🔴 DIRETT
Hekk kif il-ġuri ta' Yorgen Fenech jidħol fis-27 jum tiegħu l-Ġimgħa filgħodu, is-seduta tal-Ħamis għalqet il-kontroeżami ta' Keith Schembri, li ċaħad b'mod kategoriku kull allegazzjoni li torbtu mal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Schembri insista li ma kellu "ebda konnessjoni" ma' David Gatt, Melvin Theuma jew mal-aħwa Degiorgio u ċaħad li qatt ordna l-qtil tal-ġurnalista jew bagħat lil xi ħadd biex joqtol lil Theuma.
Matul il-kontroeżami, Schembri ddeskriva lil Melvin Theuma bħala "l-akbar giddieb fid-dinja" u qal li Kenneth Camilleri gideb meta xehed li kien jibża’ minnu. Huwa ċaħad ukoll ix-xhieda ta’ Johann Cremona, li kien allega li ntbagħat minnu biex jikkalma lil Theuma, filwaqt li ċaħad ukoll l-akkużi ta’ George Degiorgio li kien il-mandant tal-qtil u ta’ David Gatt li kien sostna li Schembri kien il-persuna wara l-assassinju. Għalkemm qal li "mhux ix-xhieda kollha" kienu qed jigdbu, insista li kull min implikah fil-qtil ma qalx il-verità u esprima dispjaċir għal Johann Cremona, għax skont hu "ried jitkellem, iżda ma setax."
Parti oħra importanti tas-seduta ffokat fuq ir-relazzjoni tiegħu ma’ Yorgen Fenech. Schembri qal li mix-xhieda kollha tiegħu ħareġ ċar li kien jgħin lil Fenech u sostna li għadu jgħinu sal-lum. Meta mistoqsi għaliex Fenech kien allega li hu kien il-mandant tal-qtil, wieġeb li ma kienx jaf. Mistoqsi mill-Imħallef Edwina Grima jekk jaħsibx li kien hemm xi raġuni għaliex Fenech semmieh, Schembri qal: "Ma nafx. Imma qatt mhu se ninsa l-ħbiberija li kelli miegħu."
Il-kontroeżami ffoka wkoll fuq il-laqgħa bejn Schembri u Melvin Theuma f’Kastilja. Schembri sostna li kien sema’ li Theuma kien jiftaħar b’ritratt meħud miegħu u kien beħsiebu jużah biex jagħmel pressjoni fuq il-Gvern bil-għan li jikseb maħfra presidenzjali. Huwa ċaħad ukoll ix-xhieda ta’ Theuma li wara dik il-laqgħa kien ħass li kiseb poter jew influwenza.
Aktar tard, il-kontroeżami mar fuq il-kawżi ta’ libell li Schembri kien fetaħ kontra Caruana Galizia. Huwa qal li, sa fejn jiftakar, dawn kienu relatati mal-istorja ta’ 17 Black u mhux mal-artikli dwar Egrant, filwaqt li spjega li eventwalment irtirahom wara li Caruana Galizia nqatlet. De Marco qrat ukoll diversi artikli li l-ġurnalista kienet kitbet dwar il-kanċer tiegħu. Schembri qal li dawk il-kitbiet ma weġġgħuhx personalment, iżda kellhom impatt qawwi fuq il-familja tiegħu, b’mod partikolari fuq uliedu. Huwa qal li, għalih, il-kitbiet “ma qabżux il-linja”, iżda għall-familja tiegħu iva. Żied jgħid li xi investituri barranin kienu jilmentaw miegħu dwar il-kitbiet ta’ Caruana Galizia, iżda insista li qatt ma ta każ ta’ kummenti tagħhom, li Caruana Galizia kellhom “jeħilsu minnha”.
F’parti oħra tax-xhieda, Schembri qal li dejjem kien jaf li l-allegazzjonijiet kontrih kienu foloz u għalhekk kien jidħaq bihom. Huwa qal ukoll li xi nies kienu jsejħulu "Il-K", filwaqt li spjega li "Il-Lupu" kien laqam li kien jużalu l-avukat tiegħu.
