Il-kontro-eżami tal-Ispettur Kurt Zahra mill-avukati tad-difiża qed jkompli llum, hekk kif il-ġuri ta’ Yorgen Fenech dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia daħal f’ġurnata oħra ta’ mistoqsijiet dwar il-mod kif tmexxiet l-investigazzjoni.
Ilbieraħ, id-difiża kompliet tagħfas lil Zahra dwar il-mod kif il-pulizija investigat l-allegazzjonijiet li saru kontra Keith Schembri, u jekk kienx hemm biżżejjed follow-ups għall-informazzjoni li kienet qed toħroġ matul l-investigazzjoni.
Zahra qal li Schembri qatt ma kien ikkunsidrat bħala suspettat fil-qtil, u li l-arrest tiegħu kien marbut mal-ittra li allegatament għaddiet lil Fenech permezz tat-tabib Vella kif ukoll ma’ investigazzjoni separata dwar leaks ta’ informazzjoni.
Huwa ammetta wkoll li, minkejja li Schembri kien ġie interrogat u ċaħad ċerti allegazzjonijiet, hu personalment ma marx jistaqsih dwarhom.
Id-difiża staqsietu wkoll dwar rapport tal-Europol li, skont l-avukati, kien identifika lil Schembri u lill-eks ministru Chris Cardona bħala “possible instigators”. Zahra qal li qatt ma kien ra dan ir-rapport.
Id-difiża qajmet ukoll il-kwistjoni ta’ fajl li nstab fl-uffiċċju ta’ Schembri f’Kastilja, li kien fih artikli u kitbiet ta’ Daphne Caruana Galizia. Zahra qal li dawn kienu materjal fid-dominju u ma kinux tqiesu bħala rilevanti għall-qtil, filwaqt li kkonferma li ma ttieħed l-ebda apparat elettroniku mill-uffiċċju.
F’mument ieħor jaħraq tal-kontro-eżami, l-avukat Charles Mercieca akkuża lil Zahra li kien xehed falz dwar dak li kien qal Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, waqt interrogazzjoni. Il-Qorti ordnat li jinstema’ r-recording oriġinali, li wera li d-diskors ta’ Muscat kien jaqbel mal-verżjoni mogħtija minn Zahra, u l-imħallef Edwina Grima wissiet lil Mercieca biex “id-darba li jmiss” jiċċekkja d-dokumenti kollha.
Il-kontro-eżami mistenni jkompli llum, bid-difiża mistennija tkompli tisfida lil Zahra dwar l-investigazzjoni u d-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-pulizija matulha.
Sadanittant, il-ġurati se jkomplu l-ġuri mingħajr it-tablets li kienu qed jużaw biex isegwuh. Id-difiża qajmet tħassib li fuqhom setgħu kienu qed jidhru headlines relatati mal-każ, u l-Qorti ordnat li t-tablets jinġabru u jiġu eżaminati biex jiġi stabbilit jekk kienx hemm aċċess għall-internet.