DIRETT | Illum jibda il-kontroeżami ta’ Keith Schembri

Il-ġuri ta' Yorgen Fenech dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia jkompli llum b'fażi ġdida tax-xhieda hekk kif l-avukati ta' Fenech mistennija jibdew il-kontroeżami tagħhom ta' Keith Schembri, wara li l-Prosekuzzjoni għalqet il-mistoqsijiet tagħha lbieraħ.

🔴 DIRETT
09:21

Qabel ma Keith Schembri jerġa' jitla' fuq il-pedana tax-xhieda, il-Qorti tisma' lix-xhud Sami Harmionen, espert tal-forensika diġitali mal-Europol.

Il-Prosekuzzjoni tirreferih għall-ewwel rapport tiegħu, li jittratta l-estrazzjoni forensika ta' data minn diversi apparati elettroniċi elevati waqt l-inkjesta li saret fit-22 ta' Diċembru 2017 f'razzett fil-Mosta.

Harmionen jikkonferma wkoll it-tieni rapport tiegħu, relatat mal-estrazzjoni ta' aktar data minn apparati elevati minn appartament f'San Pawl il-Baħar, li kien marbut ma' wieħed mill-aħwa Degiorgio.

Jaelle Borg
09:20

Il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia ġeddet is-sejħa tagħha biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista.

Fi stqarrija fuq il-midja soċjali hekk kif ikompli l-ġuri ta' Yorgen Fenech, il-Fondazzjoni qalet li l-proċeduri fil-Qorti qed juru "f'ħin reali" kif il-korruzzjoni u l-influwenza wasslu għall-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia.

Il-Fondazzjoni sostniet li l-ġustizzja ma tieqafx bil-kundanna ta' dawk responsabbli mill-qtil, iżda teħtieġ ukoll l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika biex tissaħħaħ is-saltna tad-dritt, tiġi indirizzata l-kriminalità organizzata u jingħataw aktar protezzjoni l-ġurnalisti.

Hija żiedet li ħafna mir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika għadhom ma ġewx implimentati u appellat lill-Gvern biex iwettaqhom.

https://www.instagram.com/p/DbZ8SLOjS18/?img_index=1

Jaelle Borg
09:10

llum il-ġuri jidħol f'fażi ġdida hekk kif Keith Schembri mistenni jiffaċċja l-kontroeżami mill-avukati ta' Yorgen Fenech, wara li l-Prosekuzzjoni għalqet il-mistoqsijiet tagħha wara ħamest ijiem ta' xhieda.

Fis-seduta tal-bieraħ, Schembri qal lill-ġurati li kien "ixxukkjat" meta Fenech beda jimplikah fil-qtil u li mar għand l-eks Prim Ministru Joseph Muscat biex joffrilu r-riżenja tiegħu.

Huwa ċaħad ukoll sensiela ta' allegazzjonijiet li tressqu quddiemu mill-Prosekuzzjoni, fosthom li kien ta struzzjonijiet lil Fenech biex jinstab mod kif tinqatel Caruana Galizia.

Schembri baqa' miżmum b'ordni tal-Qorti matul il-lejl u mistenni jerġa' jitla' fuq il-pedana tax-xhieda dalgħodu.

Dalgħodu qabel jitla fuq il-pedana Schembri, ser nisimgħu xi xhieda minn Europol

Segwu magħna għal kull żvilupp mill-awla matul il-ġurnata.

Jaelle Borg

L-eks chief of staff ta' Joseph Muscat għadda minn ħamest ijiem ta' mistoqsijiet mill-Prosekuzzjoni, li matulhom ġie mistoqsi dwar il-komunikazzjoni tiegħu ma' Fenech qabel u wara l-arrest tal-imprenditur, il-mobile li qatt ma nstab, it-tfittxijiet fid-dar tiegħu u diversi allegazzjonijiet li ċaħad b'mod kategoriku.

Fl-aħħar tas-seduta tal-bieraħ, Schembri qal li kien "ixxukkjat" meta Yorgen Fenech beda jimplikah fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u li mar għand l-eks Prim Ministru Joseph Muscat biex joffrilu r-riżenja tiegħu.

Matul l-eżami, Schembri ċaħad ukoll allegazzjonijiet attribwiti lil Fenech li kien ta struzzjonijiet biex tinqatel Caruana Galizia, kif ukoll ix-xhieda ta' George Degiorgio li allega li Schembri bagħat lil Melvin Theuma biex jirranġa l-qtil.

Is-seduta tal-lum mistennija tibda bil-mistoqsijiet tal-avukati ta' Fenech lil Schembri, li baqa' appartat b'ordni tal-Qorti matul il-lejl.

More in Qrati u Pulizija