Is-seduta ntemmet b’episodju mhux mistenni meta Schembri qal lill-Qorti li, minkejja li kien taħt sorveljanza kontinwa tal-pulizija waqt ix-xhieda tiegħu, kien avviċinat minn impjegat tal-Qorti. Dan talab lil Schembri biex jgħinu jiġi trasferit għal xogħol ieħor. L-Imħallef Edwina Grima sejħet lill-Marixxal biex jixhed, fejn dan qal li Schembri kien eskortat il-ħin kollu u li persuna waħda biss ippruvat tkellmu, iżda tneħħiet immedjatament. Wara li semgħet iż-żewġ verżjonijiet, l-Imħallef ordnat lil Kap Eżekuttiv al-Qrati jinvestiga l-allegazzjoni u jippreżenta rapport lill-Qorti.
Il-prosekuzzjoni tkompli tressaq aktar xhieda l-Ġimgħa filgħodu.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Godwin Cini, Anthony Vella u Danika Vella, flimkien mal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra.
Yorgen Fenech qed ikun rappreżentat mill-avukati Charles Mercieca, Giannella de Marco u Gianluca Caruana Curran. L-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi qed jidhru f'isem il-familja Caruana Galizia. Il-ġuri qed jinstema' quddiem l-Imħallef Edwina Grima.
Ix-xhud Christopher Saliba jikkonferma x-xhieda mogħtija qabel dwar l-oġġetti li nstabu waqt it-tfittxijiet relatati ma' Yorgen Fenech.
Saliba jgħid ukoll li Fenech kien qallu li kien irriżenja mill-kumpanija jumejn qabel l-arrest tiegħu.
Fix-xhieda tiegħu, Christopher Saliba jgħid li identifika ruħu ma' Yorgen Fenech bħala uffiċjal tal-Drug Squad.
Jgħid li meta informa lil Fenech li kien qed jiġi arrestat b'rabta mal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, dan "viżibilment kien jidher kalm."
Il-Qorti tkompli tisma' x-xhieda ta' Christopher Saliba, li qed jixhed b'mod virtwali.
Saliba qal li ilu 20 sena fil-Korp tal-Pulizija u li fiż-żmien tal-fatti kien jagħmel parti mill-Iskwadra ta' Kontra d-Droga.
Il-kontroeżami tal-Ispettur Kevin Pulis ikompli b'mistoqsijiet dwar l-arrest tat-tabib Adrian Vella.
Pulis jinsisti li mar fir-residenza tiegħu fis-sigħat bikrin ta' filgħodu biex jinfurmah li kien mitlub jattendi quddiem l-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra. Mistoqsi dwar il-ħin, ix-xhud jaqbel li għall-ħabta tas-1am telqu b'Vella lejn id-Depot.
De Marco tistaqsih ukoll dwar il-mobile Rose Gold elevat mingħand Yorgen Fenech. Pulis jaqbel li l-apparat kien jidher għadu ġdid, u jwieġeb: "Jista' jkun."
Fil-kontroeżami, l-Ispettur Kevin Pulis ġie mistoqsi jekk waqt it-tfittxija fuq il-lanċa ta' Yorgen Fenech instabux sustanzi illegali jew armi.
Ix-xhud wieġeb li ma nstab xejn illegali ta' din ix-xorta, u kkonferma li la drogi u lanqas armi ma nstabu abbord.
Il-kontroeżami tal-Ispettur Kevin Pulis ikompli bl-avukat Giannella de Marco tistaqsih jekk il-mod metikoluż kif twettqu t-tfittxijiet fil-proprjetajiet ta' Yorgen Fenech huwiex dak li, fil-fehma tiegħu, għandu jintuża f'investigazzjonijiet bħal dawn.
Pulis iwieġeb li dak huwa l-aħjar metodu, skont l-esperjenza tiegħu.
Ix-xhud jispjega wkoll li, meta wasal fuq il-post fil-jum tal-arrest ta' Fenech, sab membri tal-Forzi Armati ta' Malta (AFM) u żewġ uffiċjali oħra tal-pulizija li kienu diġà waslu fuq il-post.
Jibda l-kontroeżami tal-Ispettur Kevin Pulis, bl-avukat Giannella de Marco tiffoka fuq il-perjodu bejn l-arrest ta' Yorgen Fenech u t-tressiq tiegħu l-Qorti.
