqsi xi tfisser eżatt il-mistoqsija u mbagħad jgħid b’mod ċar:
“Fl-2017 ma kien hemm l-ebda aura ta’ inkwiet.”
Frendo, li ilu mal-Electrogas minn Lulju 2017, jispjega iżda li l-manager tal-IT kien imħasseb dwar il-possibbiltà ta’ leaks. Jgħid li, minkejja li l-manager kien jemmen li hu biss kellu l-password biex jagħmel dan it-tip ta’ search, xi ħadd xorta kien daħal fis-sistema.
Skont ix-xhud, min wettaq it-tfittxija seta’ jaċċessa 144 mailbox u aktar minn 20GB ta’ data, u fittex permezz ta’ diversi keywords, fosthom Keith Schembri u Sai Mizzi.
Frendo jgħid ukoll li fl-2018 bdew jidhru fil-midja emails li kienu jappartjenu lill-kumpanija. Għalhekk, fit-28 ta’ April 2018, Electrogas talbet li tinfetaħ investigazzjoni dwar il-leak.
Ix-xhud jgħid li jaf li nfetħet inkjesta, iżda ma jafx x’kien l-eżitu tagħha
Issa jitla’ fuq il-pedana Chris Frendo, Kap tal-Uffiċċju Regolatorju tal-Electrogas.
Frendo jispjega li fid-29 ta’ Mejju 2017 saret tfittxija elettronika fid-dokumenti tal-kumpanija permezz ta’ serje ta’ keywords.
Jgħid li l-IT ta’ Electrogas kienet tittieħed ħsieb minn kumpanija esterna, ICT Solutions, u li t-tfittxija kienet tinkludi diversi ismijiet u termini li dak iż-żmien kienu diġà marbuta ma’ kontroversji politiċi u finanzjarji.
Fost il-keywords li jissemmew hemm Keith Schembri, Dubai, 17BLACK, Macbridge, Hearnville, Henley & Partners u Sai Mizzi.
Ix-xhieda issa qed tidħol fil-punt ta’ x’kienet qed tfittex Electrogas internament, u meta bdiet tagħmel dawn it-tfittxijiet fid-dokumenti tagħha.
"Meta tilħaq Imħallef int, irregolani”
Il-ġurati jerġgħu jidħlu fl-awla u r-rappreżentanta tal-BOV terġa’ titla’ fuq il-pedana.
Hekk kif Gianella de Marco tibda tistaqsi mistoqsija, il-Prosekuzzjoni terġa’ tqajjem oġġezzjoni. F’dan il-mument tinstema’ de Marco tgħid lill-Prosekuzzjoni:
“Issa meta tilħaq Imħallef int, irregolani.”
L-Imħallef Edwina Grima twaqqaf l-iskambju u tindirizza lix-xhud direttament.
“Inti se tixhed minn fuq dokument?” tistaqsiha.
Ix-xhud twieġeb li iva.
Il-Qorti tagħlaq il-kwistjoni minnufih:
“Mela le. Tista’ tmur.”
B’hekk tintemm ix-xhieda tar-rappreżentanta tal-BOV.
Il-Qorti żżomm il-linja: il-passaport u l-Visa kienu f’idejn id-Difiża mill-bidu iżda qatt ma ġew esebiti
Id-diżgwid fuq id-dokumenti finanzjarji ta’ Yorgen Fenech ikompli, bil-Qorti terġa’ tagħmilha ċara li xhud ma jistax jixhed fuq dokument li qatt ma ddaħħal formalment fl-atti.
Gianella de Marco tipprova targumenta li r-rappreżentanta tal-bank tista’ xorta tixhed taħt ġurament u mbagħad tiġi kkontestata fil-kontro-eżami.
“Ma jistgħux jikkontestawha fil-kontro-eżami? Il-ġurament tagħha għandu piż. Tista’ tgħid taf jew ma tafx,”tgħid.
Iżda l-Imħallef Edwina Grima ma taċċettax dan l-argument u twieġeb li jekk ix-xhud se tixhed fuq il-bażi ta’ dokument, ma titħalliex twieġeb.
Il-Qorti tfakkar ukoll li kemm il-passaport ta’ Fenech kif ukoll il-Visa card kienu ilhom f’idejn id-Difiża sa mill-bidu tal-kumpilazzjoni, iżda qatt ma ġew esebiti.
Charles Mercieca jgħid li hu konxju li l-ġurisprudenza mxiet f’direzzjonijiet differenti fuq l-ammissibbiltà ta’ dokumenti.
“Mhux qed nikkontradik,” jgħid lill-Imħallef, “imma hemm sentenzi li marru mod u oħrajn mod ieħor.”
