"Kien hemm mastermind wieħed biss" – Melvin Theuma jinsisti li Yorgen Fenech waħdu ordna l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia
Matul il-33 jum tal-ġuri, Theuma tenna diversi drabi li, għalih, Yorgen Fenech kien l-unika persuna li ordnat u ffinanzjat il-qtil.
minn Jaelle Borg
"Kien hemm mastermind wieħed biss. Yorgen Fenech."
B'din id-dikjarazzjoni, Melvin Theuma għalaq waħda mill-aktar xhieda emozzjonanti u drammatiċi li s'issa nstemgħu fil-ġuri ta' Yorgen Fenech, fejn għal sigħat twal irrakkonta kif, skont hu, organizza l-pjan tal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia fuq istruzzjonijiet ta' Fenech, għadda l-flus lill-aħwa Degiorgio, għex fil-biża' wara l-qtil u beda jirrekordja b'mod sigriet lill-imprenditur għax kien konvint li kien se jinqatel.
Matul il-33 jum tal-ġuri, Theuma tenna diversi drabi li, għalih, Yorgen Fenech kien l-unika persuna li ordnat u ffinanzjat il-qtil.
Fi tmiem ix-xhieda tiegħu, Theuma ddistakka wkoll lill-eks Chief of Staff Keith Schembri minn involviment dirett fl-assassinju. Filwaqt li tenna l-allegazzjoni li Fenech kien jgħidlu li Schembri kien qed jgħaddilu informazzjoni wara l-qtil, insista li ma setax jgħid li Schembri kien ordna jew ħallas għad-delitt.
"Qatt ma nista' nimplika lil Keith għax qatt ma tkellem miegħi dwar Daphne u qatt ma tani ċenteżmu," qal Theuma b'vuċi għolja fl-awla.
Huwa spjega li referenzi għal Schembri f'ittra li kien kiteb snin ilu kienu saru fi żmien meta kien mentalment mifni, filwaqt li qal li kien iltaqa' miegħu biss darbtejn – darba Kastilja u darba fir-ranch ta' Fenech.
Madankollu, baqa' jinsisti li Fenech kien jgħidlu ripetutament li Schembri kien qed jgħaddilu informazzjoni wara l-qtil, iżda tenna li, għalih, "kien hemm mastermind wieħed biss."
"Riedha tinqatel"
Theuma ħa lill-ġurati lura għall-2017, fejn allega li Yorgen Fenech avviċinah barra r-ristorant Blue Elephant f'Portomaso u qallu li ried lil Daphne Caruana Galizia tinqatel għax kienet waslet biex tiżvela informazzjoni dwar "Uncle Ray".
Skont ix-xhud, Fenech tah istruzzjonijiet biex jikkuntattja lil Alfred Degiorgio, li aktar tard iltaqa' miegħu fil-potato shed tal-Marsa.
Theuma qal li Degiorgio talbu €150,000, flimkien ma' depożitu ta' €30,000. Huwa qal li għadda l-ammont lil Fenech, li inizjalment waqqaf il-pjan minħabba l-elezzjoni ġenerali tal-2017, iżda reġa' attivah wara r-rebħa tal-Partit Laburista.
Skont Theuma, ftit wara l-elezzjoni, Fenech tah envelop b'€150,000 fi flus kontanti waqt li kien qed iwasslu l-ajruport.
"Qalli li dawk kienu biex joqtlu lil Daphne," xehed.
L-għada, qal, huwa stess ta d-depożitu ta' €30,000 lil Alfred Degiorgio quddiem il-Busy Bee.
"Agħmluha llum"
Theuma qal li, hekk kif għaddew il-ġimgħat, Fenech beda jagħfas dejjem aktar biex il-qtil jitwettaq.
Skont ix-xhud, kien jibgħatlu messaġġi fejn jinsistilu biex jgħid lill-aħwa Degiorgio "itemmuha darba għal dejjem", għax Daphne kienet se tippubblika informazzjoni dwar Ray Fenech.
F'okkażjoni oħra, qal li Fenech wissieh biex jiżgura li l-bomba toqtolha u mhux tweġġagħha biss, sabiex ma jerġax iseħħ dak li kien ġara fil-każ tal-bomba fuq Romeo Bone.
Theuma qal li kien proprju dak il-ħin li induna għall-ewwel darba li l-pjan kien jinvolvi karozza bomba.