Pulis jikkonferma li mill-20 sat-30 ta' Novembru 2019 Fenech qatt ma tħalla waħdu mill-pulizija, ħlief għal ftit sigħat fid-29 ta' Novembru, meta ngħata police bail.
De Marco mbagħad tirreferi għall-kura medika li ngħata Fenech wara l-arrest.
Pulis jaqbel li Fenech kien qallu li ma kellux bżonn tabib, iżda jgħid li l-Ispettur Keith Arnaud kien tal-fehma li kellu jiġi eżaminat mit-tabib Adrian Vella.
Ix-xhud jerġa' jikkonferma li Fenech baqa' jinsisti li ma kellux bżonn tabib dak il-ħin.
L-Ispettur Kevin Pulis jixhed li fid-29 ta' Novembru 2019 ġie infurmat mill-Kummissarju tal-Pulizija ta' dak iż-żmien, Lawrence Cutajar, li Yorgen Fenech, li dak iż-żmien kien ħareġ bil-police bail, ma kellux protezzjoni.
Pulis jgħid li, wara talba mill-avukati ta' Fenech, uffiċjali tal-pulizija marru immedjatament fir-residenza tiegħu, fejn sabuh akkumpanjat mill-avukat Gianluca Caruana Curran.
Kevin Pulis jixhed li, wara li Adrian Vella mar volontarjament id-Depot, ittieħed fl-uffiċċju tal-investigaturi.
Huwa jgħid li kien preżenti meta l-Ispettur Kurt Zahra informa lil Vella li kien qed jiġi arrestat fuq suspett ta' intralċ tal-provi.
Pulis jispjega li Vella baqa' għand il-pulizija sa madwar is-2.45am, u li ftit sigħat wara twettaq l-arrest ta' Keith Schembri.
Ix-xhud jisħaq li ma kienx preżenti għall-arrest ta' Schembri.
L-Ispettur Kevin Pulis ikompli jixhed dwar il-kuntatt mat-tabib Adrian Vella filgħodu tas-26 ta' Novembru 2019.
Mistoqsi mill-Prosekuzzjoni jekk ipprovax iċemplu meta ma kienx qed jiftaħ il-bieb, Pulis jgħid li, "biex inkun ġust ma' kulħadd," jidhirlu li dak il-ħin ma kienx qed jaqbadlu l-mobile.
Jgħid li għalhekk ċempel lit-tifla ta' Vella, iżda minflok wieġbet hi, wieġeb it-tabib innifsu.
"Ftit minuti wara fetaħli l-bieb u tlabtu jiġi d-Depot biex ikellem lill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra," jixhed Pulis.
Mistoqsi kemm dam biex ħareġ, Pulis jgħid li dam madwar siegħa, u jżid li, skont hu, Vella kien "emozzjonali u beżgħan."
Ikollna nieqfu għal pawża ta' nofsiegħa minħabba li barra għaddejjin xi ċelebrazzjonijiet tal-festa
L-Ispettur Kevin Pulis jixhed li filgħodu tas-26 ta' Novembru 2019, l-Ispettur Keith Arnaud talbu jmur miegħu fir-residenza tat-tabib Adrian Vella biex jitolbuh jakkumpanja lill-pulizija sal-lock-up.
Pulis jgħid li l-pulizija għamlu diversi tentattivi biex jikkuntattjaw lil Vella, iżda "it-tabib ma fetħilniex."
Ix-xhud jisħaq li ma kien hemm l-ebda mandat ta' arrest fil-konfront ta' Vella, u għalhekk kien mistenni jmur mal-pulizija b'mod volontarju.
L-Ispettur Kevin Pulis jixhed li fit-28 ta' Novembru 2019 saret tfittxija oħra fuq il-lanċa Gio, li fuqha kien ġie arrestat Yorgen Fenech.
Huwa jgħid li, minn meta saret l-ewwel tfittxija, il-lanċa kienet taħt għassa kontinwa tal-pulizija, filwaqt li ċ-ċwievet tagħha kienu miżmuma minn Tumas Group.
Pulis jispjega li waqt din it-tfittxija kien hemm preżenti espert ieħor tal-Europol, li uża apparat speċjalizzat biex jidentifika jekk kienx għad fadal apparat elettroniku moħbi abbord.