Hu jinsisti li x-xhieda ta’ rappreżentant tal-bank għandha piż minnha nnifisha.
Il-Qorti, iżda, tibqa’ soda: id-dokument mhux se jiġi esebit, u jekk ix-xhud qed tiddependi fuqu, mhux se titħalla twieġeb.
Il-Qorti tiddeċiedi li d-dokument li d-Difiża riedet turi lir-rappreżentanta tal-BOV ma jistax jiddaħħal bħala prova fil-ġuri.
L-Imħallef Edwina Grima tispjega li ebda dokument ma jista’ jiġi ppreżentat f’dan l-istadju jekk ma jkunx iddaħħal skont il-proċedura prevista mil-liġi kriminali.
Tgħid li d-Difiża ma kinitx talbet biex dan id-dokument jiddaħħal bħala prova la waqt il-kumpilazzjoni u lanqas meta l-atti kienu qed jiġu formalment magħluqa u ppreżentati.
Il-Qorti għalhekk tgħid li d-dokument ma jistax jintwera lill-ġurati, fost oħrajn għaliex ma kienx tressaq qabel quddiem il-Qorti u lanqas tqiegħed taħt il-kontroll tal-parti avversarja.
Minkejja d-digriet, id-diżgwid bejn id-Difiża u l-Prosekuzzjoni fuq il-punt ikompli għaddej fl-awla, hekk kif iż-żewġ naħat jibqgħu jargumentaw dwar jekk u kif il-materjal seta’ jidħol fil-proċess
Id-Difiża ttella’ fuq il-pedana issa lil Sarah Rausi, rappreżentanta tal-Bank of Valletta, u ddawwar ix-xhieda tagħha fuq il-movimenti finanzjarji ta’ Yorgen Fenech f’April 2017.
Rausi tintwera dokumentazzjoni marbuta ma’ BOV Visa Gold intestata fuq Tumas Gaming Limited, li kienet tintuża minn Fenech.
Ix-xhud tikkonferma t-tranżazzjonijiet li saru fuq din il-karta matul April 2017.
Il-Prosekuzzjoni, iżda, tqajjem oġġezzjoni għall-mod kif id-dokument qed jiddaħħal fil-proċess, u tgħid li ma kienx jinsab fl-atti oriġinali tal-evidenza.
Għaliex ix-xhieda mill-OPM hija importanti għad-Difiża?
Ix-xhieda ta’ dalgħodu mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru tidħol f’punt ferm akbar li d-Difiża ilha tipprova tibni: jekk il-kronoloġija ta’ Melvin Theuma ma taqbilx mad-dokumenti u mal-movimenti ta’ Yorgen Fenech, kemm tista’ tibqa’ soda l-verżjoni tiegħu dwar kif beda l-allegat pjan tal-qtil?
Theuma xehed li madwar tliet ġimgħat qabel ma tħabbret l-elezzjoni ġenerali tal-2017, Fenech ċempillu u talbu jiltaqa’ miegħu fil-Blue Elephant f’Portomaso, fejn allegatament qallu biex isib persuna biex toqtol lil Daphne Caruana Galizia. Dik il-verżjoni reġgħet ġiet ripetuta fil-ġuri u tinsab fil-qalba tal-każ tal-Prosekuzzjoni dwar kif beda l-pjan.
Iżda meta Fenech tela’ jixhed, huwa ċaħad kategorikament dik il-laqgħa u qal li kien imsiefer għal kważi xahar fil-perjodu rilevanti. Quddiem il-ġurati ntwerew passaport b’timbru tas-7 ta’ April 2017, ritratt tiegħu fuq il-Harmony of the Seas bejn il-15 u t-22 ta’ April, u referenzi għal tranżazzjonijiet tal-karta ta’ kreditu; Fenech qal ukoll li wara l-Istati Uniti mar Dubai fit-2 ta’ Mejju.
Hawnhekk tidħol ix-xhieda tal-OPM.
Id-Difiża qed tipprova tissikka l-kronoloġija ta’ Theuma stess, mhux biss dik ta’ Fenech. Ir-reġistru ta’ Kastilja li ntwera dalgħodu juri lil Theuma jagħmel żjara hemmhekk fuq talba ta’ Sandro Craus, li kien jaqa’ taħt iċ-Chief of Staff Keith Schembri. Għad-Difiża, dan jgħin biex jinbena l-kuntest ta’ kemm Theuma kien diġà marbut ma’ Kastilja u ma’ persuni taħt Schembri fil-ġimgħat ta’ qabel il-perjodu li fih jgħid li Fenech tah l-ordni.