Fost il-messaġġi li semma kien hemm ukoll wieħed fejn, skont hu, Fenech kitiblu li x-xampanja kienet lesta jekk il-qtil kien se jseħħ dakinhar.
"Ħajti spiċċat"
Meta l-prosekuzzjoni staqsietu dwar is-16 ta' Ottubru 2017, Theuma beda jibki.
Huwa rrakkonta li, wara li temm ix-xogħol, fetaħ it-televiżjoni u sar jaf li Daphne Caruana Galizia kienet inqatlet.
"Ħajti spiċċat," qal diversi drabi, filwaqt li ammetta li sal-lum għadu jġorr sens qawwi ta' ħtija.
Theuma qal ukoll li għadu jżomm kuntatt ma' membri tal-familja Caruana Galizia u li għadu jitlobhom maħfra, filwaqt li huma jħeġġuh jgħid il-verità.
Eluf ta' ewro lill-aħwa Degiorgio
Ix-xhud qal li wara l-assassinju kien hu li baqa' jżomm kuntatt mal-aħwa George u Alfred Degiorgio.
Huwa allega li kien jagħtihom bejn €2,000 u €3,000 fil-ġimgħa, kif ukoll iħallas għall-ikel tagħhom, l-avukati, spejjeż fil-ħabs u anke lill-partner ta' George Degiorgio.
Qal ukoll li xi drabi kien iħallas minn butu u aktar tard Yorgen Fenech kien jirrifondih, filwaqt li f'okkażjonijiet oħra kien jirċievi għexieren ta' eluf ta' ewro fi flus kontanti mingħandu.
"Kont ċert li kien se joqtolni"
Theuma spjega kif wara l-qtil il-kundizzjoni mentali tiegħu marret għall-agħar.
Qal li beda jsofri minn ansjetà qawwija, kien iħallat Ativan mal-whisky, kiteb it-testment tiegħu u kien konvint li Yorgen Fenech kien se jeliminah biex ma jibqa' l-ebda rabta bejnu u l-qtil.
Huwa sostna li, peress li kien l-uniku persuna li kienet tagħmel il-kuntatt bejn Fenech u l-aħwa Degiorgio, mewtu kienet tkun tfisser li ma jibqax xhud ewlieni.
Kien proprju minħabba din il-biża', qal, li beda jirrekordja b'mod sigriet il-konversazzjonijiet tiegħu ma' Fenech.
Skont Theuma, beda jagħmel dan wara li sar jaf li Vince Muscat kien beda jitkellem mal-Pulizija.
Huwa rrakkonta kif kien jaħbi t-telefon fil-kalzetta tiegħu, filwaqt li Fenech kien installalu l-app Signal, u qallu li biha "ma jisimgħuniex", b'referenza għas-Servizz Sigriet.
"Ir-recordings salvawli ħajti"
Theuma qal li dawn ir-recordings kienu l-unika forma ta' protezzjoni li kellu.
Huwa sostna li apposta ħalla lil Johann Cremona isir jaf bihom, għax kien jaf li l-informazzjoni kienet se tasal għand Fenech.
Meta aktar tard Fenech staqsieh dwar ir-recordings, Theuma qal li għamel tabirruħu li lest jagħtihomlu, iżda qatt ma kellu dik l-intenzjoni.
"Dawk ir-recordings kienu ħajti. Salvawni," qal.
"Phantom job"
Theuma xehed ukoll dwar dak li sejjaħ "phantom job" mal-Gvern.
Huwa qal li wara laqgħa ma' Keith Schembri f'Kastilja, ġie kkuntattjat minn Sandro Craus, u ftit wara beda jirċievi ċekkijiet ta' kull xahar minkejja li qatt ma għamel xogħol.
Qal li meta darba waqaf jirċievi ċ-ċekkijiet, Fenech intervjena personalment u l-pagamenti reġgħu bdew.
"Ħarsu x'għamilt lil dawn in-nies"
Lejn tmiem ix-xhieda tiegħu, Theuma reġa' nfaqgħet jibki meta tkellem dwar il-protesti li kienu saru wara l-assassinju.
Huwa qal li meta kien jara n-nies jinżlu fit-toroq biex jitolbu ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia, kien jaħseb bejnu u bejn ruħu:
"Ħarsu x'għamilt lil dawn in-nies, u huma qatt ma kienu għamluli xejn."
Il-ġuri quddiem l-Imħallef Edwina Grima jkompli b'aktar xhieda.