Skont ix-xhud, matul din it-tfittxija nstabu diversi SIM cards oħra, fosthom SIM cards qodma, oħrajn mingħajr marka kummerċjali, kif ukoll SIM cards Taljani tal-operaturi Wind, Telecom u TIM.
L-Ispettur Kevin Pulis jixhed li saret ukoll tfittxija f'uffiċċju fil-Livell 21 ta' Portomaso, din id-darba fil-preżenza ta' Yorgen Fenech.
Huwa jgħid li minn dak l-uffiċċju ġew elevati laptop, diversi pendrives, SD cards u t-tagħmir li fuqu kienu rrekordjati l-filmati tas-sistema tas-CCTV.
Pulis jispjega li ma elevax id-dokumentazzjoni kollha li kien hemm fl-uffiċċji, iżda biss il-materjal li kien iqis rilevanti għall-investigazzjoni.
"Kien hemm ħafna aktar dokumentazzjoni," jgħid ix-xhud.
Minflok ma neħħa l-kumplament tal-kontenut, Pulis jgħid li ddeċieda jissiġilla l-uffiċċji, filwaqt li ħalla pulizija fuq fixed point u uffiċjal tas-sigurtà ta' Tumas Group biex jassiguraw il-post.
L-Ispettur Kevin Pulis ikompli jelenka d-dokumenti elevati waqt it-tfittxijiet f'Portomaso.
Huwa jgħid li fost il-materjal elevat kien hemm invoices, Memorandum of Understanding u ċertifikat relatat ma' Wings Investments Limited, kif ukoll diversi dokumenti oħra marbuta mal-kumpanija New Energy Supply Limited u ma' kumpaniji offshore.
Pulis jixhed ukoll li fost id-dokumenti elevati kien hemm materjal relatat ma' Melvin Theuma.
L-Ispettur Kevin Pulis ikompli jixhed dwar l-oġġetti elevati waqt it-tfittxijiet marbuta mal-arrest ta' Yorgen Fenech.
Huwa jgħid li mir-residenza f'Portomaso ġew elevati, fost oħrajn, kamera HD bil-Wi-Fi, mobile storage device, tablet, iPhone Rose Gold u SIM card.
Pulis iżid li nġabru wkoll mouse tal-kompjuter, business cards, kif ukoll diversi mobiles u tablets oħra.
Ix-xhud jispjega li fit-tfittxija li saret f'wieħed mill-uffiċċji f'Portomaso ma kienx preżenti Yorgen Fenech, iżda kien hemm il-Financial Controller ta' Tumas Group, Ray Sladden, li identifika dak l-uffiċċju bħala ta' Fenech.
Mill-Uffiċċju 4 fit-tielet sular ta' Portomaso ġew elevati wkoll dokumenti, mobile u kompjuter.
Pulis jisħaq li kull apparat elettroniku elevat waqt dawn it-tfittxijiet ġie mgħoddi lill-Europol għal analiżi forensika.
L-Ispettur Kevin Pulis ikompli jixhed dwar l-istqarrija li ta Logan Wood, il-kaptan tad-dgħajsa li fuqha nstab Yorgen Fenech fil-jum tal-arrest tiegħu.
Pulis jgħid li Wood talab l-assistenza tal-avukat Leslie Cuschieri qabel ta l-istqarrija tiegħu.
Skont ix-xhud, Wood qal lill-pulizija li l-pjan kien li d-dgħajsa tmur Pozzallo, Sqallija, biex issirilha manutenzjoni ta' rutina, li kienet diġà ġiet ibbukkjata għal Diċembru.
Madankollu, il-vjaġġ kien ġie antiċipat għal nofs Novembru wara li, skont Wood, ivverifika li kien hemm post disponibbli f'Pozzallo u informa lil Fenech li l-kundizzjonijiet tat-temp kienu favorevoli.
Pulis jgħid li, skont Wood, il-pjan kien li Yorgen Fenech jibqa' Sqallija, filwaqt li hu kien jirritorna Malta bil-catamaran, u li dan kien ġie miftiehem ġurnata qabel, fid-19 ta' Novembru 2019.
Aktar tard, il-Prosekuzzjoni titlob lil Pulis jaqra l-istqarrija ta' Wood, iżda d-difiża toġġezzjona.