Għalhekk, il-punt tad-Difiża mhuwiex sempliċement li turi min daħal Kastilja u meta. Hija qed tipprova tqiegħed żewġ timelines ħdejn xulxin: dik ta’ Theuma, li tgħid li l-ordni ngħatat fil-Blue Elephant madwar tliet ġimgħat qabel l-elezzjoni tħabbret, u dik ta’ Fenech, li jgħid li f’dak il-perjodu kien barra minn Malta u ppreżenta dokumenti biex isostni dan.
Jibda l-kontro-eżami ta’ John Abela mill-Prosekuzzjoni, b’Godwin Cini jiffoka fuq l-istruttura amministrattiva ta’ Kastilja u, b’mod partikolari, fuq id-dokument li juri ż-żjara ta’ Melvin Theuma.
Abela jikkonferma li l-persuni li jaħdmu taħt is-Segretarjat kienu jaqgħu taħt iċ-Chief of Staff. Madankollu, ma setax jikkonferma li l-Korpi Kostitwiti kienu dejjem jgħaddu mill-entratura prinċipali ta’ Kastilja.
Il-Prosekuzzjoni mbagħad tiffoka fuq il-ktieb tal-viżitaturi u tiġbed l-attenzjoni għal differenzi fil-linka u fil-kitba bejn il-ħin tad-dħul ta’ Theuma u dak tal-ħruġ tiegħu.
Abela jispjega li fir-reception ma kienx ikun hemm persuna waħda biss, u għalhekk min ikun irreġistra d-dħul ta’ viżitatur mhux bilfors ikun l-istess persuna li aktar tard tkun niżżlet il-ħin tal-ħruġ.
Ix-xhud jagħmilha ċara li hu stess ma kienx jaħdem fir-reception u għalhekk ma jistax jgħid min kiteb id-dettalji fuq dik il-paġna.
Dak li jista’ jikkonferma, jgħid, huwa biss li d-dokument ġie mill-ktieb uffiċjali tal-viżitaturi — mhux min kitbu jew f’liema mument eżatt tniżżlu l-entrati.
Waqt li d-deputat tal-Qorti tfittex dokument li d-Difiża trid turi lix-xhud, John Abela jkompli jispjega kif kien jaħdem il-proċess tad-dħul f’Kastilja.
Jgħid li fil-każ tal-entratura tal-ġenb, il-viżitaturi kienu jirreġistraw id-dettalji personali tagħhom, inkluż in-numru tal-identità, kif ukoll min kien talab il-laqgħa magħhom.
Fuq l-iscreens tal-awla jintwera dokument datat 20 ta’ Marzu 2017, li Abela jikkonferma li huwa estratt mill-ktieb tal-viżitaturi.
Fuq dan id-dokument jidhru d-dettalji ta’ Melvin Theuma, inkluż il-ħin tad-dħul u tal-ħruġ tiegħu minn Kastilja.
Skont ir-reġistru, il-persuna li talbet għal Theuma kienet Sandro Craus, li dak iż-żmien kien Kap tal-Customer Care u kien jaqa’ taħt iċ-Chief of Staff, Keith Schembri.
Madankollu, Abela jagħmel distinzjoni importanti bejn l-entraturi: jgħid li fl-entratura prinċipali ta’ Pjazza Kastilja kien ikun hemm suldat, iżda ma kienx hemm ktieb tal-viżitaturi li kellu jiġi ffirmat.
Ix-xhud mill-OPM jispjega l-istruttura f’Kastilja u kif kienu jintużaw l-entraturi
L-avukata Gianella De Marco tibda l-eżami ta’ John Abela billi tiffoka fuq l-istruttura tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru fi żmien Keith Schembri.
Id-Difiża tistaqsi lix-xhud dwar ir-rwol taċ-Chief of Staff u mbagħad dwar Sandro Craus. Abela jikkonferma li Craus kien imexxi l-Customer Care tal-Prim Ministru u kien jaqa’ direttament taħt iċ-Chief of Staff, li dak iż-żmien kien Keith Schembri.
Il-mistoqsijiet imbagħad iduru fuq l-aċċess għal Kastilja.
Abela jispjega li hemm aktar minn entratura waħda, fosthom dik minn Pjazza Kastilja u oħra minn Triq San Pawl.
Meta mistoqsi dwar min seta’ jidħol mill-entratura ewlenija ta’ Pjazza Kastilja, ix-xhud jgħid li ma kienx hemm protokoll riġidu li jispeċifika eżatt min kellu jużaha.
Madankollu, jgħid li ġeneralment minn hemm kienu jgħaddu l-Prim Ministru, membri tal-Kabinett u xi ambaxxaturi.
