Yorgen Fenech jidħol fir-raba’ jum tax-xhieda tiegħu

Yorgen Fenech mistenni jidħol fir-raba’ jum tax-xhieda tiegħu hekk kif il-Prosekuzzjoni tkompli l-kontro-eżami u tipprova tittestja, biċċa biċċa, kemm il-verżjoni li qed jagħti fil-ġuri taqbel ma’ dak li qal lill-Pulizija fl-2019.

Il-ġurnata tat-Tnejn kienet iddominata minn tentattivi tal-Prosekuzzjoni biex issib diskrepanzi bejn l-istqarrija ta’ Fenech u x-xhieda tiegħu fil-Qorti, b’enfasi partikolari fuq il-prezz tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, ir-rwol ta’ Melvin Theuma u Keith Schembri, u kemm Fenech kien jaf dwar il-pjan u l-persuni li kellhom iwettquh.

Wieħed mill-punti ewlenin kien is-somma ta’ €120,000 li, skont l-istqarrija, Theuma semma lil Fenech wara li dan irritorna minn Londra.

Il-Prosekuzzjoni insistiet fuq il-kelma “sehmek”, fis-singular, u ppruvat turi li l-flus kienu qed jintalbu direttament mingħand Fenech. Hu, min-naħa tiegħu, sostna li Theuma kien qed “jitfgħu fix-xibka ma’ Keith” Schembri u ċaħad li kellu sehem fil-ħlas tal-qtil.

Meta l-Imħallef Edwina Grima staqsietu direttament jekk Theuma kienx semmielu €120,000, Fenech ikkonferma, iżda qal li dak iż-żmien kien qed jipprova jifhem x’kien ġara.

Il-Prosekuzzjoni fakkritu wkoll li Theuma, Vincent Muscat u George Degiorgio kollha semmew prezz ta’ €150,000. Fenech uża proprju din id-differenza biex jargumenta li ma kienx involut.

“Biex tara kemm ma kontx involut jien,” qal.

Tul il-kontro-eżami, Godwin Cini reġa’ qabad mal-istqarrija ta’ Fenech u qabbilha ma’ dak li xehed fil-ġuri.

Fost il-punti li reġgħu tqajmu kien hemm episodju li Fenech jgħid li seħħ fl-2015 jew l-2016, meta Keith Schembri mar id-dar tiegħu u qallu li kien sab lil xi ħadd biex “jagħmilha” u li kien ħallas €30,000.

Fenech ikkonferma li fl-istqarrija tiegħu kien qal hekk, iżda sostna li ma kienx staqsa lil Schembri lil min kien ħallas jew għaliex il-pjan kien sfaxxa, għax ma kinitx affari tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni ppruvat tagħfas ukoll fuq kif, skont Fenech, Schembri baqa’ jitkellem dwar li ried “jeħles” minn Caruana Galizia u talab l-għajnuna tiegħu.

Fenech baqa’ jinsisti li qatt ma qabel ma’ xi pjan ta’ qtil, u meta ġie mfakkar li kien qal lil Schembri “qed tiġġennen?” dwar sorveljanza fuq il-ġurnalista, sostna li l-idea qatt ma għoġbitu.

“Lanqas qatt. Lanqas illum,” qal.

Parti oħra tal-kontro-eżami ffukat fuq l-allegata ikla fir-ranch, fejn il-Prosekuzzjoni qalet lil Fenech li fl-istqarrija tiegħu ma kienx semma lil Schembri bħala preżenti.

Fenech irreaġixxa bil-qawwi.

“Impossibbli ma semmejtux, impossibbli,” qal, u aktar tard akkuża lill-Prosekuzzjoni li kienet qed temmen “gidba”.

Il-ġlieda bejn iż-żewġ verżjonijiet kompliet meta Cini staqsa lil Fenech jekk kienx ivvinta storja fl-istqarrija u mbagħad żviluppaha fil-ġuri.

Fenech ċaħad dan u reġa’ tenna l-akkuża ċentrali tiegħu:

“Keith Schembri qabbad lil Melvin Theuma biex tinqatel Daphne Caruana Galizia.”

Fenech ipprova jispjega d-differenzi bejn l-istqarrija u x-xhieda tiegħu billi qal li fl-2019 ma kienx f’kundizzjoni tajba, kien taħt kalmanti, taħt tensjoni kbira u ma kellux fiduċja fl-investigaturi.

Huwa attakka direttament lill-Ispetturi Kurt Zahra u Keith Arnaud, u sostna li l-investigazzjoni nbidlet malli beda jsemmi lil Schembri.

Fenech allega li l-investigaturi “iżżewġu gidba ta’ Melvin Theuma u cover-up fuq Keith Schembri għal frame-up” fuqu.

Iżda l-Prosekuzzjoni baqgħet tirritorna għal dak li effettivament qal waqt l-interrogazzjoni.

Dan wassal biex lejn tmiem is-seduta jintwera wkoll filmat mill-interrogazzjoni, biex jiġi ċċarat għal min Fenech kien qal “ok”.

Fil-klipp, Fenech instema’ jgħid li l-ewwel qal “ok” u jumejn wara qal biex jieqaf. Fil-Qorti, sostna li l-“ok” kien għal Keith Schembri u li l-ordni biex jieqaf kienet għal Melvin Theuma.

Il-Prosekuzzjoni mbagħad poġġiet quddiemu l-mistoqsija dwar kif spiċċa, fi kliemha, “postman” bejn xufier tat-taxi u ċ-Chief of Staff.

Fenech aċċetta li hekk kienet żviluppat is-sitwazzjoni, iżda ċaħad li dan kien ifisser li kien parti mill-pjan.

Huwa baqa’ jinsisti li kien qed jipprova jwaqqaf dak li kien qed jinħema u li għal xi żmien ħaseb li rnexxielu.

Meta l-Prosekuzzjoni qaltlu li seta’ mar għand il-Pulizija jew għamel rapport anonimu biex jipprova jsalva ħajja, Fenech qal li kien ħass li l-pjan waqaf.

U meta ġie akkużat direttament li kien hu li ħallas għall-qtil, wieġeb kategorikament:

“Qatt, qatt u qatt ma ħallast għal qtil ta’ ħadd, la tas-Sinjura Caruana Galizia u lanqas ta’ ħadd.”

Fenech għamel ukoll allegazzjonijiet ġodda fil-konfront ta’ Theuma, fosthom li dan ried joqrob lejn l-underworld, jikseb poter permezz ta’ Schembri u jieħu l-flus mingħandu.

Huwa allega wkoll li Theuma seta’ kellu recordings ta’ Schembri u qal li jinsab kunfidenti li xi darba dawn joħorġu.

Issa, hekk kif Fenech jidħol fir-raba’ jum tax-xhieda tiegħu, il-ġurati mistennija jisimgħu aktar minn dan il-konfront dirett bejn il-verżjoni li l-akkużat qed jagħti llum u dak li qal lill-investigaturi kważi seba’ snin ilu.

Il-mistoqsija li l-Prosekuzzjoni qed tipprova żżomm fiċ-ċentru hija waħda: jekk id-differenzi bejn iż-żewġ verżjonijiet humiex spjegabbli mill-istat li Fenech jgħid li kien fih waqt l-interrogazzjoni, jew humiex inkonsistenzi li jolqtu l-kredibbiltà tax-xhieda tiegħu.

More in Qrati u Pulizija