L-Imħallef Edwina Grima tilqa' l-oġġezzjoni u tgħid li m'għandhiex tinqara l-istqarrija ta' xhud, iżda titlob lill-Ispettur jispjega fi kliemu x'kien qal Wood lill-pulizija.
L-Ispettur Kevin Pulis ikompli jixhed dwar it-tfittxija li saret fuq id-dgħajsa ta' Yorgen Fenech fil-jum tal-arrest tiegħu.
Huwa jgħid li abbord instab laptop imgeżwer bi "stretch 'n' seal", flimkien ma' €7,000 fi flus kontanti.
Skont Pulis, Fenech qal lill-pulizija li l-flus kienu tiegħu u mhux tal-kaptan tad-dgħajsa, Logan Wood.
Ix-xhud iżid li fuq id-dgħajsa nstabu wkoll tliet karti tal-bank u iPhone.
Pulis jixhed ukoll li t-tfittxija fuq id-dgħajsa damet għaddejja mit-8.00am sas-1.00pm, filwaqt li fl-istess ħin kienet qed issir tfittxija oħra fil-penthouse ta' Portomaso.
L-Ispettur Kevin Pulis jixhed li, aktar tard dakinhar tal-arrest ta' Yorgen Fenech, kien involut fit-tfittxija li saret f'uffiċċju fit-Torri ta' Portomaso, fejn eleva diversi dokumenti li issa qed jiġu esebiti fil-Qorti.
Ix-xhud jgħaddi mbagħad għall-oġġetti li nstabu fuq id-dgħajsa ta' Fenech waqt l-operazzjoni tal-arrest.
Pulis jgħid li l-pulizija sabu laptop imgeżwer bi "stretch 'n' seal", kif ukoll ammont ta' flus kontanti abbord id-dgħajsa.
Jitla jixhed l-ispettur Kevin Pulis.
L-Ispettur Kevin Pulis jibda x-xhieda tiegħu billi jiddeskrivi l-operazzjoni li wasslet għall-arrest ta' Yorgen Fenechf'Novembru 2019.
Pulis jgħid li kien hu li nnotifika lil Fenech bil-mandat tal-arrest, meta sabu bilqiegħda fuq id-dgħajsa li, skont il-Prosekuzzjoni, kien se juża biex jaħrab minn Malta.
Mistoqsi dwar kif irreaġixxa Fenech, Pulis jgħid li kienet "sitwazzjoni totalment mhux feliċi", filwaqt li jżid: "Ma nafx kif se nispjegaha."
L-Ispettur jispjega wkoll li ma kienx l-ewwel uffiċjal tal-pulizija li wasal fuq il-post, hekk kif wasal madwar 30 minuta wara li kienet bdiet l-operazzjoni.
Jibda l-kontroeżami tas-Surġent Garry Scerri, bl-avukat Giannella de Marco tiffoka fuq id-dettalji tax-xhieda tiegħu dwar it-tfittxija fir-residenza ta' Keith Schembri.
De Marco tistaqsih jekk fil-kumpilazzjoni kienx semma li fid-dar kien hemm ukoll ħaddiema.
Scerri jwieġeb li ma kienx xehed dwar dan, għax dak iż-żmien ix-xhieda tiegħu kienet limitata għall-investigazzjoni "Leaks".
L-avukat tosserva li llum semma l-ħaddiema mingħajr ma ġie mistoqsi dwarhom u tistaqsih jekk hux qed jipprova "jirranġa" xi ħaġa fix-xhieda tiegħu.
"Lanqas xejn. M'għandi għalfejn nirranġa xejn," iwieġeb Scerri.
De Marco mbagħad tistaqsih jekk baqax fil-vann waqt dik li hu ddeskriva bħala mhux tfittxija, iżda Scerri jiċħad dan.
Meta mistoqsi jekk Keith Arnaud u Kurt Zahra kinux diġà elevaw xi oġġetti qabel daħal hu, Scerri jwieġeb li ma jafx.
Huwa jżid ukoll li Arnaud qatt ma qallu li kien diġà nġabar xi materjal mir-residenza.
Il-kontro eżami jintemm hawn.
Is-Surġent Garry Scerri jixhed li mill-analiżi tal-apparati elettroniċi elevati matul l-investigazzjoni nstabu diversi materjali meqjusa rilevanti.