Il-bqija tal-viżitaturi, skont Abela, normalment kienu jidħlu mill-entratura tal-ġenb u jirreġistraw fir-reception.
Kif diġa għidna, kellna xi problemi tekniċi min-naħa tagħna u għalhekk, dan huwa sommarju qasir ta’ dak li ntqal fl-ewwel madwar 45 minuta tas-seduta, qabel il-Qorti daħlet f’pawża sal-10.15am.
Charles Mercieca beda billi reġa’ poġġa quddiem il-ġurati l-liġi dwar il-kompliċità u l-assoċjazzjoni kriminali, u pprova juri għaliex, skont id-Difiża, ir-rwol attribwit lil Yorgen Fenech ma jaqbilx mal-elementi li trid il-liġi.
Minn hemm reġa’ attakka l-kredibbiltà ta’ Melvin Theuma, u fakkar li dan ammetta li kien kompliċi fil-qtil. Mercieca qal li, għalkemm il-liġi nbidlet u m’għadux meħtieġ li x-xhieda ta’ kompliċi tkun dejjem korroborata, xorta trid tiġi trattata b’kawtela kbira.
Id-Difiża insistiet ukoll li Theuma kellu interess personali qawwi fil-verżjoni li ta lill-investigaturi, u elenkat il-benefiċċji li, skontha, kiseb permezz tal-proklama — fosthom il-maħfra għal dak kopert minnha, il-fatt li baqa’ bit-taxis tiegħu u proprjetajiet oħra, u li ngħata lura assi u flus marbuta mal-impjieg tiegħu.
Mercieca reġa’ semma lil Lawrence Cutajar, lil Edgar Brincat u lil Silvio Valletta, u attakka lill-Prosekuzzjoni talli, skontu, ma ressqitx numru ta’ xhieda li setgħu jitfgħu aktar dawl fuq aspetti importanti tal-każ.
F’mument qawwi, Mercieca qal lill-ġurati: “Tkunux is-salva uomo ta’ Melvin Theuma bil-verdett tagħkom.”
Id-Difiża reġgħet marret ukoll fuq il-€50,000 li Fenech qal li ta lil Theuma, u sostniet li dawn ma kinux ħlas għall-qtil iżda flus li Fenech ta biex, skont il-verżjoni tiegħu, iwaqqaf il-pjan.
Mercieca mbagħad uża kliem iebes ħafna fil-konfront ta’ Keith Schembri, Lawrence Cutajar u Melvin Theuma, u staqsa lill-ġurati biex jimmaġinaw lil Fenech “maqbud bejn” dawn it-tliet persuni.
Semma wkoll lil David Gatt, u għaqqad l-allegat episodju tat-Tinda tal-Patata ma’ laqgħa f’Kastilja u ma’ elementi li d-Difiża tgħid imorru lura għall-2015.
Fl-aħħar nett, Mercieca għalaq is-sottomissjonijiet b’appell dirett lill-ġurati fuq id-dubju raġonevoli, u qal li l-“id moħbija” li d-Difiża ilha tirreferi għaliha issa, fil-fehma tagħha, inkixfet matul il-ġuri.
Huwa talab lill-ġurati jagħtu verdett ta’ mhux ħati fuq iż-żewġ kapi tal-akkuża.
B’hekk intemmu s-sottomissjonijiet tad-Difiża.
Il-Qorti mbagħad daħlet f’pawża sal-10.15am, biex wara jibda l-istadju li jmiss: ix-xhieda tad-Difiża
Jibdew ix-xhieda tad-Difiża – jitla’ uffiċjal mill-OPM
Id-Difiża tibda ttella’ x-xhieda tagħha stess, bl-ewwel persuna msejħa fuq il-pedana tkun John Abela.
Abela huwa Direttur Ġenerali għas-Support Services fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Ix-xhieda tiegħu tiftaħ dan l-istadju l-ġdid tal-każ, wara li aktar kmieni dalgħodu d-Difiża temmet is-sottomissjonijiet tagħha quddiem il-ġurati.
Bonġu u merħba
Nixtiequ ninfurmawkom li kellna xi problemi tekniċi min-naħa tagħna li wasslu biex l-aġġornamenti diretti ma kinux qed joħorġu kif suppost, iżda issa erġajna lura mill-Qorti.
Aktar kmieni dalgħodu, id-Difiża temmet is-sottomissjonijiet tagħha quddiem il-ġurati.
Issa l-proċess jidħol fl-istadju li jmiss, bid-Difiża se ttella’ tliet xhieda minn naħa tagħha.
Dawn mistennija jkunu rappreżentanti tal-OPM, tal-HSBC u tal-Electrogas.