Illum il-ġurati mistennija jaraw l-interrogazzjoni ta’ Yorgen Fenech

Wara li l-Ispettur Kurt Zahra lbieraħ ta ħarsa lejn il-verżjoni ta’ Fenech — fost allegazzjonijiet dwar Keith Schembri, Melvin Theuma u l-finanzjament tal-qtil — illum il-ġurati mistennija jaraw ir-recording awdjoviżiv tal-interrogazzjoni tiegħu

L-istqarrijiet ta’ Yorgen Fenech mistennija jintwerew lill-ġurati hekk kif illum ikompli l-ġuri dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Qorti ddeċidiet li l-ġurati jaraw ir-recording awdjoviżiv tal-interrogazzjoni ta’ Fenech, wara li lbieraħ l-Ispettur Kurt Zahra ta ħarsa ġenerali lejn dak li l-akkużat kien qal lill-Pulizija.

Il-ġurnata mistennija għalhekk titfa’ l-attenzjoni direttament fuq il-verżjoni ta’ Fenech, mingħajr ma tkun qed tiġi rrakkontata mill-investigaturi.

Lbieraħ, Zahra qal li waqt l-istqarrijiet tiegħu Fenech kien ta verżjoni li titfa’ parti sostanzjali mill-oriġini u l-finanzjament tal-pjan fuq Keith Schembri.

Skont Zahra, Fenech qal lill-Pulizija li għal żmien twil kien evita li jsemmi lil Schembri fir-recordings tiegħu għax kien ħabib kbir tiegħu u ried jipproteġih.

Aktar tard, iżda, Fenech allegatament qal li ħassu tradut minn Schembri u beda jagħti aktar dettalji dwar ir-rwol li kien qed jattribwilu.

Fost dawn, skont Zahra, Fenech sostna li Schembri kien ħareġ bejn €75,000 u €80,000 għall-qtil ta’ Caruana Galizia u tahomlu f’basket tar-Reebok.

Fenech allega wkoll li Schembri kien ta l-go-ahead għal pjan li Melvin Theuma kien ressaqlu, billi qallu “mexxi, mexxi, mexxi”.

Skont il-verżjoni li Zahra rrakkonta fil-Qorti, Fenech qal li Theuma aktar tard mar għandu u qallu li kien diġà ħallas €30,000. Fenech sostna li mbagħad tah €50,000 biex ma jħallihx jitlef il-flus tiegħu, filwaqt li qal ukoll li kien iħossu mhedded minn Theuma.

Fenech allega wkoll li Schembri kien ħallas €30,000 għal pjan preċedenti biex tinqatel Daphne, madwar sena u nofs wara li l-Labour tela’ fil-gvern fl-2013, iżda li dak il-pjan ma wassal għal xejn.

Id-Difiża oġġezzjonat għall-mod kif Zahra kien qed jirrakkonta l-kontenut tal-istqarrijiet, u argumentat li l-ġurati għandhom jisimgħu r-recording innifsu aktar milli interpretazzjoni jew selezzjoni tal-investigatur.

L-Imħallef Edwina Grima qablet li r-recording jibqa’ l-aħjar prova u ddeċidiet li l-ġurati għandhom jarawh.

Għaldaqstant, is-seduta tal-lum mistennija tkun waħda kruċjali hekk kif il-ġurati jisimgħu direttament lil Fenech jagħti l-verżjoni tiegħu lill-Pulizija.

Lbieraħ Zahra spjega wkoll kif l-investigazzjoni kienet żviluppat mill-ewwel sigħat wara l-isplużjoni fil-Bidnija sal-identifikazzjoni tat-tliet irġiel akkużati li wettqu l-qtil, u aktar tard sa Melvin Theuma.

Huwa qal li d-DNA minn loqma ta’ sigarett instabet taqbel ma’ Vincent Muscat, li tliet burner phones wasslu lill-investigaturi lejn il-Potato Shed fil-Marsa u li l-mobile li ntuża biex jattiva l-bomba kien qabad ma’ cell tower fil-Port il-Kbir.

Zahra rrakkonta wkoll kif il-Pulizija waslet għand Theuma permezz ta’ telefonati mill-ħabs, interċetti u sorveljanza.

Meta Theuma ġie arrestat, il-Pulizija sabet il-kaxxa tal-ġelat li kien fiha recordings, chats, devices u dokumenti, fosthom ritratt tiegħu ma’ Keith Schembri f’Kastilja.

Skont Zahra, Theuma beda jagħti l-verżjoni tiegħu dwar il-qtil qabel ma l-investigaturi kienu għadhom semgħu r-recordings tiegħu.

Theuma kien qal li Yorgen Fenech qabbdu biex isib min joqtol lil Caruana Galizia u li l-prezz kien ta’ €150,000.

Zahra qal ukoll li Theuma kien sostna li beda jirrekordja lil Fenech għax kien jibża’ li dan seta’ joqtlu.

Il-ġuri jkompli llum bl-istqarrijiet ta’ Fenech, li mistennija jkunu ċentrali għall-mod kif il-ġurati jevalwaw il-verżjoni tiegħu dwar Keith Schembri, Melvin Theuma u l-finanzjament tal-qtil.

More in Qrati u Pulizija