Huwa jgħid li, fost oħrajn, mill-mobile ta' Shayenne Zammit instabu screenshots relatati ma' Melvin Theuma, inkluż materjal marbut ma' logħob tal-azzard illegali.
Scerri jżid li f'apparati oħra nstabu wkoll voice recordings ta' konversazzjonijiet bejn Yorgen Fenech u Melvin Theuma, li mbagħad ġew mgħoddija għal aktar analiżi bħala parti mill-investigazzjoni.
Il-Prosekuzzjoni tesebixxi fl-awla diversi dokumenti relatati mal-investigazzjoni "Leaks", li ġew ippreparati mis-Surġent Garry Scerri.
Scerri jixhed li l-informazzjoni waslitlu mingħand is-Surġent Brady Zammit permezz ta' hard drive.
Huwa jispjega li, wara li ġie eżaminat il-materjal, id-dokumenti meqjusa rilevanti kienu jiġu mmarkati ("flagged") u mgħoddija għal analiżi ulterjuri.
Is-Surġent Garry Scerri jixhed li l-issa Assistent Kummissarju Keith Arnaud kien infurmahom li, waqt l-arrest ta' Keith Schembri, kien innota diversi apparati elettroniċi fir-residenza.
Madankollu, Scerri jisħaq li kien ġie spjegat lilhom li dawn ma kinux apparati personali ta' Schembri.
Huwa jgħid li Arnaud tahom istruzzjonijiet biex, waqt li kienu akkumpanjati minn Schembri, imorru jiġbru dawn l-apparati.
Scerri jżid li waqt li kienu qed isiru dawn il-proċeduri fir-residenza kien hemm ukoll Neville Gafà, mart Keith Schembri, koppja anzjana li hu jassumi kienu l-ġenituri ta' Schembri, kif ukoll xi ħaddiema.
Jgħid ukoll li l-avukati ta' Schembri baqgħu fis-sular t'isfel, akkumpanjati minn uffiċjali tal-pulizija, waqt li nġabru l-apparati.
Il-Prosekuzzjoni tistaqsi lis-Surġent Garry Scerri kif twettqet is-search fir-residenza ta' Keith Schembri.
L-Imħallef Edwina Grima tintervjeni u titlob lix-xhud jispjega kif normalment issir tfittxija.
Scerri jwieġeb li, f'dan il-każ, "din ma kinitx search", iżda operazzjoni biex jinġabru ċerti oġġetti fuq istruzzjonijiet tal-investigatur Keith Arnaud.
Huwa jgħid li Schembri stess indika lill-pulizija liema oġġetti kellhom jinġabru
Scerri jżid li fil-karriera tiegħu kellu każijiet oħra fejn persuni taħt investigazzjoni indikaw huma stess fejn kienu jinsabu l-oġġetti mitluba, u jisħaq "din mhi xejn ta' barra minn hawn"
Is-Surġent Garry Scerri jgħid li t-tfittxija fir-residenza ta' Keith Schembri saret fil-preżenza tal-avukati tiegħu, li, sa fejn jaf hu, kienu huma stess li talbu biex jakkumpanjaw lill-pulizija waqt il-proċess.
Ix-xhud jgħid ukoll li fid-dar kien hemm preżenti koppja anzjana, mart Keith Schembri, Neville Gafà, kif ukoll xi ħaddiema.
Is-Surġent Garry Scerri jgħid li t-tfittxija fir-residenza ta' Keith Schembri saret fil-preżenza tal-avukati tiegħu, li, sa fejn jaf hu, kienu huma stess li talbu biex jakkumpanjaw lill-pulizija waqt il-proċess.
Ix-xhud jgħid ukoll li fid-dar kien hemm preżenti koppja anzjana, mart Keith Schembri, Neville Gafà, kif ukoll xi ħaddiema.
Is-Surġent Garry Scerri jixhed li Keith Schembri ġie arrestat kmieni filgħodu mill-investigaturi Keith Arnaud u Kurt Zahra.
Jgħid li għall-ħabta tas-2pm mar flimkien ma' uffiċjali oħra biex issir tfittxija fir-residenza ta' Schembri.
Skont Scerri, waqt li kienet għaddejja t-tfittxija, Keith Arnaud ċempillu u talbu joħroġ mir-residenza biex ifittex filmati tas-sigurtà mill-inħawi.
Huwa jgħid li twettqet it-tfittxija, iżda ma nstab l-ebda filmat rilevanti.
Is-Surġent Garry Scerri ikompli jixhed dwar l-involviment tiegħu fl-investigazzjoni.
Jgħid li fit-28 ta' Novembru 2017 reġgħu waslu Malta aġenti tal-FBI, din id-darba bl-apparat forensiku tagħhom, u flimkien wettqu diversi investigazzjonijiet fuq il-post f'żoni differenti.
Scerri jgħid li aktar tard ħa sehem ukoll fl-operazzjoni li wasslet għall-arrest tal-aħwa George u Alfred Degiorgio u Vince Muscat, fejn kien inkarigat minn tfittxijiet fir-residenzi tagħhom, kif ukoll f'appartament f'San Pawl il-Baħar.
Ix-xhud imbagħad jgħaddi għall-avvenimenti ta' Novembru 2019, wara l-arresti ta' Melvin Theuma u Yorgen Fenech.
Huwa jgħid li assista lill-investigaturi Keith Arnaud u Kurt Zahra, iżda ma kienx involut direttament fl-interrogazzjonijiet.
Scerri jixhed li fit-23 ta' Novembru kien infurmat li t-tabiba Adrian Vella kien eżamina lil Fenech fiċ-ċella u rrakkomanda li jittieħed l-Isptar Mater Dei minħabba kumplikazzjonijiet mediċi.
Jgħid li kien hu li skorta lil Fenech sal-Emerġenza u, wara li ngħata l-kura meħtieġa, staqsa lit-tobba jekk kienx f'kundizzjoni li jkompli jagħti l-istqarrija tiegħu lill-pulizija.
Il-Prosekuzzjoni ssejjaħ lis-Surġent Garry Scerri, li bħalissa huwa stazzjonat fl-Iskwadra tal-Omiċidji.
Scerri jgħid li beda fil-Korp tal-Pulizija bħala kuntistabbli u, wara, ġie promoss għas-surġent.
Huwa jixhed li kien involut fl-investigazzjoni tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia sa mill-ewwel jum, u jgħid li fit-18 ta' Ottubru 2017 kien inkarigat jakkumpanja lill-esperti maħtura mill-Qorti biex jinġabar filmat tas-CCTV mill-inħawi tal-Bidnija.
Jgħid ukoll li, ġurnata qabel, meta waslu Malta l-aġenti tal-FBI, kien inkarigat jiggwidahom fil-postijiet fejn kellhom iwettqu l-investigazzjonijiet tagħhom.
Scerri jkompli jispjega li fil-21 ta' Ottubru kien preżenti waqt l-intervista ma' Wallace Sammut, li qal lill-investigaturi li kien innota karozza bajda tal-kiri iddur fl-inħawi fil-jiem ta' qabel il-qtil u anke dakinhar tal-isplużjoni.
Aktar tard fl-investigazzjoni, Scerri jgħid li kien ukoll inkarigat jiġbed filmat ta' dgħajsa biex isir paragun forensiku ma' filmat ieħor miġbur fis-16 ta' Ottubru.
Il-prosekuzzjoni tgħid lill-Qorti li d-difiża qed titlob biex żewġ sentenzi minn paġna 3442 tar-rapport tal-Inkjesta Pubblika jiġu mgħottija qabel il-qari tagħhom quddiem il-ġurati.
L-avukat Giannella de Marco tgħid li s-sentenzi jirrigwardaw komunikazzjoni bejn tabib u pazjent, u tisħaq li huma ta' natura strettament personali u m'għandhom l-ebda rilevanza għall-każ.
Insellmulkom għall-aġġornamenti diretta mis 27 jum tal-ġuri ta' Yorgen Fenech
Illum il-Qorti mistennija tisma' xhieda ġodda, wara li lbieraħ intemm il-kontroeżami tal-eks Chief of Staff Keith Schembri, li ċaħad kull involviment fil-qtil u akkuża diversi xhieda li gidbu dwaru.
Se nkunu qed inwasslulkom l-iżviluppi kollha hekk kif iseħħu.